Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birkirkara – Kulleġġ Santa Tereża – xogħol fuq l-aperturi u l-bibien

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5506 u jgħid meta se jibda x-xogħol fuq l-aperturi u l-bibien fl-Iskola Primarja ta' Birkirkara (Kulleġġ Santa Tereża)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol jibda skont l-urġenza, il-ħtiġijiet, u n-neċessitajiet fis-settur kollu.

Skejjel primarji – adaptive papers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istudenti li qabel kienu jagħmlu l-adaptive papers fl-iskola primarja u li issa mhux se jkunu qed joqogħdu għal eżami, humiex se jkunu mitlubin jibqgħu d-dar fil-jiem li fihom ikunu qed isiru l-eżamijiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li adaptive paper, kif staqsa hu, ma teżistix. F’każ li qed jirreferi għal karta alternattiva din hija karta ta’ eżami ta’ livell iktar baxx li kienet tkun komuni għat-tfal kollha li jagħżlu li jagħmluha. Din il-karta mhux se titkompla u l-istudenti se jkunu mħeġġa li jagħmlu tal-inqas partijiet mill-karti prinċipali bħal eżempju s-smigħ. Filwaqt li karta addatta hi karta preparata għal kull individwu skont il-bżonnijiet individwali, din il-karta għandha titkompla.

Università ta’ Malta — Occupational Therapists gradwati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm iggradwaw Occupational Therapists mill-Università ta' Malta fl-aħħar għaxar snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar għaxar snin b’kollox gradwaw 106 student fis-suġġett imsemmi.

MCAST, Università u ITS – studenti li ggradwaw minn korsijiet MQF Level 6

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm iggradwaw studenti tal-MCAST, tal-Università u tal-ITS mill-korsijiet MQF Level 6, ikklassifikati skont ir-raħal ta' fejn jirrisjedu, bejn l-2012 u l-2022?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

MCAST u ITS – studenti li kkwalifikaw minn korsijiet MQF Level 3, 4 u 5

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ikkwalifikaw studenti tal-MCAST u tal-ITS mill-korsijiet MQF 3, 4 u 5, skont ir-raħal ta’ fejn jirrisjedu, bejn l-2012 u 2022?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Water Fountains

Question

Fid-dawl li l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fi Frar 2020 kien ħabbar li se jiġu installati water fountains fl-iskejjel tal-istat kollha, kemm dawk primarji kif ukoll sekondarji, biex inaqqsu mit-tagħbija tal-basktijiet tal-iskola tat-tfal, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal dan il-proġett? Jista’ jgħid kemm hemm skejjel li fihom ġew installati water fountains u kemm hemm skejjel li għad m’għandomx water fountains?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox ġew installati 207 water dispenser fl-iskejjel primarji u sekondarji madwar Malta u Għawdex. Dan il-proċess ilu xhur implimentat u d-dispensers qed jintużaw b’mod regolari kemm mill-istudenti u kif ukoll mill-istaff. M’hemm l-ebda skola li m’għandiex water dispenser, anzi f’ċertu skejjel ġew installati iżjed minn waħda skond il-popolazzjoni li tospita l-binja.

Edukaturi li jagħmlu Morning Transport Supervision duties

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il edukatur ġie approvat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni biex jagħmel Morning Transport Supervision duties f’kull skola statali?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew approvati 373 edukatur biex jgħamlu Evening Transport Supervision. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 1439 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 95 ta' nhar it-Tnejn 6 ta' Marzu 2023)

Edukaturi li jagħmlu Evening Transport Supervision duties

Question

Jista’ jgħid kemm-il edukatur ġie approvat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni biex jagħmel Evening Transport Supervision f’kull skola statali?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew approvati 373 edukatur biex jgħamlu Evening Transport Supervision.

Skejjel statali – studenti li jużaw it-trasport offrut mill-istat b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-popolazzjoni tal-istudenti f’kull skola statali u kemm minnhom imorru l-iskola bit-trasport offrut mill-istat b’xejn, maqsuma skola skola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Edukaturi li applikaw għal Morning u Evening Transport Supervision duties

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il edukatur applika biex jagħmel Morning u Evening Transport Supervision duties fil-bidu ta’ din is-sena skolastika?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu ta’ din is-sena skolastika, s’issa applikaw 1872 uffiċjal biex jgħamlu Morning u/jew Evening Transport Supervision.

Morning Supervision points

Question

Fid-dawl li fl-iskola fejn sar l-abbuż sesswali fuq studenta, il-Ministeru għall-Edukazzjoni żied tliet Morning Supervision points, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan ifissirx li l-Ministeru qiegħed jammetti li ma pprovdiex biżżejjed morning transport supervision points biex tkun koperta l-iskola kollha?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Talba għal Morning u Evening Transport Supervision duties

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il skola talbet żieda addizzjonali għal Morning u Evening Transport Supervision points u kemm-il darba l-Ministeru ċaħad dawn it-talbiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 46 skola li għamlu talba għal superviżjoni addizzjonali. Minn dawn 5 biss ma ġewx milqugħha.

Ministeru għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – ħaddiema bir-remote working

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari jgħid jekk ħaddiema mas-Segretarjat Parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jistgħux ikomplu jaħdmu permezz ta’ remote working?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 5211.

Ministeru għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – ħaddiema bit-teleworking

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari jgħid jekk ħaddiema mas-Segretarjat Parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jistgħux ikomplu jaħdmu permezz ta’ teleworking?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 5211.

Każijiet ta’ abbużi sesswali bejn studenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4945 u jaġġorna lill-Kamra u jgħid kemm-il abbuż sesswali bejn studenti ġie rrappurtat u investigat f’dawn l-aħħar sentejn fl-iskejjel tagħna?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jeżisti s-servizz ta’ Child Safety Services (CSS) u kull kulleġġ għandu membru ta’ dan it-tim abbinat miegħu. Meta jkun hemm allegat każ ta’ abbuż sesswali, il-kap tal-iskola jibgħat għac-CSS biex jiddiskutu dan il-każ. F’dawn il-każi jiġu msejħa kemm il-ġenituri tal-vitma u kif ukoll tal-aggressur, bil-possibbiltà li jsir referral liċ-Child Protection Services (CPS) fi ħdan l-FSWS. Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 9 każi riferuti lic-CPS. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li kull xhar issir laqgħa bejn it-tim psikosoċjali tal-kulleġġi mas-social worker tac-CPS biex ikunu jistgħu jiddiskutu każijiet diffiċli jew dubjużi qabel ma tittieħed id-deċiżjoni li jsir referral lic-CPS.

Skejjel — Health and Safety Teachers

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4947, jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kull Health and Safety Teacher li hemm f'kull skola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel – allowances għal First Aiders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4948 u jaġġorna lill-Kamra u jgħid kemm hu l-allowance ta’ First Aider fi skola diviża f’kull jum ta’ xogħol?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-First Aider għandu allowance ta’ €300 għal kull sena skolastika.

Skejjel – first aiders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn skejjel bla servizz ta’ First Aider? Jista’ jikkwantifika kemm hemm studenti u għalliema għal kull skola fejn dan is-servizz ma jeżistix? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-ħlas ta’ first aider kuljum bit-taxxa maqtugħa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 5123. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li kull skola għandha servizz ta’ first aider.

Servizz ta’ infermiera fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba ġiet approvata mill-Kapijiet tal-Iskejjel jew kapijiet tan-netwerk, biex studenti fl-iskejjel statali jieħdu s-servizz tal-infermiera fl-iskejjel għas-sena skolastika 2021/22 u għas-sena 2022/23?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena skolastika 2021/2022 saru 1911 talba filwaqt li matul din is-sena skolastika 2022/2023 s’issa saru 682 talba. Kull talba għall dawn is-servizzi ġiet approvata.

Health forms fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel li jitolbu lill-ġenituri biex jimlew health form ta’ wliedhom qabel jew wara li dawn jidħlu l-iskola? Mill-informazzjoni miksuba minn dawn il-health forms, jista’ jgħid kemm hemm studenti li għandhom kundizzjonijiet kroniċi, li jinkludu dijabete, asthma, allerġiji u oħrajn? Jekk tali informazzjoni ma tinġabarx, il-Ministru jħossu komdu li saħħet uliedna tista’ tkun fil-periklu u ħadd ma jaf x’għandu jagħmel?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskejjel kollha tal-istat jiġbru l-informazzjoni neċessarja mingħand il-ġenituri jew kustodji tat-tfal. Tali nformazzjoni tinżamm privatament mill-iskejjel biex saħħet uliedna tkun protetta fil-post. >Niġbed l-attenzjoni tall-Onor. Interpellant li wara li tinġabar l-informazzjoni neċessarja, tittieħed l-azzjoni neċessarja skond il-każ.