Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-Gvern kull sena mill-2006 sal-2010 minn kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali tal-ewwel klassi (mħallsa minn persuni impjegati u mill-prinċipal tagħhom) u tat-tieni klassi ( minn persuni li jimpjegaw lilhom infushom, kif ukoll minn persuni li jaħdmu għalihom infushom separatament) minn Malta u minn Għawdex separatament? Kemm kienet il-kontribuzzjoni mill-Fond Konsolidat f’kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23041. It-tweġiba għat-tieni parti tal-mistoqsija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tax refunds

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 24245, jista’ l-Ministru jgħid x’qed jifhem biha ftit xhur biex ikun jista’ jagħti r-refunds tat-taxxa dovuti? Hemm xi data li l-Ministeru jew id-Dipartiment huwa marbut magħha?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi rigward tax refunds dovuti għas-sena bażi 2009 u li kien għad iridu jitħallsu, dawn huma mistennija li jitħallsu sa l-aħħar t’April, 2011.

verifika ta' kont

Question

Jista' l-Minsitru jivverifika kont li rċieva individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li jgħix waħdu peress li qed jarah għoli?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ingħatat lill-Arms Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.

Kurunell Muammar Gaddafi — assi personali f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'assi personali għandu l-Kurunell Muammar Gaddafi u membri tal-familja tiegħu f'Malta jew Għawdex, sew jekk huma assi likwidi, proprjetà immobbli jew xi tip ta' assi oħra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

każ ta' kont tad-dawl u ilma maħruġ ħażin

Question

Jista' l-Ministru jissigura li l-kont tad-dawl u l-ilma li qed jintbagħat separatament jiġi kkoreġut għaliex jidher li fih problema fil-konsum indikat? Jista' jassigura ukoll li l-ħlas tal-kera tal-arloġġi jkun jirrifletti l-użu tal-binja?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ingħatat lil-Arms Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

Arms Ltd — agreement ta' arretrati dovuti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-aktar ammont ta' xhur li fuqu jibbaża agreement fir-rigward ta' arretrati dovuti? Jista' jgħid jekk teżistix kuxjenza soċjali meta jkollok każ ta' persuna, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li ġie mgħoddi minn bord mediku u għandu dħul li ma jeċċedix €448 fix-xahar u jsirlu agreement fuq bażi ta' 12-il xahar fejn irid iħallas €410 fix-xahar u jrid jgħajjex familja ta' tliet persuni? Jista' jgħid jekk hemmx forma ta' means testing f'dawn il-każijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ngħatat lill-Arms Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.

Kuntratt bejn l-MIA u l-Kumpanija Awstrijaka

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li l-Gvern għamel mal-Malta International Airport, jigifieri meta għadda l-Ajruport ta' Malta lil kumpanija Awstrijaka?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.

ħażna taż-żejt f'Malta

Question

Fir-rigward tad-direttiva li titlob li Malta jkollha riserva ta' enerġija (jew ħażna ta' żejt) mill-anqas għal 90 ġurnata, jista' l-Ministru jippreżenta d-dokumenti neċessarji fuq il-Mejda tal-Kamra? Fir-riserva li Malta għandha sabiex tassigura li jkollna ħażna ta' żejt, f'każ li jkun hawn skarsezza jew xi inkwiet ieħor li jiżolana sew mir-riżorsi fuq is-suq u sew minħabba ċirkostanzi oħra, kemm qiegħda tiswa f'terminu kapitali u kurrenti flus lill-poplu Malti sabiex inżommu din il-ħażna?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ewwel parti tal-mistoqsija taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Ninforma lill-Onorevoli Membru illi fl-2010, bejn Jannar u Lulju, ma kienx hemm spiża li hija speċifikament relatata mal-ħażniet ta’ riserva tal-HFO. Filwaqt li minn Awwissu sa Diċembru Enemalta ħallset total ta 'USD 168,200.00 li huwa maqsum kif ġej: - Awissu 2010 - 60,000.00 USD Settembru 2010 - 60,000.00 USD Ottubru 2010 - 17,400.00 USD Novembru 2010 - 14,000.00 USD Diċembru 2010 - 16,800.00 USD Għall-ħazna ta’ riserva tal-‘Gasoil’, fis-sena 2010 il-kuntratti ma kinux jispeċifikaw spiża relata mal-ħażniet ta’ riserva, għalhekk ir-riżerva kienet inkluża fil-prezz.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — servizz ta' konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-snin 2008, 2009 u 2010? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista jghid jekk kull servizz mogħti, ingħatax b’direct order jew le?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

każijiet quddiem il-qorti — self employed u intrapriżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu quddiem il-qorti self employed u intrapriżi fuq offiżi relatati ma’ income tax, sigurtà soċjali, VAT jew eko kontribuzzjoni mill-1 ta’ Jannar 2011 sat-28 ta' Frar 2011? X'inhuma l-ammonti dovuti li qed jintalbu mill-gvern mingħand dawn l-intrapriżi u self employed?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mill-1 ta’ Jannar 2011 sat-28 ta’ Frar 2011 id-Dipartiment tat-Taxxi Interni kellu 353 kawża. L-ammont dovut li qed jintalab mill-Gvern huwa ta’ €6,231,370 f’taxxa u €15,556,875 f’sigurtà soċjali. Fuq offiżi relatati mal-VAT tressqu l-Qorti 1169 każ li 110 minnhom kienu mressqa fuq nuqqas ta’ ħruġ ta’ riċevuta fiskali u 1059 ġew mressqa fuq nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ denunzji tal-VAT. Fl-istess perjodu tressqu l-Qorti 25 każ dwar offiżi relatati mal-EKO Kontribuzzjoni. L-ammonti dovuti ma jistgħux jiġu kwatifikati peress li f’każ ta’ offiża dwar nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ denunzja tal-VAT l-ammont dovut lill-gvern jiġi magħruf meta d-denunzja tkun sottomessa u f’każ ta’ offiża dwar nuqqas ta’ ħruġ ta’ riċevuta fiskali m’hemm ebda ammont dovut lid-Dipartiment tal-VAT iżda multa tal-Qorti kemm-il darba l-akkużat jinstab ħati.

Innovation Actions Grant Scheme — applikazzjonijiet għal ERDF

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal ERDF Innovation Actions Grant Scheme? Kemm ġew aġġudikati s’issa? Sa meta se jkunu aġġudikati kollha?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għat-tielet sejħa tal-iskemi ERDF Innovation Actions Grant Scheme (Innovation) u ERDF Innovation Actions Grant Scheme (Environment), il-Malta Enterprise laqgħet 97 u 23 applikazzjoni rispettivament. L-iskemi ġew aġġudikati fl-aħħar ġimgħat. Il-klijenti qegħdin jiġu infurmati bir-riżultati permezz ta’ korrispondenza uffiċċjali li se tinħareġ kollha sa l-aħħar ta’ Marzu.

SR Technic — proġett tal-hangar ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-proġett tal-hangar il-ġdid ta’ SR Technic issa ġie pospost indefinittivament?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22588.

MFSA — investigazzjonijiet tal-BOV

Question

Issa li għaddew aktar minn 30 ġurnata fejn il-BOV kellu jirrispondi għall-investigazzjoni (l-ewwel waħda) tal-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji fuq il-ġestjoni ta' property fund, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-findings tal-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji? Il-każ kollu għandu interess pubbliku u t-tagħrif jgħallem lill-pubbliku dwar ir-riskji u vantaġġi ta' investimenti simili.

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta bħalissa qed teżamina r-risposti li waslulha mill-Bank of Valletta u tas-sussidjarja tiegħu Valletta Fund Management Ltd (VFM) b’risposta għar-rapporti tal-awtorità fir-rigward tagħhom. Peress li l-proċess għadu għaddej u l-awtorità għada ma waslitx għall-konkluzzjoni finali mhux possibli li tingħata aktar informazzjoni.

CECA Eurus Safe Fund Account — protezzjoni għall-investituri

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni ukoll dwar CECA Eurus Safe Fund Account li falla u ħalla numru sostanzjali ta' investituri Maltin b'telf ta' fondi ta' madwar €14-il miljun? Jista' jgħid xi protezzjoni qed jingħataw l-investituri?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fid-9 ta’ Marzu 2011 l-MFSA ħarġet media release li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fuq din il- materja fejn ingħataw l-ispjegazzjonjiet neċessarji lill-pubbliku. Iżda nixtieq nikkjarifika u nippreċiza żewġ affarijiet: (a) illi l-indikazzjonjiet huma li it-telf li sofrew l-investituri Maltin mhuwiex ta’ 14 miljun ewro kif setghet timplika id-domanda presenti, imma ma jeċċedux is-7 miljun ewro. Infurmat ukoll illi l-investigazzjoniet kemm lokali u kemm barra minn Malta għadhom għaddejjin; (b) Illi, skond informazzjoni li għandha l-awtorità, l-isem tal-prodott li fih investew il-Maltin huwa Eurus Safe Fund Account 2009 I ApS.

Air Malta — kuntratti tal-outsourcing

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-outsourcing li sar mill-Air Malta bejn 2004 sa 2010? Kemm kien jiswa kull kuntratt u lil min ingħata? Kien hemm public call for tender/offer? Kemm ġew affettwati ħaddiema tal-Air Malta f'kull outsource?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Air Malta hija organizzazzjoni kummerċjali li topera f’qasam kompetittiv. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għaliex hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

interconnector ma' Sqallija — stallazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna l-Kamra fiex waslu t-taħdidiet mal-awtoritajiet Taljani b'mod speċjali ma' Terna dwar l-interconnector ma' Sqallija billi dan ikun jeħtieġ stallazzjonijiet ma' territorju Taljan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-connection agreement ma’ Terna qed jiġi finalizzat u l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-interconnector ukoll. Diġà saru diskussjonijiet mall-awtoritajiet involuti.

Delimara Boilers u t-Turbini — raġunijiet ta' manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid is-sena li għaddiet kemm kien hemm okkażjonijiet meta id-Delimara Boilers u t-Turbini ġew mitfija għar-raġunijiet ta' manutenzjoni? Tista' tindika d-dati f'kull każ, kif ukoll kemm damu mitfija rispettivament f'kull okkażjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Art fin-Nadur

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24222, jista' l-Ministru jgħid għaliex ħalla barra art fin-Nadur, akkwist tal-art numru 149 li dehret fil-gazzetta tal-gvern numru 18,709? Jista' jgħid għaliex se tittieħed din l-art?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-akkwist tal-art fin-Nadur li sar permezz ta’ l-Avviż nru. 149 li deher fil-Gazzetta tal-Gvern numru 18,709, tħalla barra mir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24222, bi żvista. L-art ittieħdet fuq talba tal-Enemalta biex fuqha jibnu substation ġdid biex tissaħħaħ il-provvista ta’ l-elettriku fil-lokalità.

Air Malta — ħaddiema impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Air Malta, sena b'sena u skont il-grad, mis-sena 2000 sal-lum? Jista' jgħid liema kienu fuq bażi każwali u liema fuq bażi permanenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għaliex hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

Air Malta — servizzi offruti

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema servizzi offriet l-Air Malta lil-linji tal-ajru barranin mis-sena 1990 sal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika aktar fid-dettal x’tip ta’ servizzi qiegħed jirreferi għalihom.