Allokazzjoni ta’ fondi għall-kaċċa u l-għaqdiet tal-kaċċa
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex twaqqfu l-fondi li kienu allokati għall-kaċċa u l-għaqdiet tal-kaċċa fis-snin 2021 u 2022? Dawn l-ispejjeż qegħdin jgħaddu jew iddaħħlu taħt spiża oħra li taqa' taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jew taħt xi ministeru ieħor?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2021 ġie mniedi l-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi, li permezz tiegħu ngħatat għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet volontarji, inkluż għaqdiet tal-kaċċa, li huma iskritti skont l-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji. Bis-saħħa ta' dan il-fond, l-għaqdiet volontarji jistgħu jwettqu inizjattivi relatati mal-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Mis-sejħa maħruġa fl-2021, erba’ proġetti ta’ konservazzjoni li jappartjenu għal żewġ organizzazzjonijiet tal-kaċċa ngħataw total ta’ €33,952. Din iċ-ċifra tammonta għal 50% tal-għotja totali approvata skont il-linji gwida tal-fond.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li reġgħu bdew jitkomplew f'dawn l-aħħar ġimgħat fil-latrina tad-Dwejra u minn min saru? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li din il-latrina, li ilha magħluqa iktar minn sentejn, terġa’ tinfetaħ u tintuża mill-pubbliku anke peress li l-istaġun tas-sajf dalwaqt jibda?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuq il-kostruzzjoni tas-saqaf ġdid u ristrutturar tal-layout minn ġewwa sabiex din il-latrina tiġi iktar aċċessibbli għall-persuni bi bżonnijiet speċjali. Ix-xogħlijiet fuq is-saqaf saru minn Mercieca Brothers u x-xogħlijiet ta’ finishing minn ġewwa ser isir permezz tal-ħaddiema tal-gvern. Ix-xogħlijiet fuq din il-latrina mistennija jkunu lesti f’Lulju.
Għawdex – proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7367, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, u jgħid liema huma l-proġetti u fejn jinsabu f’Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm LIFE Integrated Project? Jista’ jgħid liema ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati biex isiru matul is-snin 2014 sal-2023 mill-programm LIFE Integrated Project u liema saru u liema bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom? Jista’ jgħid ukoll kemm se jingħata flus il-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond fuq kull proġett? Jista’ jgħid jekk hux se jingħata aktar flus u jekk iva, kemm se jingħata minn dan il-fond u għal liema proġetti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex huwa partner fil-Life Intergrated Project li l-benefiċċjarju ewlieni huwa l-Energy and Water Agency. Il-Ministeru qed jibbenefika minn €1,116,304.44 f’fondi minn dan il-proġett. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-proġett fuq żewġ actions: il-bini ta’ ġibjun li jesa’ kważi 300 metru kubu ta’ ilma u għaddej ukoll bil-proċess ta’ applikazzjoni għal permess mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jiġi restawrat u rijabilitat il-Wied tal-Grixti. Il-ġibjun tal-ilma flimkien ma’ sistema t’irrigazzjoni ser ikun qiegħed jintuża għar-riċerka fuq il-kwalità tal-prodotti agrikoli meta dawn jissaqqew b’ilma ġdid meta kkomparati mat-tisqija bl-ilma tax-xita. Fil-perjodu msemmi kien hemm applikazzjoni oħra li l-Ministeru għal Għawdex applika għaliha u li ma ġietx aċċetta.
Ministeru għal Għawdex – rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’kull dipartiment jew entità li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex sarux rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fuq barra minn Marzu 2013 sal-lum u jekk iva, meta saru? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ tali rakkomandazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Proġetti u programmi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-proġetti u programmi/inizjattivi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom jew għadhom għaddejjin? Jista' jagħti l-valur totali għal kull proġett jew programm/inizjattiva, ta’ kemm se jiġi jiswa u kemm minnu hu kofinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid meta hu maħsub li jispiċċa kull proġett jew programm/inizjattiva?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 9273 Proġetti u programmi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma d-dive sites f’Għawdex? Jista’ jgħid x’investiment sar f’kull dive site minn dawk imsemmija f’Għawdex mill-Ministeru tiegħu sena b'sena mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-lum? X’qed isir f’kull site biex l-aċċess għad-divers ikun aktar faċli?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dive sites f’Għawdex huma dawn: Blue Hole, Coral Cave; Inland Sea; Cathedral cave; Reqqa Point; Shrimps’ Cave; Billinghurst Cave; Double Arch Reef; Mġarr ix-Xini, Xlendi Cave; Comino Caves; Alexander’s Cave; P31; The Three Wrecks (Xatt l-Aħmar); MV Karwela; MV Comino Land; MV Xlendi. L-investiment mill-Ministeru għal Għawdex huwa marbut l-iktar mal-manteniment tas-slielem minn fejn jitilgħu u jinżlu l-bugħaddasa.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3369, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li kellu jsir f’Kerċem Tombs (Katakombi ta’ Għar Għerduf) sarux, sabiex tibda l-ħidma arkeoloġika?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li saru studji preliminari fuq is-sit tal-Katakombi ta’ Għar Gerduf, ġie stabbilit li minħabba l-fraġilità u xi kunsenturi li nstabu fis-sisien u s-saqaf tal-għar, għandhom isiru investigazzjonijiet aktar profondi fuq it-tessut u t-terren tal-madwar. Għal dan il-għan, f'dawn l-aħħar xhur ġie preparat u evalwat tender (SPD3/2023/010 – Award Notice; 15 ta’ Mejju 2023) għall-provista’ ta’ studju xjentifiku tal-istat ġeoloġiku u jirrakkomanda miżuri ta’ konsolidament tal-blat li jifforma l-Katakombi ta’ Għar Gerduf bl-aħjar interventi u possibbilment reversibbli li jirrispettaw u jħarsu s-sensittività ta’ dan il-post storiku f’Għawdex. L-istess tender jaħseb ukoll biex ifassal pjan metodoloġiku għall-iskavar arkeoloġiku meħtieġ, mingħajr ma jikkomprometti l-istess struttura jew b’xi mod ikun ta’ periklu għall-ħaddiema involuti fl-istess proċess. Dan kollu qed isir b’kollaborazzjoni u f’kunsultazzjoni sħiħa mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-FKNK (Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti) qattx ingħataw fondi allokati bħala ''Assistance for Hunting Organisation''?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 9906 FKNK – allokazzjoni ta’ fondi.pdf
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-FKNK (Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti) humiex jieħdu fondi taħt ''Funding of NGOs''? Jekk fl-affermattiv, kemm ħadet l-FKNK matul is-snin 2019, 2020, 2021 u 2022, sena b'sena?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 9907 FKNK – allokazzjoni ta’ fondi.pdf
Ministeru għal Għawdex – għoti ta’ kontribuzzjonijiet lill-parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja f'Għawdex ingħataw kontribuzzjonijiet, għajnuna fi flus jew għajnuna oħra mill-Ministeru tiegħu, jew xi waħda mill-entitajiet li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu minn Jannar 2020 sal-lum?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 9267– għoti ta’ kontribuzzjonijiet lill-parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja.pdf
Ministeru għal Għawdex — entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet li applikaw għal fondi tal-Unjoni Ewropea
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7402 dwar l-entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea matul is-snin 2021 u 2022, jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw fondi kull direttorat u entità fuq kull applikazzjoni u għal xiex ingħatat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 9268 Ministeru għal-Għawdex - entitajiet dipartimenti jew awtoritajiet li applikaw għal fondi tal-Unjoni Ewropea Copy.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid x'għamel s'issa u x’beħsiebu jagħmel fil-futur qarib dwar parti minn Triq Mons Giuseppi De Piro ġewwa ż-Żebbuġ, Għawdex, peress li f’dawn l-aħħar xhur parti minn din it-triq bdiet iċċedi u tisfronda u f'dawn l-aħħar ġimgħat saħansitra ngħalqet kompletament bil-barriers? Jista’ jgħid jekk fil-preżent hemmx periklu għar-residenti li għandhom id-djar f'din il-parti ta’ din l-imsemmija triq? Jista’ jgħid ukoll jekk marx perit tal-Gvern fuq il-post u x'ġie deċiż?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Perit imqabbad mill-Ministeru mar fuq il-post, u qegħdin isiru l-istudji meħtieġa sabiex din it-triq terġa' tinfetaħ lura għall-pubbliku.
Ministeru għal Għawdex – Donazzjonijiet lil Fondazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien il-valur finanzjarju ta’ donazzjonijiet li l-Ministeru u/jew l-entitajiet (fosthom awtoritajiet) li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, taw lill-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista' jispeċifika meta donazzjoni kienet waħda finanzjarja u meta kienet għoti ta' servizz b'xejn jew makkinarju eċċ. u l-valur ta' tali għotja?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2021 ingħataw €5,000.00 mill-Gozo Channel (Operations) Limited bħala donazzjoni għall-kampanji Pink October u Movember tas-sena preċedenti.
Fir-rigward tal-informazzjoni tas-snin preċedenti nitlob lill-Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari b’numru 16472.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8148 u jgħid x'għamel s'issa u x’beħsiebu jagħmel fil-futur qarib rigward Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbug Għawdex twasslek għax-Xwejni peress li f’dawn l-aħħar xhur f'parti minn din it-triq, proprju fil-kantuniera qrib id-daħla tax-Shooting Range, it-triq bdiet iċċedi u tisfronda? Jista’ jgħid jekk fil-preżent hemmx periklu għan-nies u għall-vetturi li jgħaddu minn din l-imsemmija triq? Jista' jgħid ukoll jekk marx perit tal-Gvern fuq il-post u x'ġie deċiż?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq din it-triq huma mistennija li jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm inbnew Adventure Parks ġodda ġewwa Għawdex, fejn inbnew u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll jekk f'din il-leġiżlatura hemmx ippjanati li jinbnew Adventure Parks ġodda ġewwa Għawdex u jekk iva, fejn u kemm hi maħsuba li se tkun l-ispiża?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm Adventure Parks fis-snin indikati ma nbnewx, f’din il-leġiżlatura u ta’ qabilha ngħataw lura biex jitgawdew min-nies spazji pubbliċi bħalma huma r-riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Franġisk, Pjazza tax-Xewkija u l-Pjazza tal-Munxar. Dan flimkien ma’ numru ta’ open gyms li l-Ministeru ffinanzja permezz ta’ skema lill-Kunsilli Lokali. Tkomplew ix-xogħlijiet ta’ afforestazzjoni fil-park tal-familja ġewwa il-Qortin t’Isopu u investiment ieħor mill-Wasteserv ra s-sit magħruf il-qortin tax-Xagħra jinbidel fi spazju ieħor miftuħ għal pubbliku. Madanakollu l-idea ta’ Adventure Parks hija proposta tajba u ser inkunu qed naraw fejn jista' jinbena wieħed ġdid jew inkella jkun inkorporat fi proġetti eżistenti jew ġodda sabiex tali parks ikunu jistgħu jitgawdew mill-familji tagħna.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8150 u jgħid x’tip ta’ xogħlijiet inbdew fuq parti minn Triq Santa Dminka, fir-Rabat Għawdex, f’dawn l-aħħar ġimgħat u fiex jikkonsistu? Jista’ jgħid x’fadal isir u meta hu ppjanat bejn wieħed u ieħor li jitlesta x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet f’din il-parti tat-triq qed isiru minħabba l-problema tal-għarar. Fil-fatt saret sistema ta’ storm water culverts ġdida u dan sabiex tittaffa l-problema tal-għarar. Barra minn hekk ser jinbidlu wkoll is-servizzi tal-ilma u kif ukoll dak tad-drenaġġ. Ma' dawn ix-xogħlijiet ser jingħata wkoll wiċċ ġdid lil din l-istess Triq fejn qed isiru x-xogħlijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema mal-kuntrattur fid-dekasteru tiegħu, u f’liema rwoli?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn jidħlu ħaddiema mal-kuntrattur il-Ministeru għal Għawdex jixtri s-sigħat li hemm bżonn li jiġu koperti u għaldaqstant il-kuntratturi privati jiffornixxu n-numru ta’ individwi li hemm bżonn biex jiġu koperti t-tali sigħat.
Għawdex – sejħa għall-offeri għal xogħlijiet fuq toroq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa għall-offerti għal xogħlijiet fuq toroq li hemm appell bħalissa quddiem il-Public Contracts Review Board (PCRB)? Jista’ jgħid liema huma t-toroq u fejn jinsabu li hemm ħsieb li jsiru fl-immedjat permezz ta’ din is-sejħa? Jista’ jgħid kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa? Jista’ jgħid jekk il-Ministeru għal Għawdex talabx li dan l-appell jinstema' u jiġi deċiż b'mod urġenti mill-PCRB, peress li fil-preżent il-Ministeru għal Għawdex inqabad f’sitwazzjoni li ma għandux tender/kuntratt biex jaħdem xogħol ta’ urġenza?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-appell mistenni jinstema fil-ġimgħat li ġejjin. Ninforma wkoll li l-Ministeru kkomunika sabiex tali Board ma jdumx ma jinstema’. Rigward ix-xogħlijiet, il-prijorità se tkun fuq xogħlijiet li kienu diġà bdew u waqfu minħabba li kien spiċċa il-kuntratt bħal pereżempju Triq l-Emigranti fin-Nadur u Triq Stellini fix-Xagħra.