Għawdex — Triq ta' Pinu u tal-Imġarr - Spezzjonijiet fuq xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb parti mill-mistoqsijiet parlamentari 17054 u 16548 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il darba saru spezzjonijiet fuq xogħlijiet fit-Triq tal-Imġarr? Meta saru dawn l-ispezzjonijiet, minn min u x'kien l-eżitu tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hemm numru ta’ uffiċċjali ta’ Transport Malta li b’mod regolari jagħmlu spezzjonijiet fuq il-proġett in kwistjoni, fosthom:
· L-Inġinier tal-proġett
(tlett darbiet fil-gimgħa u jieħu ħsieb l-immaniġjar tas-sit, koordinazjoni tax-xogħol u kif ukoll jara li x-xogħlijiet qed isiru skont id-disinn u l-istandards)
· Quantity surveyor
(darbtejn fil-gimgħa u jieħu l-kejl mis-sit tax-xogħol li sar biex ikunu jistgħu jinħargu u jiġu iċċertifikati l-kontijiet tax-xogħol)
· Field Officer
(darbtejn fil-gimgħa biex jassisti lil-Inginier tal-proġett)
· Quality Assurance
(skont il-bżonn ta meta jridu jittieħdu kampjuni ta’ materjali mis-sit biex jinħargu t-testijiet tal-materjali)
· Il-Kap Ezekuttiv (min żmien għal żmien)
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati ta' Transport Malta f'Għawdex? Meta ġew impjegati u liema hi l-call for appliactions relattiva? Xi kwalifiki għandhom kull wieħed u xi promotions ingħataw f'dawn l-aħħar ħames snin? Għamlu xi żmien jaħdmu Malta qabel ma ġew trasferiti lejn Għawdex b'mod permanenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' liċenzji bil-PY li inħarġu s'issa minn Transport Malta? X'tip ta' servizz huma awtorizzati li jagħtu dawn il-vetturi hekk liċenzjati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s’issa Transport Malta illiċenzjat 48 vettura bil-pjanċi PY. Dawn il-vetturi huma liċenzjati biex iġorru passiġġieri b’kiri jew b’kumpens skont ir-Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri (L.S. 332.13).
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17139 u jgħid meta mistenni jinbeda u jitlesta kull proġett f’Għawdex li hemm inkluż fir-rapport dwar ħolqien jew tkabbir ta' yacht marinas? Inbeda u/jew tlesta xi proġett li hemm inkluż f’dan ir-rapport? Jekk fl-affermattiv, liema huwa/huma l-proġett/i? Meta nbdew u meta tlestew?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fir-rapport dwar żvilupp ta' yacht marinas hemm inkluż il-possibilità ta' marina temporanja fl-Imġarr. L-iżvilupp ta' marina temporanja f'din il-lokalità hu parti mill-proċess ta' privatizzazzjoni tal-marina eżistenti, liema kuntratt mistenni li jiġi ffirmat illum.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — safar uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm sar safar minn uffiċjali ta' korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2009? Min kien li siefer? X'kienet ir-raġuni wara s-safra u fejn kienet? X'kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni — segretarjat privat
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies impjegati fis-segretarjat privat tad-dekasteru tiegħu? Min huma u xi kwalifiki għandhom? Kemm jitħallsu fix-xahar u x'perkaċċi għandhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Fid-dawl tal-għadd ta’ mistoqsijiet li għamilt f’dawn l-aħħar xhur dwar l-introduzzjoni tal-karti tal-edentità l-ġodda f’pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-gvern qed iwaddab il-piż tal-introduzzjoni tal-karti tal-identità l-ġodda fuq l-Unjoni Ewropea għal dak li għandu x’jaqsam il-finanzjament tagħhom? X’jiġri jekk dan il-finanzjament ma jseħħx? Għandu data indikattiva meta mistennija ssir din l-allokazzjoni ta’ fondi, aktar u aktar billi kif qed nifhem minn tweġibiet preċedenti l-arloġġ ta’ għaxar xhur jibda jdur minn meta jkunu effetivament allokati l-fondi mill-Unjoni Ewropea? Jista' jagħti assigurazzjoni kategorika li sakemm issir l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss diment li issir ma' u/jew qrib l-iskadenzi elettorali ta’ din il-leġislatura, l-introduzzjoni ta’ dawn il-karti tal-identità minflok dawk skaduti tkun seħħet darba għal dejjem?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Gvern ma wabbadx il-piż tal-introduzzjoni tal-karti tal-identita fuq l-Unjoni Europea tant illi fi tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari 16978 jien indikajt li jekk it-talba għal fondi taħt l-ERDF ma tirnexxiex, il-Gvern lest li jsib mezz alternattiv ta’ finanzjament.
Madankollu, il-Gvern kellu l-oppoturnità li jitlob finanzjament mill-Unjoni Ewropeja u b’resposabbilità fassal u għamel applikazzjoni għal dan il-finanzjament. Mhux sigriet li l-Gvern m’għandux xi bir bla qieh u kull mezz ta’ finanzjament addizzjoniali jagħti opportunità li jitwettaq programm aktar wiesa għal benefiċċju tal-Maltin.
Jien infurmat mhux uffiċċjalment li fil-fatt it-talba tal-Gvern ntlaqat. U għajr għal xi kjarifiċi, il-fondi se jiġu allokati. Fiduċjuż li jekk ma tinqalax xi ċirkustanza straordinarja, dan se jfisser li sa l-elezzjoni li jmiss, is-sistema il-ġdida tkun f’postha.
Fl-aħħarnett, intenni li l-karti ta’ identità preżenti ma humiex skaduti u minn irid waħda ġdida kull ma jrid jagħmel hu li jmur u jbiddilha.
Rabat — Triq Ħal Tartani u Triq Ħad-Dingli - xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet li għaddejin bħalissa fi Triq Ħal-Tartani u Triq Ħad-Dingli fir-Rabat? Jista' jgħid fiex jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, x’sar s'issa u x’fadal isir? Jista' jgħid dawn ix-xogħlijet meta bdew u meta se jkunu lesti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittieħdu ġuramenti fl-aħħar ħames snin minn persuni dwar telfien ta’ karti tal-identità? Kemm minn dawn il-persuni kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.
Awtorità dwar it-Trasport — ħlasijiet ta' avukati u Kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema avukati u/jew kumpaniji ta' avukati taw konsulenza lill-ex Awtorità dwar it-Trasport matul is-sena 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 (kull sena separatament) u kemm kienu l-ħlasijiet li saru sena b’sena b’mod separat ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Offerta għat-trasport marittimu bejn Malta u Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17262 u jgħid jekk is-sejħa għall-offerti għat-trasport marittimu bejn Malta u Għawdex ħarġitx? Jekk fin-negattiv, għaliex? Jekk ħarġet, meta? Jista’ jekk jogħġbu jqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17264 u jgħid jekk sarx xi ftehim mal-Gozo Bus Owners Association dwar ir-riforma tat-trasport pubbliku f’Għawdex? Jekk sar, jista’ jpoġġi kopja tal-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk għadu ma sarx, għaliex? Meta mistenni li jsir? X’inhuma l-proposti li qed isiru mill-Gvern lill-Gozo Bus Owners Association għal din ir-riforma?
Response (GATT, AUSTIN)
Kif kien imħabbar pubblikament mill-media kollha, fil-11 ta’ Frar 2010 ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern ta’ Malta, Transport Malta u s-sidien individwali tal-karozzi tal-linja f’Għawdex, dwar ir-riforma tat-trasport pubbliku f’Għawdex. Mudell ta’ dan il-ftehim qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti proposti ta' lukanda il-ġdida minflok il-Pixkerija, il-Belt Valletta ? Kemm mistenni jigi jiswa il-proġett ? X'jikkonsisti dan il-proġett ?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-proġett tal-Boutique Hotel propost minflok il-pixkerija għadu fi stadju inizjali. Bħalissa qegħdin isiru l-verifikazzjonijiet mal-pjan strutturali għal Belt u l-Port il-Kbir biex naraw il-vijabilità tas-sit indikat. F'dan l-istadju huwa prematur li jingħataw aktar dettalji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għamlu użu l-cruiseliners mill-moll il-ġdid ħdejn il-klabb tar-Regatta fil-Belt tal-Isla minn meta sar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn meta sar il-moll il-ġdid f'Awwissu 2009 ħdejn il-klabb tar-Regatta fil-Belt ta’ l-Isla (Boiler Wharf), 3 cruise liners għamlu użu minn dan il-moll.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — vetturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'vetturi jagħmlu użu minnhom kull awtorità u korporazzjoni li taqa' taħtu? Meta ġiet akkwistata, kemm qamet u minn fejn inxtrat?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-awtoritajiet tat-trasport għal tow zones f’San Ġiljan bir-rakkmandazzjoni tal-kunsill lokali tal-belt konċernata? Billi hemm uħud minnhom li jikkonċernaw żoni residenzjali qrib stabbilimenti ta' divertiment, jistgħu dawn jingħataw prijorità billi l-problema ta’ parkeġġ kontra l-liġi hemm ir-riskju li jiżdied issa li ġejja t-Tazza tad-Dinja?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li t- tow zones huma responsabbilità tal-Pulizija u mhux ta’ Transport Malta. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17121 u ċioe: Fid-dawl ta' rapporti li dehru fl-istampa lokali li hemm għadd ta' sewwieqa tat-taxis li qed jaħdmu mingħajr meter bi ksur sfaċċat tal-liġi, jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra kemm hemm minnhom li qed jagħmlu dan? X'multi ngħataw s'issa fejn irriżultaw każijiet simili? Jeżisti freephone service kemm għall-Maltin u l-barranin fejn jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom in real time jekk jiltaqgħu ma' każijiet simili kif ukoll ma' każijiet oħrajn kif allegat fejn xufiera jkunu lesti li jrikkbu nies mingħajr meter?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dawn kienu il-każijiet li fuqhom intalbet informazzjoni, flimkien mal-multi li nħarġu u passi li ttieħdu tul l-aħħar tlett snin:
Sena
Numru ta’ Irregolaritajiet
Multa u Passi li ttieħdu
2008
3
€465 multa kull wieħed u xahar sospensjoni fuq il-liċenzja tal-vettura u d-
driver tag
2009
2
€465 multa kull wieħed u xahar sospensjoni fuq il-liċenzja tal-vettura u d-
driver tag
2010 (Jannar - Marzu)
2
Pendenti
Minn din is-sena 'il quddiem, każijiet bħal dawn bdew ikunu nvestigati bħala offiżi kriminali.
Transport Malta, għalkemm m’għandhiex numru tal-
freephone
dirett iddedikat lil dan it-tip ta’ lmenti, tilqa’ l-istess fuq il-
freephone
tal-
Customer Care Unit
tagħha, u tgħaddihom it-Taqsima tal-Infurzar sabiex jiġu nvestigati.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Architecture Project
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17226, 17010 u 16783 u jgħid kemm ingħataw xogħol id-ditta tal-periti Architecture Project mill-Ministru u l-entitajiet li jiffurmaw parti minnu matul dawn l-aħħar tnax-il sena? F'kull każ, x'kien jikkonsisti x-xogħol, kemm kien il-valur tax-xogħol u kemm tħallas minnu? Meta ngħata dan ix-xogħol u meta tlesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Proċess ta' aġġudikazzjoni tas-sejħa għall-offerti
Question
B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija 17236 , jista' l-Ministru issa jwieġeb din il-mistoqsija u jgħid fejn wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni tas-sejħa għall-offerti ppubblika mill-MITA M482/09 - 'Call for expression of interest for a strategic partnership for the provision of an E-Learning solution' liema sejħa għalqet fil-11 ta' Novembru 2009 filwaqt li jgħid kemm minn dan il-proġett sejjer ikun finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropeja u kemm se jkun il-ko-finanzjament lokali filwaqt li jgħid meta hi l-mira li jingħata bidu għal dan il-proġett? Jista' jgħid ukoll min kien il-konsulent barrani li ġie ngaġġat għall-evalwazzjoni tal-offerta msemmija u jekk dan il-konsulent għandux xi rabta ma' xi waħda mill-kumpanija li tefgħet offerta? X'passi ħadet il-MITA, u meta, dwar ir-rabta ta' dan il-konsulent barrani? Kemm tħallas dan il-konsulent barrani?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninnota illi l-Onor. Interpellant diġa wasal għall-konklużjonijiet tiegħu dwar dan it-tender għaliex mingħajr ma ħabbel rasu biex ikollu r-risposti għad-domandi li staqsa, ġa ppublika artikolu fis-16 ta' Mejju fejn ikkonkluda illi:
1. mhux minnhu li l-proċess tħassar għax hemm possibilita ta' kunflitt ta' interess;
2. din tal-kunflitt ta' interess hi biss skuża;
3. il-verita hi li l-proċess tħassar għax xi kumpanija li kienet għal qalb il-Gvern ma ġietx short-listed.
Għar-raġunijiet li nispjega aktar il-quddiem dawn huma konklużjonijiet gratuwiti, immaġinarji u malizjużi mibnija mill-fantasija fertili tal-Onor. Interpellant liema fantasia issa waslet biex tivvinta anki fatti li ħadd ma jista jmerihom.
Iżda għar min hekk ma nistax ma nikkumentax dwar kumbinazzjoni stramba ħafna li tinvolvi lill-Onor. Interpellant, kumpanija tal-IT u tenders oħra li kemm din il-kumpanija kif ukoll l-Onor. Interpellant kienu nvoluti fihom.
Il-kumpanija Computer Domain hi sub-contractor nominat ta' kumpanija li ġiet short-listed għal dan it-tender, li għalhekk kella l-possibilita li tirbaħ it-tender u li bit-tħassir tal-proċess żgur ma kienx jaqbilla. Il-kumpanija Computer Domain kienet ukoll involuta f'żewġ tenders preċedenti u differenti, li dwarhom l-Onor. Interpellant kiteb artikoli u staqsa domandi - anzi f'wieħed mit-tenders prattikament qal li t-tender kellu bilfors jintrebaħ mill-Computer Domain.
Waqt li nħalli f'idejn l-Onor. Interpellant jispjega x'inhi l-konnessjoni tiegħu mal-kumpanija Computer Domain u għaliex hu daqshekkk pront biex jiddefendi l-interssi tagħha akkost li ma jistennix risposti u akkost li jgħawweġ il-fatti, qiegħed nelenka hawn taħt il-fatti kolla li jikkonċernaw il-proċess ta' dan it-tender.
Il-proċess marbut mas-sejħa għall-Expression of Interest għal Strategic Partnership for an eLearning Solution (u li 85% minnu se jiġi finanzjat minn fondi Ewropej) nħarġet mill-MITA fit-18 ta’ Settembru 2009, ġie mwaqqaf fl-10 ta’ Mejju 2010 fuq direzzjoni tiegħi personali u mhux fuq direzzjoni tal-MITA. Il-fatti li wassluni għal din id-deċiżjoni huma:
1. Is-sejha għall-Expression of Interest ġiet pubblikata fit-18 ta’ Settembru 2009 u ż-żmien tas-sottomissjoni ta’ l-offerti għalaq fil-11 ta’ Novembru 2009. Ġew sottomessi disa’ offerti li l-bord ta’ l-Evalwazzjoni iddeċieda li kollha kienu jikkwalifikaw għaliex kienu jikkonformaw mal-Mandatory Requirements.
2. Il-Bord ta’ Evalwazzjoni ġie maħtur mill-Kap Ezekuttiv tal-MITA fit-30 ta’ Novembru 2009 u kien jikkonsisti f’erba’ persuni: tlieta mpjegati tal-MITA u wieħed tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni. Il-Bord kien mgħejjun ukoll minn Technical Advisor u Financial Advisor, it-tnejn impjegati tal-MITA. Jien fl-ebda ħin ma ġejt konsultat dwar min jiġi nominat, kif wara kollox hi l-prassi normali.
3. Il-MITA kienet ukoll talbet, permezz ta’ offerta pubblika, s-servizz ta’ konsulent tekniku b’esperjenza internazzjonali fuq il-materja ta’ l-e-Learning u kienet qabbdet il-kumpanija ingliza IT Consulting Services Ltd, liema kumpanija tħallset is-somma ta’ €32,448 għas-servizzi illi tat lil MITA sakemm il-kuntratt taghha ġie eventwalment terminat.
4. Il-kumpanija fuq imsemmija qabbdet tlett persuni biex jezegwixxu l-konsulenza: Tom McMullan (Lead Consultant) Owen Lynch u Laurie O’Donnell. Hu stramb ħafna kif l-Onor. Bartolo għoġbu jsemmi biss wieħed min dawn it-tliet persuni.
5. Il-kumpaniji li ssottomettew offerta kienu:
1) Benchmark Softec (P) Ltd., Excelsoft Technologies Pvt. Ltd. and Digital Borneo Ltd, Consortium
2) Blackboard International B.V. and Loqus Solutions Ltd. Consortium
3) eLP + Consortium
4) Fronter as
5) Hewlett-Packard International Trade B.V.
6) IBM Malta Ltd.
7) IX Consortium
8) Megabyte Ltd. & SIVECO Romania SA Consortium
9) Young Digital Planet SA
6. Għat-tieni darba, hu stramb kif l-Onor. Bartolo kien jaf l-ismijiet kollha ta' min tefa' l-offerti imma ħalla barra tlieta - Excelsoft, Digital Borneo (li kella sehem importanti fl-izvilupp tal-affarijiet) u l-unika kumpanija Maltija li pparteċipat, Megabyte Limited.
7. Fl-10 ta’ Dicembru 2009 il-Bord tal-Evalwazzjoni ġie infurmat illi Laurie O’Donnell kellu rabtiet kummerċjali ma’ waħda mill-kumpaniji li kienet
sub-contractor
ta’ wieħed mill-offerenti u fid-dawl ta’ dan il-Bord ta’ Evalwazzjoni ddeċieda li din il-persuna m’għandiex tkompli fil-konsulenza u li kellha titkompla biss miż-żewg persuni l-oħra diġa msemmija.
8. Fit-12 ta’ Frar 2010 il-Bord tal-Evalwazzjoni lesta r-rapport tiegħu u bagħtu lill-Kap Ezekuttiv fl-1 ta’ Marzu 2010 - fatt li l-Onor. Bartolo jġibu preċiż - li bagħat ir-rapport lura - fatt li l-Onor. Bartolo jafu imma għoġbu jħallih barra - għal kjarifiki teknici, liema kjarifiċi kienu jinvolvu wkoll kjarifiċi mal-offerenti. Il-Bord tal-Evalwazzjoni reġa bagħat ir-rapport lil Kap Ezekkuttiv tal-MITA fid-9 ta' April 2010 - fatt ieħor li l-Onor. Bartolo jafu imma ħallih barra apposta biex jagħti x'jifhem li r-rapport kien għand il-Bord tal-MITA sa minn Frar 2010!
9. Fil-5 ta’ Marzu 2010 (xahrejn qabel mal-Bord tad-Diretturi rċieva r-rapport tal-Bord tal-Evalwazzjoni mingħand il-Kap Ezekuttiv), iċ-Chairman tal-MITA ġie infurmat minn rappreżentant ta’ Digtial Borneo Ltd. - il-kumpanija li l-Onor. Bartolo "nesa" jsemmi - illi fl-opinjoni tiegħu d-ditta ta’ konsulenti mqabbda kellha kunflitt ta’ interess ma’ wieħed mill-offerenti u li l-esklusjoni biss ta' O'Donell mhux neċessarjament neħħiet dan il-kunflitt. Din kienet l-ewwel darba li c-Chairman sema' b'kaz ta' kunflitt ta' interess potenzjali.
10. Fl-istess ġurnata ic-Chairman talab lill-Kap Ezekuttiv biex jinvestiga din l-allegazzjoni. Din kienet l-ewwel darba li tali informazzjoni waslet a konjizzjoni tal-Kap Ezekuttiv u fil-fatt ma kien hemm xejn dwar dan fir-rapport tal-Bord tal-Evalwazzjoni li kien intbagħtlu fit-12 ta' Frar 2010.
11. Il-Kap Eżekuttiv talab parir legali dwar din il-possibilita' ta' kunflitt ta' nteress liema parir inghata fit-22 ta' Marzu u jikkonkludi li:
· l-Bord tal-Evalwazzjoni kien mexa korrettament meta eskluda lill-konsulent O'Donnell mill-proċess u teknikament l-evalwazjoni kienet allura mhux mittifsa mill-kunflitt ġaladarba kien dikjarat u l-persuna ġiet eskluża;
· b'danakollu l-parir jgħid ukoll li għalkemm il-proċedura kienet legalment korretta jista jkun il-każ li ssir spekulazzjoni dwar il-possibilita li l-eskluzzjoni ta' O'Donnell ma kienitx biżżejjed u kella wkoll tiġi eskluża l-kumpanija nnifisha (u allura ż-żewġ konsulenti l-oħra wkoll) għaliex dan kien qasam speċjaliżżat ħafna ;
· kemm il-darba l-MITA kien jidrilha li tali spekulazzjoni setgħet tintralċja jew ittawwal il-process, saret rakkomandazzjoni illi, r-rapport tal-konsulenti jigi injorat u jew isir "review" tar-rapport, jew jitqabbad konsulent iehor.
12. Il-Bord ta’ Evalwazzjoni baghat it-tieni rapport tekniku taghha lil Kap Ezekkuttiv fid-9 ta’ April 2010 li lesta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu u għaddihom lil membri tal-Bord tad-Diretturi fis-26 ta’ April 2010.
13. F’laqgħa li l-Bord tad-Diretturi kellhom miegħi fit-28 ta’ April 2010, iċ-Chairman u l-Kap Ezekuttiv tal-MITA irrapurtawli dan il-fatt u spjegawli li għalkemm mill-informazzjoni li kellhom jidher li l-Bord ta’ l-Evalwzzjoni kien ħa l-miżuri neċessarji u kien hemm ukoll il-konfort tal-parir legali li mill-lat strettament tekniku jgħid li mxew sew, xorta waħda seta’ kien hemm possibilita’ li l-proċess ikun ivvizzjat minħabba li l-kumpanija ta’ konsulenti kienet waħda relattivament zgħira u għalhekk kien hemm riskju li l-
governance structure
ma kienx tali li seta jiggarantixxi l-indipendenza operattiva taż-żewġ konsulenti li kienu baqgħu joperaw mill-konsulent l-ieħor li kien iddikjara kunflitt ta’ interess.
14. Fid-dawl
ta’ dan jien tajt, dak il-ħin stess, direzzjoni Ministerjali lill-Bord tad-Diretturi biex iwaqqfu l-proċess minnufih u jerġgħu joħorġu s-sejħa mill-ġdid,
minkejja li jien konxju illi din id-direzzjoni ser titfa’ lura l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.
15. Irrid infakkar li din mhux l-ewwel darba li jien ħadt deċiżjoni simili. Infakkar illi meta ftit xhur qabel il-ftuħ tal-Isptar Mater Dei u waqt in-negozjati biex jingħata t-
tender
tal-IT, skoprejna li kien hemm possibilita reali li persuna fuq in-naħa tal-Gvern kien qed jgħaddi nformazzjoni lin-naħa l-oħra, ma ddejaqtx nwaqqaf in-negozjati, nabortixxi l-proċess u nibdewh mill-ġdid minkejja s-sensitivita taż-żmien fil-proċess. Infakkar li dik il-persuna għaddejja proċeduri kriminali quddiem il-Qorti.
16. Niddikjara bl-aktar mod ċar illi, d-decizjoni li jitwaqqaf l-proċess u jerga’ jinħareġ it-tender ħadtha jien, ħadtha quddiem għaxra min-nies, ħadtha fuq fatti li kont smajthom l-ewwel darba dak il-ħin stess, ħadtha mingħajr ma qagħdt nistenna li naqra l-parir legali u ħadtha mingħajr ma kelli l-anqas l-iċken ħjiel min gie u min ma giex
short-listed,
tant, li l-anqas biss kont għadni naf min kien tefa l-offerta, aħseb u ara min kien short-listed!
17. F’din ir-risposta twila jien semmejt ismijiet, semmejt ċirkostanzi, semmejt dati u fatti. Ma spekulajtx kif għamel malizjosament l-Onor Interpellant u nistenna għalhekk li issa l-Onor Interpellant jissostanza bil-fatti u mhux bil-paroli, l-insinwazzjonijiet u l-allegazzjonij li għamel jew igiddeb bil-fatt id-dikjarazzjoni cara li jien qed naghmel fil-paragrafu preċedenti.
18. Hu wkoll evidenti mill-artikolu li kiteb l-Onor. Bartolo illi hu kellu kuntatt ma' wieħed mill-
bidders
għaliex ma hemmx mod ieħor kif seta jaf iċ-ċirkostanzi li jsemmi. Nistieden lill-Onor. Bartolo biex issa jippublika l-isem ta' din il-kumpanija.
19. L-Onor. Bartolo jikkwota wkoll suppost kummenti ta' kumpaniji li pparteċipaw fit-tender. Nistiednu jsemmi min huma.
20. Fl-aħħarnett, irrid ukoll nirrispondi lill-Onor Interpellant għall-insinwazzjoni li jien kelli xi nteress partikolari biex ma nirrispondix id-domanda tiegħu tas-26 ta’ April. Ngħarraf lill-Onor Interpellant li jien mhux imdorri nindaħal fil-proċess tal-għoti ta’ kuntratti – kif issa hu d-drawwa li jagħmel hu – u għalhekk deherli, li biex żgur ma ninfluwenzax dan il-process, għandi nħalli jgħaddi l-perijodu li fih jista jsir appell u peress li dan skada fl-20 ta’ Mejju 2010 issa qed nirrispondi d-domanda tal-Onor Interpellant b’mod eżawrjenti. Ovvjamnet, billi l-Onor. Interpellant m’għandux min dawn l-iskrupli, ma nistenniehx jikkondividi din il-pożizzjoni.
B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija 17254, jista' l-Ministru issa jwieġeb din il-mistoqsija u ċioe: B'referenza għas-sejħa għall-offerti ppubblikata mill-MITA M482/09 - 'Call for expression of interest for a strategic partnership for the provision of an E-Learning solution' liema sejħa għalqet fil-11 ta' Novembru 2009, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dan il-proġett se jkun finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropeja u kemm se jkun il-ko-finanzjament lokali filwaqt li jgħid meta hi l-mira li jingħata bidu għal dan il-proġett u x'inhu t-timeframe previst mill-Planning and Priorities Co-ordination Division biex ikun sar il-ħlas kollu għal tali proġett? Jista' jgħid għaliex ġie mħassar dan it-tender? Jista' jgħid ukoll x'sehem kellu s'issa fil-proċess tat-tender il-kumitat ta' evalwazzjoni teknika u s-sehem fl-istess proċess tal-bord tal-MITA nnifsu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Nru 17453.