Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Rigali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23959 fejn intqal li l-informazzjoni qed tinġabar, peress li issa għaddew ħames xhur minn meta saret il-mistoqsija oriġinali, jista’ l-Ministru jgħid kemm qala’ rigali minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa u min tahulu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-funzjoni tiegħi ta’ Ministru nattendi diversi laqgħat u attivitajiet fejn jiġu skambjati rigali żgħar tal-okkażżjoni. Sal-aħjar għarfien tiegħi l-ebda tali rigali ma jeċċedu l-mitt ewro. Normalment dawn ikunu jikkonsistu f’plakki kommemorattivi.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew huma mistennija jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu matul it-tieni nofs tal-2025? Jista’ jgħid ukoll liema għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s'issa l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar m’għandu l-ebda direttivi tal-Unjoni Ewropea, li ġew jew mistennija, jiġu trasposti matul it-tieni nofs tal-2025. Għaldaqstant, il-Ministeru ma għandu l-ebda direttiva li għadha pendenti.

In-Nadur — Triq San Blas - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29274 u 29580 u ċjoè: B’referenza għas-sejħa li nħarġet biex Triq San Blas fin-Nadur issir mill-ġdid, jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq San Blas hux ser issir kollha kemm hi? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan ta’ fejn ser isiru x-xogħlijiet f’din l-istess triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħolijiet marbuta ma din t-tender partikolari ma jkoprux it-triq kollha iżda l-ħsieb huwa li s-sussegwentament b’tender separat isiru wkoll t-toroq kollha f’San Blas.

Il-Fontana Għawdex — Triq Santa Dminka - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29581 dwar ix-xogħlijiet li saru f’parti minn Triq Santa Dminka fil-Fontana mill-kuntrattur li ġie mqabbad mill-Ministeru tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien fiha tul u kemm huma stmati li ġew jiswew ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid għaliex f’din il-parti tat-triq ingħataw żewġ kisjiet ta’ asfalt fl-istess ġurnata? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħlijiet kollha meħtieġa fuq il-kumplament ta’ din it-triq humiex se jitkomplew / isiru, u jekk iva meta?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li x-xogħol sar taħt il-superviżjoni tal-Perit inkarigat mill-Ministeru, il-Perit Shawn Micallef, li huwa impjegat tal-istess Ministeru. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq triq Sir Arturo Mercieca. Il-kont finali jkun skont kif ċertifikat mill-perit responsabbli.

San Pawl il-Baħar — Permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28846 dwar permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar f’San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-permessi huma għall-bini ta’ djar/appartamenti residenzjali, għal ristoranti jew bars, eċċ. jew użu ieħor maqsuma separatament f’kategoriji differenti skont l-użu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Sindki u Kunsilliera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma Sindki u Kunsilliera li jaħdmu mal-Ministeru tiegħu, inkluż fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jispeċifika f’liema kunsilli lokali jaħdmu u x’inhu l-grad tagħhom mal-Ministeru? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom impjegati mal-Gvern jew mal-entitajiet relatati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazjoni qed tinġabar.

Il-Fontana, Għawdex — Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29517 dwar xogħlijiet li ser isiru fuq it-triq li minn quddiem il-junction li tieħu għall-Fontana, twassal sat-tarf ta’ Triq Sir Arturo Mercieca, kantuniera ma’ Triq il-Vajringa, jista’ l-Ministru jgħid kemm hija twila din il-parti tat-triq li ser issir u kemm huma stmati li ser jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Għawdex — Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li ser ikunu ta’ prijorità u li ser isiru f’Għawdex sal-aħħar tas-sena 2025, maqsuma raħal b’raħal? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ xogħol ser ikun qed isir f’kull triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fi Triq Sir Arturo Mercieca, Triq Ġorġ Pisani, Triq Patri Giancintu Camenzuli, Triq Marsalforn u f’parti minn Triq Anton Tabone.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Nefqa fuq Overtime

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29576 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali fuq overtime f’kull diviżjoni, dipartiment, direttorat, awtorità u fil-Ministeru stess mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazjoni qed tinġabar.

Ir-Rabat, Għawdex — Triq l-Ewropa - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29278 u 29579 u jgħid fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet li saru sa issa fuq parti minn Triq l-Ewropa fir-Rabat, Għawdex, kemm kien fiha tul u kemm huma stmati li se jiġu jiswew ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk humiex se jitkomplew u jsiru x-xogħlijiet kollha meħtieġa fuq il-partijiet l-oħra ta’ Triq l-Ewropa speċjalment quddiem l-iskola sekondarja peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li sar fi Triq l-Ewropa kien jikkonsisti f’kommunikazzjoni tal-ilma tax-xita min Triq Fortunato Mizzi u Triq Duminku Mintoff lejn il-Wied ta’ Karawendi. Barra min hekk saret ukoll bankina ġodda quddiem iċ-Ċentru akwatiku sabiex in-nies ikollhom aċċess sigur.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati — Nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23942, jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-baġit tal-Ministeru tiegħu fi sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti / servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati fis-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27937.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — L-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid ukoll liema laqgħat huwa mistenni li jattendi fit-tieni nofs tal-2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel nofs tas-sena 2025, attendejt l-Assemblea Ġenerali tal-Kummisjoni tal- Gżejjer tas-CPMR fil- Gżejjer Kanarji, Spanja, bejn it-23 u 24 t’April. Attendejt wkoll għal laqgħa informali tal-Ministri Ewropej responsabbli mill-Politika ta’ Koeżjoni, Territorju u l-iżvilupp Urban li inżammet f’Warsaw, il-Polonja, bejn l-20 u 21 ta’ Mejju. Fit-tieni nofs tas-sena 2025, aktarx ser nattendi wkoll għal laqgħa fil-Belġju bl-isem ‘EU Regions Week’, inkluża l-konferenza ‘Cohesion objectives beyond cohesion policy’ li ser tinżamm f’Ottubru. Ser ikun hemm ukoll l-Assemblea Ġenerali tas-CPMR li ser tinżamm f’Barcelona f’Novembru li possibbli nattendi, però għadni ma kkonfermajthiex. M'iniex infurmat s’issa li se jkun hemm aktar laqghat fi ħdan l-Unjoni Ewropea sa Diċembru, però tifhem li jista’ jkun li niġu mistiedna għal xi laqgħat aktar 'il quddiem skont iċ-ċirkustanzi.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Impjegati full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti t-total tal-impjegati full-time u part-time, fi ħdan il-Ministeru tiegħu, inkluż dawk f’awtoritajiet, f’entitajiet u f’dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Refuse Collection Vehicles

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29515 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29284, dwar kemm hemm jaħdmu fil-preżent u f’dawn l-aħħar xhur, ‘REFUSE COLLECTION VEHICLES’ fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u jekk kienx hemm minnhom mikrijin mingħand il-privat, fejn ġie mwieġeb li ‘wieħed minnhom huwa mikri mingħand il-privat. Dan ġie mikri mingħand il-privat bejn Mejju u Diċembru 2024 u bejn Frar 2025 sal-lum’, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid kif kien qed jinkera u meta u fejn ħarġu s-sejħiet biex jinkera dan ir-Refuse Collection Vehicle? Jista’ jgħid ukoll kemm qed jitħallas fix-xahar, minn min jinstaq u kemm qed jitħaddem kuljum?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ir-Refuse Collection Vehicle qed jinkera għall-prezz ta’ €100 kuljum u jitħaddem tliet darbiet kuljum.

Ħal Far — Trasferiment ta’ pompa tal-petrol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjoni biex pompa tal-petrol li tinsab fi pjazza f’Birżebbuġa, tiġi trasferita għal art f’Ħal Far?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni PA 4743/25 qed tipproponi 'Proposed new fuel service station with Class 4B outlet and car wash facilities in lieu of fuel station as approved in PA4578/15 currently located on another site'. Din l-applikazzjoni qed tiġi pproċessata.

Għawdex — Djar tal-Anzjani - Stennija għal dħul

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29001, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28271 u jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li qed jistennew biex jidħlu f’Dar tal-Anzjani f’Għawdex sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandix x’inżid mat-tweġiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari 29001.

Ix-Xewkija, Għawdex – Farm tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-raba’ li hemm ġewwa l-Farm tal-Gvern ġewwa x-Xewkija hix qiegħda tinħadem kollha b’mod regolari? Jekk fin-negattiv, jista’ jgħid x’inhuma l-pjanijiet għal din ir-raba’ u jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jżommha jew jgħaddiha lill-privat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raba' tal-Farm kollu qed jinħadem b’mod regolari, u jintuża għal diversi uċuħ u siġar. Issir ukoll riċerka fuq diversi affarijiet - anke b’kollaborazzjoni mal-Universita ta’ Malta - li fost l-oħrajn tinkludi; 1. Shadehouse – tkabbir ta siġar tal-frott; 2. Serer – tkabbir ta’ ħxejjex bħal ħjar, tadam, bżar, brunġiel, bettieh u dulliegħ; 3. Raba' – tkabbir ta’ magħlef għall-bhejjem; 4. Raba' – tkabbir ta’ karawett; 5. Raba'– tkabbir ta’ prodotti lokali bħal dulliegħ u qoton fost affarijiet oħra; 6. Siġar tal-frott irqiq; 7. Siġar taċ-ċitru; 8. Siġar tat-tin; 9. Għalqa għal Agribuisiness – għal użu tal-istudenti; 10. Għalqa b’siġar indiġeni. Ovvjament ir-raba' għandu bżonn il-mistrieħ tiegħu ukoll u għalhekk isir crop rotation. Fejn inkabbru l-fodder, dan jintuża bħala għalf għal bhejjem tagħna stess.

Għawdex u Kemmuna — Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27198 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u jgħid liema huma l-proġetti li huma maħsuba li jinbeda x-xogħol fuqhom matul din is-sena ġewwa Għawdex u Kemmuna u jekk hux ser jiġu użati fondi Ewropej biex isiru? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawn il-proġetti ser jitlestew kompletament sal-aħħar ta’ din is-sena u kemm ser jintużaw fondi Ewropej u fondi Maltin għal kull proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ix-Xewkija — Trailer Park

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28082 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan ta’ fejn hu maħsub li se jsir l-investiment fuq proġett ġdid fis-sit industrijali fix-Xewkija li jikkonsisti f’kostruzzjoni ta’ Trailer Park, kif ukoll l-infrastruttura u l-faċilitajiet ġodda fil-madwar? Jista’ jgħid ukoll kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li meta jkunu lesti d-diskussjonijiet necessarji, il-Ministeru jħabbar il-proġett.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux konsulenti ingaġġati mal-Ministeru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, kemm hi l-ispiża għall-ingaġġar ta’ konsulenti, xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi, min kienu dawn il-konsulenti, xi kwalifiki għandhom, x’inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għall-kull servizz ta’ konsulenza li ta? Jista’ jgħid ukoll kif ingħataw dan ix-xogħol dawn il-konsulenti; jekk hux permezz ta’ direct order jew tender?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti ngaggati mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar huma impjegati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.