Jista' l-Ministru jara l-każ ta' kopja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li applikaw għad-dawl u ilma u qalulhom li jinsabu fuq direttiva u issa l-kuntratt tax-xiri tal-post jiskadi fl-aħħar tax-xahar ta' Marzu u huma jixtiequ li jkollhom is-servizzi tad-dawl u ilma liema servizz diġà applikaw għalih?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi s-servizz ġdid ta’ l-ilma ngħata lill-applikant nhar it-Tlieta 22 ta’ Marzu, 2011. Rigward l-applikazzjoni tad-dawl il-Korpoazzjoni Enemalta għaddejja b’direttiva trejdjunjonistika li iżomm lil ħaddiema milli jipproċessaw l-applikazzjonijiet tal-konsumaturi.
Għal aktar dettalji dwar l-azzjoni nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24489.
persuni li minkejja li laħqu l-età tal-irtirar baqgħu jaħdmu
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li minkejja li laħqu l-età tal-irtirar baqgħu jaħdmu fl-uffiċini u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid meta ġie mġedded l-impjieg u sa meta, kif ukoll jagħti l-grad tal-persuni konċernati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24390 u jgħid kemm-il kuntratt ingħata għal xogħlijiet f’Għawdex kull sena mill-2004 ‘l hawn? Jista’ jgħid lil min ingħataw dawn il-kuntratti? Jista’ jgħid għal liema xogħlijiet ingħataw dawn il-kuntratti? Jista' jagħti l-valur ta’ kull kuntratt u jpoġġi kopja ta’ kull kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-informazjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex pjani finalizzati dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol kollu li fadal isir, madwar Malta u Għawdex, għal dak li jirrigwarda l-mains tal-ilma, kif ukoll dawk tad-drenaġġ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha pjan biex tibdel sitt mija u sittin (660) kilometru ta’ mains tal-ilma (mains ta’ cast iron u galvanized iron) bir-rata ta’ erbgħin (40) kilometru kull sena. Dan il-pjan huwa suġġett għal bdil minħabba il-programm ta’ xogħol ta’ toroq li jsiru minn Transport Malta u l-kunsilli lokali.
Għal rigward
mains
tad-drenaġġ, il-Korporazzjoni għandha programm ta’ xogħol kif indikat fil-
master plan
tad-drenaġġ, liema programm ta’ xogħol jiddependi fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-Korporazzjoni.
Selmun Palace Hotel — rapporti fuq l-operat tagħhom
Question
Billi f'ġurnal lokali ġie rappurtat li s-Selmun Palace Hotel waqqfet b'mod immedjat l-operat tagħha, jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar jekk dan hux minnu u jekk iva jagħti ukoll tagħrif dwar x'wassal għal dan l-għeluq? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-post hux se jkollu sorveljanza, 24 siegħa kuljum biex jiġi evitat serq u vandaliżmu ieħor?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 24539.
Għar-rigward tat-tieni parti tad-domanda, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija “Selmun Palace Hotel Company Limited” tibqa’ responsabbli għas-sigurtà tal-lukanda sakemm jintemm dan il-proċess.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu li jerġa’ jiftaħ il-Permanent Residents’ Scheme? Jekk iva, meta se jsir dan?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddej proċess ta' reviżjoni ta’ l-iskema biex din terġa' tkun konformi ma’ l-għanijiet oriġinali li għalihom kienet twaqqfet, jiġifieri li pajjiżna jħajjar persuni b'ċertu livell ta' dħul lejn pajjiħna. Dan iħalli benefiċċji diretti lil setturi differenti ta’ l-ekonomija ta' pajjiżna.
Din ma kienet qatt intiża bħala skema li tinkoraġġixxi l-bejgħ tal-proprjetà, iżda hija skema biex tattira dawn il-persuni lejn pajjiżna. Ix-xiri ta' proprjetà huwa biss wieħed mill-kundizzjonijiet biex persuna tibbenefika minn din l-iskema.
Persuni li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea jgawdu mil-libertajiet li tipprovdilhom l-istess Unjoni, u għalhekk ma jeħtieġux din l-iskema biex jixtru proprjetà f'pajjiżna.
L-informazzjoni li għandu l-Ministeru hija li kien hemm numru ta' każijiet fejn l-iskema ġiet reklamata b'mod "inkorrett", li kien qed iwassal biex numri ta' persuni jaċċessaw l-iskema u jsiru bi dritt residenti ta' pajjiżna, u b'hekk ikollhom aċċess għall-istess benefiċċji li jgawdu minnhom il-Maltin kif ukoll ċittadini tal-Unjoni Ewropea li huma residenti f'pajjiżna, inkluż għal servizzi tas-saħħa, li jirrappreżentaw piż kbir għat-taxpayer lokali.
Il-Gvern iltaqa' ma' rappreżentanti tas-settur tal-proprjetà, kif ukoll ma’ tal-Kamra tal-Kummerċ, ħa nota tal-proposti li saru, u se jkun qed jippreżenta l-iskema riveduta fil-ġimgħat li għaddejjin.
Jista’ l-Ministru jippubblika lista tal-benefiċarji tal-Good Causes Fund, xahar b’ xahar, għal kull sena bejn l-2007 u l-2010?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorervoli Interpellant jirreferi għal dawk li huma snin 2007, 2008 u 2009 għar-rapporti annwali li jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra fil-bidu ta’ kull sena. Għal dak li hu rapport ta’ l-2010, dan ser ikun qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji sħaħ dwar l-abatement measures li ġew introdotti fil-Marsa Power Station? Meta ġew introdotti l-aħħar u x'kien ir-riżultat nett tagħhom s'issa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-SO2 kien li taqleb għal 0.7%S HFO il-Marsa Power Station minflok ghal 1%S HFO minn Awwissu 2010. Dan naqqas l-emissjonijiet ta’ SO2 mill-power station tal-Marsa b’10%.
Barra minnhekk, qed jitnaqqsu NOx
burners
u mill-bidu ta’ din is-sena qed jiġu implimentati
fuel staging
li naqqsu l-emissjonijiet b’20% minn meta dawn ġew implementati.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Marsa Power Station mistennija tilħaq il-massimu ta' 20,000 siegħa imposti mill-Unjoni Ewropea bħala limitu li baqagħlha taħdem skont il-permessi li għadhom jgħoddu sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern qed jinvesti b’mod qawwi fi kwalità tal-arja aħjar. Għalhekk ukoll il-bżonn tal-estensjoni l-ġdida tal-power station f’Delimara li ser tkun pjenament konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea. Irrid nżid però li minkejja l-fatt li l-Power Station tal-Marsa ser tingħalaq fi zmien qasir, il-gvern xorta qed jagħmel kull sforz biex inaqqas l-emissjonijiet tagħha fiż-żmien li baqgħalha. Dan qed isir b’inizjattivi fosthom bl-użu ta’ fuel li fih anqas sulphur. Dan hu ta’ ġid għas-saħħa tal-poplu u speċjalment tar-residenti tal-Marsa u l-inħawi tal-madwar għalkemm naturalment jiġi b’prezz finanzjarju lill-konsumaturi tal-elettriku.
Għalkemm il-Gvern qiegħed jaħdem biex jagħlaq il-
power station
tal-Marsa illum qabel għada, madankollu qabel ma jagħmel dan irid jiżgura li jkun hemm provvista ta’ elettriku biżżejjed għall-gżejjer Maltin. Għalkemm f’dawn l-aħħar snin il-konsum ta’ l-elettriku niżel, sakemm l-interconnector ma Sqallija jkun operativ jista ikun hemm il-bżonn li l-
power station
tal-Marsa tkun trid tibqa operativa bħala reserva għal każijiet ta’ bżonn.
Billi fil-media tal-Partit Nazzjonalista intqal li l-gvern qed jaħdem fuq diversi fronti f'każ li jkun hemm bżonn ta' estensjoni fid-deroga dwar l-impjant tal-Marsa Power Station li suppost kellha tingħalaq malli jintlaħqu l-20,000 siegħa, jista' l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar dawn il-ħidmiet konġunti li jinsabu għaddejjin bħalissa?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24435.
Billi fi Frar ta' din is-sena l-Korporazzjoni Enemalta kienet infurmat lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li l-Korporazzjoni ma kienx irnexxielha tilħaq in-National Emission Ceilings għas-sena 2010, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-previżjonijiet tal-Korporazzjoni Enemalta għal din is-sena? Dan fir-rigward ta' loads massimi ta' sulphur dioxide u nitrogen oxides, aktar u aktar billi 8,000 tunellata mid-9,000 tunellata totali allokati lil pajjiżna kienu ġew allokati lis-settur tal-enerġija?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-emissjonjiet proġettati għas-sena 2011 huma kif ġej:
NOx 4333t
SO2 7899t
Il-Korporazzjoni Enemalta ssottomettiet
compliance plan
lill-MEPA bid-dettalji t’hawn fuq u l-miżuri li se jittieħdu biex tiżgura
compliance
.
Jista' l-Ministru jgħid jekk u meta l-Korporazzjoni Enemalta ssottomettiet lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar l-pjan dettaljat mitlub biex jiġu żgurat il-compliance man-National Emissions Ceiling matul din is-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni Enemalta ssottomettiet compliance plan lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fil-21 ta’ Jannar 2011.
Mellieħa, Imġarr, Naxxar u San Pawl il-Baħar — twaħħil ta' bozoz
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' bozoz approvati li iżda għadhom ma twaħħlux jew ma ġewx imqabbda mas-sistema tal-elettriku, fil-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar? X'inhi r-raġuni li għaliha dawn il-bozoz għadhom ma twaħħlux?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tajjeb nirrimarka illi dawn għadhom ma ġewx proċessati minħabba azzjonijiet industrijali għaddejjin bħalissa.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24053 u jgħid:
a) il-Lukanda Selmun għadhiex topera? Jekk fin-negattiv, meta fil-fatt waqfet topera u x'kienu r-raġunijiet għaliex waqfet;
b) meta ġie diskuss il-proċess li se jintuża ladarba l-lukanda ta' Selmun tkun magħluqa? Se jerġgħu jinħarġu
tenders
, jew hemm xi ħadd li huwa nteressat;
ċ) b'referenza għas-sitwazzjoni tal-lukanda Selmun, jista' jinforma lill-Kamra x’se jiġri mill-ħaddiema ta' Selmun Hotel;
d) b'referenza għas-sitwazzjoni tal-ħaddiema ta' Selmun, jista' jinforma lill-Kamra jekk dawn il-ħaddiema humiex se jkollhom l-istess trattament bħal dak tal-ħaddiema tal-Air Malta? Jekk fl-affermattiv, jista' jinforma meta dan se jiġi komunikat mal-
unions
u l-ħaddiema?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-proċess ta’ tendering għas-Selmun Palace Hotel Company Limited, il-kumpanija li topera l-Lukanda Selmun, jinsab fl-istadju finali.
Il-lukanda waqfet l-operat tagħha u għalhekk mhix tieħu bookings ġodda minhabba li l-kumpanija Airmalta ma' tistax tibqa iġorr it-telf tagħha.
Il-bejgħ tal-kumpanija għadu ma ġiex konkluż, filwaqt li r-riżultati preliminary tal-process ta’ tendering kienu ppubblikati mit-Taqsima Proprjetà tal-Gvern (GDP) Selmun Tender Advert nru. 49. L-aġġudikazzjoni tat-tender kienet konkluża u fil-11 ta’ Marzu 2011 u ntbagħtet il-letter of acceptance lill-unika offerent, Caterina Vitale.
Hemm l-obligu fuq min jixtri il-lukanda li jieħu ukoll l-ħaddiema skond ir-regoli tat-Transfer of Business.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-Air Malta hux se tibdel l-uniformijiet tal-ħaddiema tagħha? Jekk iva, kemm se tkun l-ispiża? Se tingħata lil kulħadd? Il-ħaddiema se jħallsu għal dan?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għaliex hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.
Marsa — xogħlijiet fi Triq is-Sajjied ma' Xatt il-Ħatab
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24365, jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil-post li jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, hemm Pumping Station tad-drenaġġ li tinsab mibnija taħt it-triq. Il-ħorża li minna hemm l-aċċess għal din l-istation biż-żmien iddeterjora u sar ta’ periklu. Fil-fatt, ix-xogħol li għaddej bhalissa hu biex isaħħaħ din il-ħorża u jneħħi kull periklu. Ix-xogħol dam xi ftit minħabba li kellu jiġi manifatturat supporting structure li jiflaħ it-traffiku li jgħaddi minn hemm. Din mistennija titlesta fi żmien qasir u mbagħad ikun jista’ jitkompla x-xogħol on-site fuq l-aċċess tal-Pumping Station. Il-proġett mistenni jitlesta bejn wieħed u ieħor f’nofs April. Ta’ min jenfasizza li fil-parti tat-triq effetwata ttieħdu miżuri tas-sigurta’ meħtieġa u qiegħda imdawra bil-barriers u bil-flickering lights bil-lejl. B’hekk bħalissa m’għandhiex tkun ta’ periklu għal min igħaddi minn hemm.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24369, billi m'għandix dubju li l-Ministru jagħraf li t-triq ma tistax tingħata t-tarmak jekk ix-xogħol ta' drenaġġ ma jkunx lest, jista' permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jikkordina ma' Transport Malta biex ix-xogħol fi Triq is-Simar ikun jista' jitlesta ukoll?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li diġa saret il-koordinazzjoni meħtieġa biex id-drenaġġ fi Triq is-Simar isir meta ssir it-triq li għad trid tiġi ffurmata u illivellata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 24385 u 24223 u jgħid kemm hemm nies li kienu jaħdmu mal-Air Malta jew MIA mis-sena 2010 sal-lum? Kemm ġew ħaddiema on loan ma' postijiet oħra? Fejn marru u xi grad kellhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ impjegati li kienu jaħdmu ma’ l-Airmalta u li mis-sena 2010 sal-lum ġew ‘seconded’ ma’ postijiet oħrajn huwa ta’ tlieta. Id-dettaliji qed jitpoggew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li jinħareġ il-kont tad-dawl u l-ilma ta' anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li ilu ma jirċievih ix-xhur meta nies oħra irċevew il-kontijiet tal-istess perjodu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ngħatat lil-Arms Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jara għaliex anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li kienet tirċievi s-sussidju tad-dawl u ilma, dan l-aħħar xhur ma baqgħetx tirċievi dan is-sussidju?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mis-sigurtà soċjali.