Legislature:
Category:
Reset
Active:

KRAM Joint Venture

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18315 u jgħid minn min hi magħmula l-KRAM Joint Venture li kienet ħadet il-kuntratt tal-bini mill-ġdid tat-triq mill-Imġarr sal-Heliport?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 18316.

Bypass ta' San Pawl il-Baħar fl-inħawi tal-Fjuri

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18620 li tgħid li mhux possibli li jkun hemm parking fl-inħawi indikati fl-istess mistoqsija minħabba kwistjoni ta' safety u aċċess fuq il-bankini, billi f'diversi nħawi ta' Malta hemm sitwazzjoni ta' parkeġġ kif indikat fil-mistoqsija, jista' l-Ministru jara li tinstab alternattiva għall-problema indikata fil-mistoqsija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Birgu — Xatt ir-Risq u Dock 1 - xogħlijiet

Question

Peress li fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16616 il-Ministru kien qal li x-xogħol f'Xatt ir-Risq kellu jibda lejn l-aħħar ta' April u dak fuq id-dawra ta' Baċir Nru 1 lejn l-aħħar ta' Lulju, u peress li fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17829 qal li dawn ix-xogħlijiet issa se jibdew lejn l-aħħar ta' Settemebru, jista' l-Ministru allura jgħid x'inhi r-raġuni wara l-bdil tad-data, minn min se jsir ix-xogħol u jekk huwiex marbut b'time frame ta' meta għandu jitlesta x-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-raġuni għat-tibdil fid-data fil-każ ta' Xatt ir-Risq kien minħabba li l-proċess ta' aġġudikazzjoni ħa iżjed fit-tul milli previst, fil-waqt li fil-każ tal-Baċir Numru 1 ir-raġuni kienet minħabba ż-żmien li ħa biex jinħareġ il-permess mill-MEPA. Il-Kuntratturi li ser jagħmlu x-xogħol għadhom ma ġewx magħżula. Ix-xogħol irid isir fi żmien sena minn meta jingħata.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — ilmenti f'isem il-kostitwenti

Question

Peress li fost il-ħidmiet tal-membri parlamentari hemm li jiltaqgħu, jisimgħu u jitkellmu f'isem il-kostitwenti tagħhom, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċerti dipartimenti jirrifjutaw li jirrispondu għal talbiet, ilmenti u mistoqsijiet li jsiru minn żmien għal żmien minn deputati f'isem il-kostitwenti? Ma jikkunsidrax li jinħoloq punt ta' referenza f'kull dipartiment, fejn id-deputat ikun jista' jitkellem f'isem u għall-kostitwent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Skemi li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-iskemi/inizjattivi/għajnuniet li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-kunsilli lokali, minn entitajiet governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 16686.

Ħal Qormi — Triq il-Wied - bridge

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Transport Malta għal bridge fi Triq il-Wied, Ħal Qormi u li huwa mhux biss mġarraf mill-għargħar tal-2003 iżda ukoll ma jagħtix il-faċilità meħtieġa lil dawk li jridu jaqsmu min-naħa għall-oħra tal-wied? Dan il-bridge se jitwaqqa' u jsir xi ħaġa floku aktar adegwata, biex in-nies tinqeda u ma jibqax ta' periklu għal vetturi u dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 13577.

Flight enquiries — ħlas

Question

Jaf il-Ministru li l-flight enquiries bin-numru 50043333 issa m'għadhomx joffru s-servizzi tagħhom b'xejn imma biex tkun taf informazzjoni dwar il-flights trid tħallas €1.50? Jista' jgħid minn meta beda dan is-servizz ġdid bil-ħlas u jekk huwiex permessibli li titħallas miżata fuq servizz li l-iktar li jagħmlu użu minnu huma dawk l-inqas li għandhom mezzi, għaliex kieku għandhom mezzi jaraw minn fuq l-internet b'xejn l-informazzjoni li jkunu jridu jafu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.

Attard, Balzan u Mosta — toroq fi stat ħażin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm toroq li għandhom l-istat tagħhom ta' ħsara 'il fuq minn 50%, 60%, 70% jew 80% fil-lokalitajiet ta' Attard, Balzan u Mosta? Jista' jgħid liema awtorità hija responsabbli biex tagħti wiċċ ġdid f'dawn it-toroq u liema huma dawk it-toroq li għandhom jingħataw wiċċ ġdid?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-toroq li kienu diġà saru huma responsabbiltà tal-kunsilli lokali rispettivi u għalhekk wiċċ ġdid jew xogħol ta’ manutenzjoni għandu jsir mill-kunsilli lokali.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Qawra - pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk sal-lum saritx evalwazzjoni ta' fejn se jitwaħħlu l-pelican lights li hemm talba għalihom fi Triq il-Qawra, San Pawl il-Baħar, fl-inħawi tal-blokka kbira tal-flats li jagħtu immedjatament għal fuq is-salini tal-melħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Waqt li ninsab infurmat li Transport Malta qatt ma rċeviet it-talba li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, nitolbu jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Nru. 5169 u rigward l-istallazzjoni tal-belisha lights, nitolbu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

offerta tal-eLearning Solution — kwestjoni fuq wieħed mill-konsulenti

Question

B'referenza għas-sejħa għall-offerta pubblika M482/09 tal-eLearning Solution fl-iskejjel maħruġ mill-MITA, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument li bih il-Bord tal-Evalwazzjoni ġie nfurmat fl-10 ta’ Diċembru 2009 li wieħed mill-konsulenti li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kellu rabtiet kummerċjali ma’ waħda mill-kumpaniji li kienet sub-contractor ta’ wieħed mill-offerenti? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-deċiżjoni tal-bord li jtemm il-konsulenza ta’ din il-persuna filwaqt li jqiegħed ukoll kopja tal-Minuti tal-laqghat tal-Bord tal-MITA li saru tul ix-xahar t’April 2010 kollu filwaqt li jgħid x’laqgħat tal-istess bord saru fix-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2010? X’investigazzjonijiet saru biex jiġi stabbilit jekk l-informazzjoni mgħoddija kenitx korretta jew le? X’fatti ġew stabbiliti? Jekk ġiet stabbilita rabta kummerċjali bejn il-konsulent u wieħed mis-sub-contractors ta’ wieħed mill-offerenti, għax ma tħassarx il-proċess meta ġie stabbilit dan il-fatt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant, illi l-kumpanija ta’ konsulenza IT Consulting Services UK Ltd, nhar l-10 ta’ Diċembru 2009, permezz ta’ e-mail infurmat lill-Bord ta’ Evalwazzjoni tat-tender illi ”... Laurie (McDonnel) is an Associate Director of Futurelab, and towards the end of their bid the eLP+ Consortium has mentioned their intention to use ....as part of their delivery approach. My intention therefore is not to share any of the bids with Laurie and not to use Laurie on any of the bid related activities... .” . Nhar l-14 ta’ Diċembru 2009, intbgħatet is-sussegwenti email lil IT Consulting Services UK Ltd: ”Further to your email....in which you informed us of Mr O’Donnell conflict of interest, we agree to your course of action not to share any information related to this tender with Mr O’Donnell, nor involve Mr. O’Donnell, in any activity related to the evalution of the tender. In view of this situation, please be advised that the appointment of Mr. O’Donnell as an advisor to the evaluation team...is revoked with immediate effect. We also would like to advise that Mr O’Donnell’s involvement in the provision of Consultancy services for e-Learning through the contract having reference 083/09 is also being terminated forthwith....” Il-Bord tal-Evalwazzjoni ma’ kienx informa lill-Kap Eżekuttiv b’dan il-kunflitt ta’ interess u kien biss f' Marzu 2010 li l-Kap Eżekuttiv u, wara,l-Bord tad-Diretturi saru jafu b’dan il-kunflitt ta’ interess. Hu evidenti li l-Onor. interpellant qed jiġi sgwidat minn min qed jgħaddilhu l-informazzjoni għaliex din il-persuna ma kienitx taf li l-Kap Eżekuttiv tal-MITA kien bagħat lura ir-rapport tal-Bord għal aktar evalwazzjoni teknika u r-rapport finali sar biss f'Marzu 2010 u mhux f'Diċembru 2009. Ma tantx trid għerf biex tasal ghal din il-konklużjoni mill-mod dilettantesk kif qed isiru d-domandi. Minn naħa tiegħi jien tajt id-direzzjoni li t -tender jerġa’ jinħareġ fl-istess ġurnata li l-Bord tad-Diretturi infurmani b’din is-sitwazzjoni. Kif diġa’ stqarrejt fit-tweġiba tiegħi għal-Mistoqsija Parlamentari numru 17453, jien ħadt din id-deċiżjoni qabel ma’ kont naf min kienu l-offerenti li tefgħu l-proposta tagħhom. Fir-rigward tal-mistoqsija fejn qiegħed jintalab x’laqgħat saru mill-Bord tad-Diretturi tal-MITA fix-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2010 ninforma lill-Onor Interpellant illi saret laqgħa waħda f’dawn ix-xaharejn. Nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellant illi bħala prassi l-minuti tal-Bord tad-Diretturi tal-MITA jiriflettu kunsiderazzjonjiet li jsiru b’mod kunfidenzjali. Nifhem pero li hu qiegħed jitlob dawn il-kopji għal finijiet ta’ dan il-proċess u għalhekk qed nikkwota hawn taħt l-estratti mill-minuti li jikkonċernaw dan il-proċess: Record of the 13th MITA Board Meeting held on 25th March 3.3 The CEO also said taht there was a problem with regard to eLearning. The Chairman was infomred of a potential conflict of interest due to the consultant engaged allegedly having an interest in one of the bidding companies. The CEO has checked this and now it resulted that actually there was a connection between one of the proposed consultants and a subcontracting party included by one of the bidders. The Company had sought legal advice and was expecting a legal opinion. It was agreed that the Members would determine the next step after the legal advice was received. Record of the 14th MITA Board Meeting held on 29th April 2010 Minute 6. Approval for eLearning Short Listing 6.1 The members referred to the Paper circulated. They discussed it and did not accept the evaulation made since it feels that altough the potential conflict of interest was declared at the outset, they felt that the potential conflict of interest could be perceived negatively and undermine the integrity of the process and the eventual success of the project. Thus the recommendations made were refused and it was agreed that MITA would re-issue the tender on an open basis. Fl-aħħarnett, ntenni li jien qed insemmi fatti, mhux nispekula, mhux insaqsi domandi retoriċi, mhux nixħet tajn bla ma nipprova u nissostanzja. Kull fatt li semmejt fir-rigward tal-Onor. Interpellant u l-kumpanija Computer Domain hu sostanzjat b'dokumenti miktuba mill-istess Onor. Interpellant kuntrarju għall-allegazzjoni tal-Onor. Interpellant li dan it-tender tħassar għax ma ġietx magħżula xi kumpanija li xtaq il-Gvern jew l-allegazzjoni l-oħra li kien għamel li fit-tender magħruf tas-"Second Step" kienet se tintgħażel kumpanija viċin tiegħi meta fil-fatt intgħażlet il-kumpanija Computer Domain li fir-rigward ta' viċinanza l-Onor Interpellant ma jirbaħlu ħadd!

Sejħa għall-offerti — għażla ta' konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’passi se jittieħdu mill-MITA biex fil-futur ma jerġax ikun ripetut l-iżball li konsulenti jintgħażlu qabel isir magħruf min huma l-offerenti biex konsulenti u kumpaniji jiġu skrinjati sew biex ma jkunx hemm kunflitt ta’ interess bejniethom bħalma qed jingħad li ġara fis-sejħa għall-offerti M482/09?

Response (GATT, AUSTIN)

Jidhirli li aktar importanti milli l-MITA tevalwa xi proċeduri tuża biex tappunta l-konsulenti, ikun ħafna aktar importanti li politiċi bħall-Onor. Interpellant jifhmu darba għal dejjam li l-indħil tagħhom waqt il-proċess ta' aġġudikazzjoni tat-tender hi kontra l-liġi u l-etika u meta magħmula bil-għan biex tgħin lil xi wieħed mit-tenderers hi kundannabli. Pajjiżna għandu l-istess liġi u regolamenti dwar il-proċess tat-tenders li għandu kull pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea. Pajjiżna għandu proċess ta' tendering ekwivalenti għal kull proċess simili fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Din il-liġi u proċess ma jippermettux indħil politiku la ta' Ministri, la ta' deputati u la ta' ħadd. Il-proċess jagħti drittijiet wiesgħa ħafna lil kull min għandu interess fil-proċess bi dritt ta' appell lil Tribunal indipendenti f'kull stadju tal-proċess. Hu evidenti li l-Onor. interpellant u l-Oppożizzjoni ħafna drabi għandhom l-interess politiku li dan il-proċess ma jitħallhiex jaħdem kif suppost. Fir-rigward tal-għazla tal-konsulenti naħseb li ma teżisti l-ebda metodoliġija perfetta li tista’ tintuża f’dawn il-proċessi. Kull sistema fiha l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha u filwaqt li l-metodu li qed jissuġerixxi l-Onor. Interpellant jista jkollu l-merti tiegħu, għandu zgur id-difett li jtawwal sew il-proċess għax it-tieni sejħa tkun trid hi wkoll issir wara sejħa għat- tenders .

sejħa M482/09 — rapport

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li kiteb il-bord tal-evalwazzjoni u tal-konsulenti dwar il-proposti sottomessi minn dawk il-kumpaniji li wieġbu għas-sejħa M482/09 tal-MITA?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi Regolament 4(4) tar-Regolamenti dwar il-Kuntratti Pubbliċi jirrikjedi illi l-awtoritajiet kontraenti għandhom jirrispettaw in-natura kunfidenzjali ta’ kull informazzjoni mogħtija mill-Kandidati. L-Onor. Interpellant jaf illi kemm ir-rapport ta’ evalwazzjoni kif ukoll ir-rapport tal-konsulenti dwar il-proposti magħmula minn min tefa' t ender jinkludu nformazzjoni kummerċjali, teknika, sensittiva u kunfidenzjali. Il-kumpaniji li wieġbu għas-sejħa ssottomettew din l-informazzjoni taħt kundizzjonijiet ta’ kunfidenzjalita u għaldaqstant il-MITA żżomm din l-informazzjoni b’mod kunfidenzjali hekk kif jistipulaw it-termini tas-sejħa u l-liġi stess. Fl-aħħarnett, minn stqarrijiet pubbliċi u kitba tal-Onor. Interpellant kemm dwar dan it- tender kif ukoll dwar tenders oħra, hu evidenti li l-Onor. Interpellant ma għandu ebda skruplu li jiltaqa u jitkellem ma' min ikun xeħet tender u jiddiskuti magħhom l-andament u l-aġġudikazzjoni tat- tenders - ħaġa verament sorprendenti għaliex l-etika u l-liġi jitolbu li l-politiċi jżommu l-bogħod milli jippruvaw jindaħlu jew jinfluwenzaw il-proċess tat- tenders . Mill-istess stqarrijiet u kitba tal-Onor. Interpellant jidher li l-Onor. Interpellant għandu wkoll aċċess għad-dokumenti li jintużaw waqt il-proċess tal-evalwazzjoni u aġġudikazzjoni li saħansitra l-Ministri ma jkollhomx aċċess għalihom! Li dawn ikunu dokumenti misruqa, ċirkolati kontra l-liġi u kull regola etika ftit jidher li jħabblu ras l-Onor. Interpellant. Ma nistgħagibx għalhekk li din l-informazzjoni qed tintalab għal motivi ulterjuri konnessi mal-fatt illi dan it- tender irid jerġa jinħareġ. Jidhirli għalhekk li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant m'għandhiex tiġi pubblikat.

Xandiriet ta' attivitajiet sportivi internazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux konxju illi fil-qasam tax-xandiriet ta’ attivitajiet sportivi internazzjonali, bħal fost l-oħrajn logħob tal-football, qed tizvillupa sitwazzjoni fejn il-konsumatur li jkun irid isegwi l-logħob kollu, se jkun kostrett jabbona ma’ żewġ operaturi differenti bi spejjeż mhux żgħar? Jaqbel li f’qasam bħal dan għandhom jiġu applikati miżuri li jwasslu biex l-operaturi differenti jaslu fi qbil bil-għan li l-konsumatur ikun jista' jsegwi l-attivitajiet sportivi in kwestjoni mingħajr ma jkollu jabbona ma’ żewġ operaturi differenti u mingħajr ma jidħol għal spejjeż żejda? Tista' l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni tieħu xi inizjattiva partikolari f’dan is-sens?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

crash barriers fil-by-pass tal-Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji, permezz ta' Transport Malta, biex fil-by-pass tal-Mellieħa, b'mod partikolari fil-parti li twassal mill-Mellieħa sal-Għadira, jitwaħħlu crash barriers li jevitaw il-periklu li jinħoloq minn vetturi li jistgħu jinqalbu fid-diversi partijiet perikolużi li fiha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ħarġet sejħa għall-offerti għal dawn ix-xogħlijiet. Din it-tender għalqet fil-25 ta' Ġunju.

Proġett ta' Bieb il-Belt

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18596 u jgħid min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu bħalissa fil-proġett ta' Bieb il-Belt meta t-tender għadha ma nfetħitx u xorta beda x-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kuntratturi li qegħdin jaħdmu bħalissa fil-proġett ta’ Bieb il-Belt huma: Polidano Brothers Site Wide Enablement Works 3 Bees Joint Venture Exploratory works at Opera House site Dawn ix-xogħlijiet ingħataw wara sejħiet pubbliċi għall-offerti.

Luqa — Triq Anton Falzon

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18526 u jgħid jekk Triq Anton Falzon, Luqa hux ser tingħata tarmac wara li ġiet maqlugħa minħabba tibdil fis-sistema tad-drenaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta awtorizzat ix-xogħlijiet imsemmija li qed jiġu kkordinati bejn WSC u l-kunsill lokali konċernat. Nitlob għalekk l-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati.

Vote IV Capital Item 7265

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18538 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 18211, jista' l-Ministru jgħid jekk id-datafiles il-ġodda li nxtraw kenux ġew mitluba mill-gvern jew inkella tfasslu mill-kumpanija? Jista' jagħti lista ta' datafiles li kienu proprjetà tal-gvern taħt il-ftehim tal-1999 u liema huma datafiles ġodda li nxtraw?

Response (GATT, AUSTIN)

Infakkar li dak kollu li ġie miftiehem bejn il-Gvern u l-kumpanija in kwistjoni huwa mniżżel fil-ftehim tat-12 t'Ottubru 1999 u dak tat-8 ta' Jannar 2010. Fiż-żewġ każi l-ftehim ġie mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, l-ewwel wieħed fid-19 t'Ottubru 1999 u t-tieni wieħed fil-11 ta' Mejju 2010. L-informazzjoni mitluba hija murija fil-kuntratti msemmija.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Kuntratti ta' Konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ta' konsulenza ingħata mill-Ministeru tiegħu u/jew kumpaniji u entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu, matul is-snin 2009 u 2010 sal-lum? Kemm kien l-ammont ta' kull kuntratt ta' konsulenza mogħti u lil min ingħata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni — xogħol ta' natura legali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18549, 18192, 17948, 17361 u jgħid kemm ingħata xogħol ta' natura legali fl-aħħar sitt xhur? Lil min ingħata? Ingħata b'direct order jew sejħiet għall-applikazzjoni? X'kienet il-biċċa xogħol u kemm kien il-ħlas għal kull biċċa xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Toroq li qatt ma kienu asfaltati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma, skond Transport Malta dawk it-toroq li fil-fatt għad iridu jsiru mill-istess awtorità peress li għadhom qatt ma kienu asfaltati, fl-inħawi tal-Mellieħa, Mġarr, Għargħur, Naxxar u San Pawl il-Baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.