Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kuntratt bejn KIM u Produtturi

Question

Jista‘ l-Ministru jgħid f’kien l-esitu wara l-kuntratt li kien sar fis-sena 1994 għal perijodu ta' għaxar snin bejn il-KIM u erba’ produtturi biex jinbnew tlett multipliers u Sire Unit liema perijodu għalaq fis-sena 2004? Jista' jgħid x’kienet ir-raġuni li lil dawn l-erba' produtturi, li kienu ppretendew li għandhom ikomplu bit-tmexxija tal-istess, ġew rifjutati tant li dawn intavolaw kawża f’dan is-sens kontra l-istess Gvern? Jista' jgħid x’kienet ir-raġuni għalfejn huwa prefera jagħti għajnuna finanzjarja lil dawn il-produtturi minflok jilqa' t-talba tagħhom? Jista' jinforma lil din il-Kamra dwar kemm il-gvern ħallas bħala ex gratia lil dawk il- Multipliers Unit li kellhom ftehim ta’ għaxar snin u li skadilhom il-perijodu u minn liema fond tħallsu? Jista' jgħid x’kienu l-kriterji li fuqhom iddeċieda li jħallas dawn il-flus?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Produtturi tal-majjal — Special Temporary State Aid

Question

Jista‘ l-Ministru jgħid għar-rigward ta' l-ispecial temporary state aid lil produtturi tal-majjali rigward is-sussidju tal-SMPPMA u għajnuna tal-restructuring taħt l-SMPPMA mis-sena 2002 sas-sena 2008, i. X‘fondi kien hemm disponibli? ii. Kemm minn il-fondi ma intużawx? iii. X’qed jagħmel il-Gvern fuqhom ? iv. X’qiegħed il-Gvern jirraporta f’dan ir-rigward lil EU?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Produtturi tal-Majjal — Għajnuna - Flus li ma ntnefqux

Question

Jista' l-Ministru jgħid għar-rigward ta' l-ispecial temporary state aid lil produtturi tal-majjali rigward is-sussidju tal-SMPPMA u għajnuna tal-restructuring taħt l-SMPPMA mis-sena 2002 sas-sena 2008, x’se jiġri mill-flus li ma ntnefqux u jekk hux se jkunu carried forward għal snin li ġejjin ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

European Directives — Packaging Waste/Landfill Directive

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-Gvern b'mod konkret biex jintlaħqu t-targets tad-Direttivi Ewropej dwar packaging waste f'Malta, kif ukoll dwar d-deadlines marbutin mal-Landfill Directive?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li sabiex jintlaħqu t-targets tad-Direttivi Ewropej dwar packaging waste f'Malta, l-Gvern qabel xejn, investa fl-immodernizzar ta’ l-Impjant ta’ Sant’Antnin u fil-fatt beda jopera l-impjant ta’ l-MRF (Material Recovery Facility), kif ukoll qed jintroduċi skemi, bil-għan li eventwalment ikunu mħaddma mill-privat, u li għandhom jikkomplimentaw il-ġbir ta’ l-iskart li qed isir f’ ‘Irriċikla t-Tlieta’ u l-bring-in-sites. Dwar il- Landfill Directive , l-Gvern ilu konformi mad-Direttiva mill-ewwel ta’ Mejju 2004 permezz ta’ l-iżvilupp ta’ l- Engineered Landfill ta’ Żwejra u l-għeluq tal-miżbliet tal-Magħtab u tal-Qortin. Illum l- Engineered Landfill ta’ l-Għallis qed tissostitwixxi dik ta’ Żwejra li m’għadiex tintuża. Id- deadline li jmiss fil- Landfill Directive huwa fl-2010 u għandu jintlaħaq permezz ta’ l-impjant ta’ Sant’ Antnin u bis-sistemi ta’ riċiklaġġ li ddaħlu fil-pajjiż.

Media Education about Waste Separation

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani għandu l-Gvern biex jiġu intensifikati l-isforzi nazzjonali għal media education aktar effettiva dwar waste separation, użu ta' bring-in sites u door collection?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li l-kampanja ta’ informazzjona li saret s’issa diġà jidher li kellha suċċess tant li fl-ewwel 8 xhur ta’ din is-sena, mill- Bring-in Sites, diġà nġabar skart separat daqs kemm inġabar matul is-sena 2007 kollha. Fatt ieħor inkoraġġanti huwa li mis-sistema tal-ġbir tal-iskart separat bil-borża l-griża fl-ewwel 4 xhur ta’ operazzjoni diġà nġabru madwar 2000 tunnellata ta’ skart. Sadanittant tajjeb jingħad ukoll li din is-sena l-WasteServ qed tirristruttura s-sezzjoni li tieħu ħsieb tal-komunikazzjoni u l-kampanji edukattivi fi ħdanha. Dan qed isir biex jissaħħaħ il-messaġġ u jiġu kkonsolidati s-suċċessi li nkisbu fil-proġetti tal- Bring-in sites , il-Faċilitajiet għal Skart Goff (Civic Amenity Sites) kif ukoll l-Irriċikla t-Tlieta (door-to-door). WasteServ Malta Ltd ser izzid ukoll il-preżenza tagħha fl-iskejjel, u ser tagħmel kampanji edukattivi fil-media lokali kemm b’fondi pubbliċi u kif ukoll bi ftehim ma’ kumpaniji privati oħra li lesti jisponsorjaw u jgħinu sabiex ikompli jiżdied dan it-tagħlim. Hemm il-ħsieb li waħda minn dawn il-kampanji (li qed tiġi ffinalizzata) tkun kompetizzjoni regolari sabiex jinġabru, b’mod separat, aktar batteriji użati ħalli dawn ma jmorrux fl- Engineered Landfills. Ser jiżdiedu wkoll fuq t-televiżjoni u fuq ir-radju kemm ir-reklamar kif ukoll programmi b’iktar kontenut u ta’ iktar diskussjoni. Barra minnhekk, WasteServ irnexxielha żżomm impjegati magħha 23 persuna part-time li kienu ħadmu fuq proġett iffinanzjat mill-Fond Socjali Ewropew (ESF) fejn kienu żaru madwar 50,000 dar u spjegaw kif wieħed jissepara l-iskart. Dawn ser jibqgħu fuq l-istess linja ta’ xogħol ħalli jkun jista’ jinżamm kuntatt dejjem iktar qawwi kemm mal-pubbliku u kif ukoll mal-media.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Ċifra globali tas-safar fl-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Minstru jgħid kemm kienet in-nefqa globali/ċifra ta' flus tas-safar governattiv barra mill-Unjoni Ewropea rispettivament minn Jannar sa Settembru 2008? Mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministru, kemm kienet fil-fatt iċ-ċifra globali tas-safar fl-Unjoni Ewropea għall-istess żmien?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li ċ-ċifra ta' flus f’safar governattiv barra mill-Unjoni Ewropea bejn Jannar u Settembru 2008 kien ta’ € 13,010.80 filwaqt li dak għall-Unjoni Ewropea kien ta’ € 317,640.48.

Suq tal-Belt — Elevator

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2006 li oriġinarjament saret lill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa qed tiġi riferuta lilu u jara li jittieħdu l-miżuri sabiex l-elevator fis-suq tal-Belt jerġa' jibda jintuża mill-aktar fis peress li mingħajru jonqos ħafna il-kummerċ tal-ħwienet fis-sulari ta' fuq? Jista' l-watch person fil-post jieħu ħsieb is-sigurtà fil-każ li l-elevator mhux possibli jintuża short term?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li minn studju li sar irriżulta li mhux ekonomikament ġustifikat li dawn jissewwew u għalhekk qed jittieħdu l-passi flimkien mal- Ministeru tal-Finanzi, Ekonomijja u Investiment, li hu responsabbli mis-suq tal-belt, biex dawn jinbidlu. Fir-rigward tal- watch person , jien infurmat li s-suġġeriment ġie mgħoddi lill-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomijja u Investiment li miegħu hu mpjegat dan il-persuna.

Floriana — Ġonna tal-Mall

Question

Jista' l-Ministru jara li fil-ġonna tal-Mall fil-Floriana jiġi rimedjat li: i) il-kuruna tal-arma tal-bieb lemin u l-funtana tad-dniefel jinsabu miksura ii) il-vaska tal-ħut mimlija ħmieġ iii) ħafna pots jinsabu bla arbuxelli u fjuri? Kemm jirriżulta li sewa r-riabilitazzjoni ta' dan il-ġnien fl-2007?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra

Floriana — Sptar ġenerali - Tindif

Question

Jista' l-Ministru jara li jitnaddaf il-ħmieġ li hemm mal-kamra mortwarja monumentali tal-isptar ġenerali fil-Floriana?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l- kamra mortwarja tal-isptar ġenerali fil-Floriana taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali u għalhekk nitlob lill-Onor Membru biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Sadanittant saret talba uffiċjali lill-Kunsill Lokali mis-Sezzjoni tas-Servizzi tad-Tindif fid-dipartiment tax-xogħlijiet biex isir it-Tindif neċessarju

Floriana — Ġonna tal-Argotti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-ġonna tal-Argotti fil-Floriana i) jistax jerġa' jibda jiffunzjona l-mekkaniżmu tal-logħob tal-ilma fil-funtana fil-pjazza ii) tistax tiġi restawrata l-funtana tad-delfin tal-ġebel li ttiekel iii) tistax l-istatwa ta' Djana li qiegħda fil-ġonna ta' San Anton terġa' lura fl-arzella li nbniet għaliha fil-ġonna tal-Argotti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra

Santa Venera — Knisja Parrokkjali - Manutenzjoni fuq iz-zuntier

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' manutenzjoni fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali fi Triq il-Kbira Santa Venera? Meta se jsir ix-xogħol fuq it-turġien u fuq il-balavostri taz-zuntier?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li x-xogħol ta’ bini u pavimentar bil-granit li kellu jsir mill-ħaddiema tal-gvern tlesta. Ix-xogħol ta’ balavostri u taraġ tal-granit li għandu jsir minn kuntratturi privati ser jibda’ fil-ġimgħat li ġejjin.

Biedja u Sajd — Skemi ta' Għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-iskemi ta’ għajnuna fl-oqsma tal-biedja u sajd għal Malta u għal Għawdex separatament kull sena mill-1999 sal-lum? Kemm kienu u x’kienu l-benfiċjarji ta’ dawn l-iskemi f’Malta u Għawdex separatament? Kemm intefqu flus kull sena fl-istess perjodu fuq dawn l-iskemi f’Malta u Għawdex separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’seduta oħra.

Marsaxlokk — Xatt is-Sajjieda - embelishment

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jinbeda l-embelishment ta' Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk stante l-fatt li dan il-proġett ilu jiġi imwiegħed diversi drabi għal tant snin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l- embellishment ta' Xatt is-Sajjieda ser jibda l-ġimgħa d-dieħla b’xogħol fuq in-naħa tar-residenti fejn l-ewwel xogħol ser ikun servizz ġdid ta’ drenaġġ. Dan ix-xogħol ser isir mill-kuntrattur tal-Water Services Corporation. It-Taqsima tax-Xogħlijiet ma setgħetx tibda bix-xogħol qabel ma l-Kuntrattur tal-WSC jagħmel ix-xogħol li qed nirreferi għalih.

Rapport dwar Renewable Energy Sources

Question

Fir-rigward ta' l-istudji li qed isiru mill-Gvern Malti u l-konsultenti ġodda tiegħu, jista' l-Ministru jgħid liema aspetti tar-rapport dwar renewable energy sources ta' Mott MacDonald tas-sena 2005 ser jiġu nkorporati - liema rapport kien ġie kkummissjonat fi żmien il-Ministru ta' dakinhar, Ninu Zammit?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jispeċifika għal liema studji qiegħed jirreferi.

Użu ta' plastic bags

Question

Huwa minnu li l-Gvern qed jaħseb biex jintroduċi miżuri ġodda dwar l-użu ta' plastic bags wara li l-miżuri ntrodotti fis-sena 2005 ma rnexxewx? Jista' l-Ministru jikkonferma f'mod kategoriku jekk in-numru ta' plastic bags fil-waste stream ta' pajjiżna kibirx jew naqasx mis-sena 2005 'l hawn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninforma l-Onor Membru li l-gvern qed kontinwament jixtarr il-possibilitajiet kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex l-użu tal-boroż tal-plastik ikompli jkun ikkontrollat wara l-introduzzjoni tal-miżuri tal-2005. Sadanittant jekk l-Onor Membru għandu xi ideat dwar miżuri li jwasslu sabiex ikompli jonqos l-użu tal-boroż tal-plastik, nitolbu jgħaddihomli ħalli jkunu kkunsidrati. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nitlob l-Onor Membru biex jirreferiha lill-Ministru kkonċernat.

Attard — Wied Irmiedi

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir xogħol ta' tindif u kontinwazzjoni ta' rijabilitazzjoni ta' Wied Irmiedi limiti ta' H'Attard? Jista' jgħid meta kien l-aħħar li sar tindif u x'xogħol beħsiebu jsir fil-ġimgħat li ġejjin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li x-xogħol fuq Wied Irmiedi jsir fuq bażi regolari minn sena għal sena skond il-program ta’ manutenzjoni u t-tindif tal-korsa ta’ l-ilma. Din is-sena peress li dan ix-xogħol hu meqjus bħala prijorità, sar fil-bidu tas-sajf matul Ġunju. Ix- xogħol li sar kien jinkludi: a) tneħħija ta’ depożiti akkumulati tul mhedda ta’ kilometru tal- korsa ta’ l-ilma; b) manutenzjoni fuq ir-reċensjonijiet tal-ilma, u l-kanal ta’ l-ilma l-antik ( storm-water ); c) ġbir ta’ skart goff u oġġetti tal- plastic mormija fil-wied; d) tneħħija ta’ ħaxix. Naturalment kull meta jinħass il-bżonn ta’ xi interventi oħra jittieħdu l-passi neċessarji biex ix-xogħol isir.

Siġar fil-Floriana

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi rimedjat il-fatt li siġar fil-Floriana qegħdin: i) jgħattu l-monument ta' Kristu Re fil-Biskuttin ii) il-bust tal-Professur Luigi Preziosi fil-Mall iii) l-istatwa ta' Vincenzo Bugeja fil-Mall iv) id-dħul għall-kamra mortwarja tal-isptar ċentrali fil-Floriana v) iħassru s-swar tal-Belt u l-Floriana vi) jgħattu l-Knisja ta' Sarria u l-monument Gotiku biswitha kif ukoll l-arbuxell fiż-zebra crossing tat-triq bejn il-Fosos u l-Yellow Garage/MCP Car Park li jostakolaw lill-pedestrians mis-sewwieqa tal-vetturi speċjalment fid-dlam?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Landfill for Hazardous Waste

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn tinsab il-landfill for hazardous waste? Minn x'hiex sar il-lining ta' din il-landfill speċifikament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-engineered landfill għal skart perikoluż tinsab fl-Għallis. Din inbniet iżda għadha mhix topera. Il-lining ta’ din il-faċilita sar kif jidher fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Parental Leave - Irġiel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm irġiel li jaħdmu fis-setturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fuq Parental Leave fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005, 2006 u 2007? Kemm hemm irġiel fuq parental leave din is-sena? Jista' jgħid f'kull każ kemm damu bil-parental leave?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li fid-Dikasteru tiegħi mis-sena 2000 sa Marzu tas-sena 2008, kien hemm biss persuna waħda li għamlet użu mill-Parental Leave għal-tlett xhur fl-2006.