Legislature:
Category:
Reset
Active:

Esportazzjoni tal-Frott Frisk

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2712 u jgħid kemm kienet l-esportazzjoni f'tunnellaġġ u valur ta' flus tal-frott frisk esportat lejn is-swieq tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea matul il-perijodu ta' Jannar u Settembru rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Esportazzjoni ta' ħxejjex friski

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2713 u jgħid kemm kienet l-esportazzjoni f'tunnellaġġ u valur ta' flus ta' ħxejjex friski esportati lejn is-swieq tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea matul il-perijodu ta' Jannar u Settembru rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Assigurazzjoni tal-bdiewa u raħħala — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2715 u jgħid fiex wasal il-pjan tal-Gvern dwar l-assigurazzjoni tal-bdiewa u raħħala li kellha tpari d-differenza tas-sussidju ta' nofs il-bolla tal-National Insurance? Fil-preżent, kemm fil-fatt huma n-numru ta' bdiewa/raħħala f'Malta u f'Għawdex separatament li qed jibbenefikaw minn din l-iskema?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Photovoltaic Cells

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru kwadru ta' spazju għandu l-Gvern fid-dipartimenti/aġenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-ministeru, fil-bjut tal-binja tiegħu? Kemm minn dan l-ispażju f'persentaġġ għandu photovoltaic cells?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Sejħa għall-offerta għal provvista ta' 2nd class water

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala nħarġet sejħa għall-offerta għal provvista ta' 2nd class water għall-impjant tat-trattament tal-iskart f'Sant Antnin meta proprju fejn dan l-impjant hemm l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ li jipproduċi l-ilma 2nd class?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Membru li jekk jara l-ewwel klawsola ta’ dan it-tender jinduna li dan il-kuntratt tat-tip Period Contract (għal perjodu ta’ 12 –il xahar) hu għas-servizz ta’ mili (top up) tal-ġwiebi fl-impjant tat-trattament ta’ l-iskart f’Sant’Antnin b’ilma 2nd class fuq bazi ta’ jekk, skond u meta meħtieġ. Dan ifisser li jekk għal xi raġuni l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ ma jkunx f’pożizzjoni li jipprovdi l-ilma 2nd class, il-Management tal-impjant jkollu l-fakultà li jirrikorri għas-servizz ta’ dan il-kuntratt mingħajr il-bżonn ta’ ħruġ ta’ Direct Order.

Trobbija tat-tonn fil-gaġeġ

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika dwar kemm trabba tonn fil-gaġeġ Maltin matul dawn l-aħħar ħames snin? Jikkonferma l-istatistika mogħtija minn ġurnal lokali, li ismu qed jidher separatament, konċernanti s-simna tal-ħut b’mod speċjali t-trobbija tat-tonn? Jista' jagħti dik l-istatistika li tikkontradixxi l-istess?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni dwar tonn imrobbi fil-gaġeġ matul dawn l-aħħar ħames snin ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’xi seduta oħra Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, peress li kien hemm ħafna artikoli u risposti uffiċjali nitlob lill-Onorevoli interpellant jindika eżattament għal liema statistika qiegħed jirreferi.

Qbid ta' ħut

Question

Fit-twettiq tal-obligi li għandha Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jgħid jekk qattx inkisbu xi fondi li marru għand id-Dipartiment tas-Sajd biex ikun jista’ jitwettaq il-ġbir ta’ informazzjoni fuq kull qabda ta’ ħut li saret mill-bastimenti lokali meqjusa bħala żgħar? Jista’ jagħti rendikont ta’ kull qabda li saret matul l-aħħar sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Produtturi tal-ħalib — sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi programm ipprepara jew qed jipprepara l-gvern sabiex jara li l-produtturi tal-ħalib ikunu sostenibbli wara li jispiċċaw is-sussidji appertenti lilhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onorevoli interpellant li fil-preżent dan is-settur qiegħed jiġi evalwat biex l-irziezet tal-produzzjoni tal-ħalib jiġu approvati biex jibqgħu jipproduċu l-ħalib. Din l-evalwazzjoni tirrifletti sostenibiltà peress li jridu jilħqu livell aċċettabli ta’ iġene u trattament xieraq ta’ l-annimali kif ukoll jirrendu l-proċessi kollha li jsiru fuq l-irziezet b’sistemi konformi mar-regolamenti preżenti. Dan ifisser ukoll titjib fil-kwalità tal-ħalib għall-ġid tal-konsumatur.

Restawr fuq is-swar

Question

Kif ġie rrappurtat fid-diskors tal-Budget 2009 li se jsir restawr fis-swar tal-Belt Valletta, l-Birgu, l-Imdina u ċ-Ċittadella għaliex mhux se jsir l-ebda restawrar fuq is-swar ta' l-Isla u Bormla li ftit minnhom jinsabu f'kondizzjoni ħażina ħafna, speċjalment is-swar taħt il-Gardjola ta' l-Isla? X'passi se jieħu l-gvern biex s-swar ta' Bormla u l-Isla jiġu restawrati? Kemm hu proġettat li se jiġi jiswa dan il-proġett tar-restawr fuq is-swar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-mistoqsija nru 2931. Dwar it-tieni parti jien infurmat li r-Restoration Unit għamlet numru ta’ xoghlijiet ta’ restawr fis-snin li għaddew fuq is-swar ta’ l-Isla, inkluż il-Bastjun ta’ San Mikiel u Bieb Sant’Anna) u tas-Santa Margherita Lines fl-inħawi ta’ St Helen’s Gate, inklużi r-restawr ta’ dan il-Bieb prinċipali. Tħejjew wkoll numru ta’ studji fotogrammetriċi għal interventi ta’ restawr fuq il-Ponta ta’ Isla (Senglea Point Bastion - the Spur) u il-Fleur d’Eau Battery ta’ Grunenburgh li tinsab immedjatament taħt is-sur imsemmi. Jien infurmat li l-proġetti ta’ restawr taħt il-kappa tal-ERDF huma stmati li se jiswew € 39.8 miljun.

Tunellata ta' żejt tal-ikel importat

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm-il tunellata ta' żejt tal-ikel ġew importati f'Malta fis-sena 2006, 2007 sa Settembru 2008? Jista' jagħti statistika ta' kemm-il tunellata ta' żejt tal-ikel użat reġa' nġabar mil-kumpannija Waste Services jew xi kumpannija oħra? Jista' jindika fejn l-esperti jaħsbu li qed imur u jipiċċa d-differenza ta' żejt impurtat u dak miġbur lura wara li jkun użat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-WasteServ tiġbor madwar 1,100 litru fix-xahar żejt ta’ l-ikel użat. Pero ta’ min jinnota li f’dan is-settur hemm jopera wkoll il-privat li jiġbor u jirriċikla dan iż-żejt. Rigward id-differenza bejn żejt impurtat u dak miġbur lura wara li jkun użat kif ukoll l-importazzjoni ta’ żejt, nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat

Bormla — Santa margerita Line - Manutenżjoni ta Swar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex fil-proġett approvat mill-Unjoni Ewropea dwar manutenzjoni ta' swar, ma ġewx inkluża s-Santa Margerita Line u l-ebda binja f'Bormla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif kelli l-opportunità nispjega diġà f’laqgħat pubbliċi li saru, meta tfassal il-programm għar-restawr tas-swar u fortifikazzjonijiet prinċipali fil-gżejjer Maltin ma kienx possibbli li jiġu nklużi l-fortizzi kollha ta’ Malta. Fil-Gżejjer Maltin hawn b’kollox madwar 60 km ta’ swar (ramparts). Il-fuq minn 25 km jinsabu madwar il-Port il-Kbir. Għalhekk ġie deċiż li r-restawr jiffoka fuq dawk il-fortifikazzjonijiet li għandhom: · l-aktar ħsarat diffiċli jew problematiċi ; · ix-xogħol ta’ restawr fuqhom seta jitlesta f’inqas minn seba’ snin skond id-direttivi ta’ l-ERDF; · l-ikbar potenzjal turistiku u ekonomiku; · l-aktar sinifikat u valur storiku u arkitettoniku. Barra minnhekk is-swar u l-fortifikazzjonijiet li kienu ser jintgħażlu kellhom jiġu restawrati b’mod ħolistiku u mhux biċċa biċċa. Dawn il-kriterji wasslu biex jintgħażlu sistemi ta’ difiża sħaħ u swar bi problemi differenti minn zoni varji fil-Gżejjer Maltin, jiġifieri: · il-landfront tal-Belt Valletta, · l-Mdina, · iċ-Ċittadella (Għawdex), · il-Birgu. Tajjeb li jingħad li minkejja dan, ir-Restoration Unit wettqet numru ta’ xogħlijiet ta’ restawr fis-snin li għaddew fuq is-swar tas-Santa Margherita fl-inħawi ta’ St Helen’s Gate , inkluż ir-restawr ta’ dan il-Bieb prinċipali. Fl-aħħarnett, jien infurmat li r-restawr jiffoka biss fuq is-swar u fortifikazzjonijiet u ma jinkludix tip ta’ bini storiku ieħor.

Bdiewa Reġistrati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2524, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' bdiewa reġistrati f'Malta u f'Għawdex fil-mument bħala part time? Jista' jagħti dawn f'listi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jiċċara n-numru tal-mistoqsija li qed jirreferi għaliha.

Qatla taċ-ċanga u tal-majjal fil-biċċerija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla taċ-ċanga u tal-majjal fil-biċċerija tal-gvern, kull xahar minn Jannar 2007 sa Settembru 2008? Kif titqabbel din il-qatla mat-tnax-il xahar minn Jannar sa Diċembru 2006? X'wassal għall-bidliet fil-qatla fil-biċċerija tal-Gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Solid waste management

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2316 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ studji li ġew ikkummissjonati fil-leġislatura li għaddiet dwar l-update ta' Strategic Solid Waste Management, kif ukoll ta' studju ieħor li kien iħares lejn Options For Treatment of Solid Waste b'enfasi fuq it-treatment teknoloġiku ta' din il-problema, b'mod partikolari fuq it-thermal treatment involut?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru jirreferi għar-risposta għall-Mistoqsija 2316.

Produzzjoni tal-Laħam tal-fenek

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2545 u jgħid kemm huwa n-numru ta' produtturi tal-laħam tal-fenek frisk reġistrati f'Malta u f'Għawdex fil-preżent? X'produzzjoni jlaħqu f'Malta u f'Għawdex separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat, li skond reġistrazzjoni volontarja li saret fl-2003 u tkompliet fis-snin ta’ wara, ġew reġistrati total ta’ 78 stabbiliment. Rigward il-produzzjoni tal-laħam tal-fenek, jien infurmat li ma tinżamm l-ebda statistika uffiċjali f’dan ir-rigward. Il-ħsieb hu li l-qatla tal-fniek tiġi regolarizzata u meta dan isehh inkunu f’pożizzjoni li niġbru dettalji tal-qatla ta’ fniek.

Wied Għomor — Tindif

Question

Wara li saret ħafna pubbliċità saħansitra permezz ta’ media releases u flyers li twaħħlu 300 bin fl-area ta’ Paceville, xi ħaġa fiha nnifisha ferm pożittiva, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2321 u jara li jittieħdu passi effettivi u immedjati li mhux biss terġa' titwaħħal l-unika bin li kien hemm ħdejn il-bus stop l-antika qrib il-Lukanda Halland, kif ukoll li ssir tindifa sew tal-valley road ta’ Wied Għomor – taħt l-istess lukanda – li ħafna drabi qed twassal biex diversi nies jidħlu bi trucks privati u jużaw il-wied bħala dumping ground għar-refuse?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq l-ewwelnett nikkoreġi l-Onor Membru u ninfurmaħ li twaħħlu 150 bin u mhux 300 kif qal fil-Mistoqsija. Jien infurmat ukoll li ma saru l-ebda flyers ta’ pubbliċità. Il- bin li qed jirreferi għalih l-Onor Membru jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali u għalhekk nitolbu jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Sadanittant rigward it-tindif ta’ Valley Road ta’ Wied Għomor jien infurmat, wara li kien sar tindif f’Mejju reġa’ sar tindif ieħor mid-Dipartiment tal-Indafa Pubblika f’Settembru minkejja li z-zona taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali.

Nature Reserves — Rangers

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-Gvern għandu xi pjanijiet biex in-nature reserves jkollhom rangers b'poteri eżekuttivi kif għandhom diversi pajjizi barranin qrib tagħna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma’ Organizzazzjonijiet mhux Governattivi, bil-għan li tinstab l-aħjar struttura li permezz tagħha numru ta’ persuni diġà sekondati ma’ NGO’s jkollhom poteri eżekuttivi kif għandhom f’pajjizi oħra. Qed jiġu kkunsidrati strutturi differenti, fosthom dik diġà eżistenti tal-gwardjani lokali.

Irranġar ta' Gallarija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2567 u jgħid jekk gallarija, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tinsab fi stat perikoluż u li għandha valur storiku, min għandu d-dritt li jirranġaha jekk hux il-Gvern, jekk hux is-sid jew jekk hux għaqdiet ambjentali biex ma jintilifx il-preġju storiku tagħha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-gallarija li qed jirreferi għaliha l-Onor Membru hija proprjetà privata. Sadanittant, it-Taqsima tar-Restawr qed tara tistax tintervjeni, wara li rċeviet talba biex tagħmel dan mill-Onor Jason Azzopardi, xi xahrejn ilu.

Diretturi — Laqgħa fis-Sea Bank Hotel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kienet il-ħtieġa li jlaqqa' d-Diretturi fi ħdan id-dekasteru tiegħu fis-Sea Bank Hotel? Jista' jgħid jekk il-problemi li waslu għal din il-laqgħa ġewx riżolti? Jista' l-Ministru jgħid min fejn oriġinaw il-flus sabiex tħallset l-ispiża għal istess laqgħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-attività li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet Away Day li ġiet organizzata b’inizjattiva tad-Direttorat tal-People Management fi ħdan il-Ministeru. L-għan ewlieni ta’ din l-Away Day kien li d-Diretturi u Chairpersons ta’ l-Entitajiet ikollhom ġurnata l-bogħod mill-ambjent tal-uffiċċju u jkollhom iċ-ċans jiltaqgħu bejniethom f’atmosfera nformali bil-għan li jissaħħaħ l-ispirtu ta’ teamwork fi ħdan it-top management tal-Ministeru. Din il-laqgħa ma saritx għax kien hemm xi problemi. F’Ġunju 2008 intalbu kwotazzjonijiet mingħand 3 kumpaniji li jorganizzaw dawn l-attivitajiet. Inħoss li din l-attivita’ kienet investiment fin-nies tal-Ministeru u l-ispiża tagħha tħallset mill-vot Rikurrenti ( Training ) tal-Ministeru.