kwestjoni dwar is-sitt siġġu ta' Malta fil-Parlament Ewropew
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid liema huma l-pajjiżi li sal-lum irratifikaw il-protokol 36 li bih jippermetti li Malta jkollha is-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew billi ippreżentaw l-istrumenti neċessarji tar-ratifika mal-Gvern Taljan?
Jista' jgħid liema huma l-pajjiżi li għadhom ma irratifikawx l-imsemmi protokol u jgħid x'inhu jwassal biex jittardjaw ir-ratifika tagħhom?
F’dan il-kuntest, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti intervjeniex diplomatikament ma' dawn il-pajjiżi li għadhom ma irratifikawx biex jagħmel pressjoni fuqhom biex dan il-proċess jiġi finalizzat u b'hekk Malta jkollha s-sitt siġġu?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt fil-kuntest ta' Mistoqsija Parlamentari (PQ) Numru 22074 dwar is-sitwazzjoni tas-Sitt Siġġu ta' Malta fil-Parlament Ewropew, inżid ngħid li sat-tnax (12) ta' Jannar 2011 l-Istati Membri li rratifikaw il-Protokoll Numru 36 u ppreżentaw l-istrumenti neċessarji tar-ratifika lill-Gvern Taljan kienu dawn: Malta, il-Bulgarija, l-Irlanda, l-Isvezja, id-Danimarka, il-Latvja, ir-Repubblika Ċeka, Slovakkja, il-Finlandja, l-Estonja, l-Ungerija u s-Slovenja.
National Audit Office — nuqqasijiet li ġew identifikati fir-rapport annwali
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x’inhi r-reazzjoni tal-ministeru tiegħu għal għadd kbir ta' nuqqasijiet li ġew identifikati fir-rapport annwali tan-National Audit Office u x’passi ttieħdu dwar kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ħa mkonsiderazzjoni r-rakkmandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali għal diversi rimarki u ta l-ispjegazzjoni tiegħu. Oħrajn ġew analiżżati sabiex jitjiebu l-proċeduri ezistenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk fil-preżent il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għandux kuntratt għal xiri ta’ bnadar għal użu uffiċjali u f’kaz li iva, ma' min huwa miftiehem dan il-kuntratt? Jista' jqiegħed dan il-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-gvern għandu period contract għal xiri ta' bnadar ta' Malta u tal-Unjoni Ewropeja mal-Yorkie Clothing Ind Ltd. Dan il-kuntratt japplika wkoll għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Qed inpoġġi kopja tal-kuntratt imsemmi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk matul l-ewwel għaxar xhur tal-2010 inxtrawx bnadar għall-użu uffiċjali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin? Jekk iva, kemm inxtraw, ta’ liema pajjizi kienu, kemm kienet l-ispiza, mingħand min inxtraw u jekk biex inxtraw dawn il-bnadar kienx hemm sejħa għal offerti jew jekk inxtrawx b’direct order ?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-ewwel għaxar xhur tal-2010 inxtraw disgħa u sebgħin (79) bandiera. Dawn inxtraw permezz ta' direct order. Id-dettalji huma skont it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għal dak li ħareg fir-rapport tal-Awditur Ġenerali in konnessjoni ma xiri ta’ bnadar mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fl-2009, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid b’liema mod l-ordni għax-xiri ta’ bnadar bi prezz li kien iktar mid-doppju ta’ dak offrut mis-supplier li miegħu kien hemm diġa' kuntratt għax-xiri ta’ bnadar simili, ingħatat lill-Ministeru tiegħu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Jista' jgħid min kienet il-persuna mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li tat din l-ordni lill-Ministeru tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ix-xiri mingħand supplier ieħor sar għax il-bnadar kellhom ikunu ta' qies partikolari jiġifieri ta' qisien differenti minn dawk tal-kuntratt. Barra minn hekk, il-bnadar kellhom ikunu lesti malajr kemm jista jkun minħabba żjarat f'Malta ta' dinjitarji għolja barranin. Dan sar bi ftehim bejn il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u s-Segretarjat Privat tal-Prim Ministru.
Rappreżentant Permanenti fi Brussel — Servizz ta' ajruplan privat
Question
Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jikkonferma jekk ir-Rappreżentant Permanenti fi Brussel użax is-servizz ta’ ajruplan privat biex wasal Malta mil-Libja nhar it-30 ta’ Novembru 2010? Kemm sewa dan is-servizz? Min ħallas għalih?
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — xiri ta' bnadar
Question
B’referenza għal dak li ħareg fir-rapport tal-Awditur Ġenerali in konnessjoni ma xiri ta’ bnadar mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fl-2009, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk hu personalment jaqbilx li nxtraw bnadar għall-Ministeru tiegħu bi prezz li kien iktar mid-doppju ta’ dak offrut mis-supplier li miegħu kien hemm diġa' kuntratt għax-xiri ta’ bnadar simili?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi inxtraw bnadar bi prezz aktar għoli minn dak tas-supplier li miegħu kien hemm kuntatt, f'każ ta' urġenza fi żjarat f'Malta ta' dinjitarji għolja barranin u meta l-bnadar kellhom ikunu ta' qies partikolari jiġifieri ta' qisien differenti minn dawk tal-kuntratt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk konċessjonijiet għal tħaffir għaż-żejt li qed jiġu offruti mill-Gvern Taljan madwar Pantelleria, Linosa u Lampedusa, jinkludix parti mill-blata kontinentali ta' Malta f'Area 6? Jekk dan hu l-każ, x'passi se jieħu l-Gvern Malti biex jipproteġi l-interessi ta' Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern Malti ħa l-passi meħtieġa biex jipproteġi l-interessi ta' Malta. Fil-fatt intbagħat protest permezz ta' kommunikazzjoni uffiċjali.
Parlament Ewropew — sitt siġġu li jirrappreżenta lil Malta
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid liema huma l-pajjiżi li sa l-1 ta' Dicembru 2010 irratifikaw il-protokol 36 li bih jippermetti li Malta jkollha s-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew billi ippreżentaw l-istrumenti neċessarji tar-ratifika mal-Gvern Taljan? Jista' jgħid liema huma l-pajjiżi li għadhom ma irratifikawx l-imsemmi protokol u jgħid x'inhu jwassal biex jittardjaw ir-ratifika tagħhom? F'dan il-kuntest, jista' jgħid jekk il-Gvern Malti intervjeniex diplomatikament ma' dawn il-pajjiżi li għadhom ma irratifikawx biex jagħmel pressjoni fuqhom biex dan il-proċess jiġi finalizzat u b'hekk Malta jkollha s-sitt siġġu?
Response (BORG, TONIO)
Sa l-31 ta' Diċembru 2010 l-iStati Membri li rratifikaw il-Protokoll 36 u ppreżentaw l-istrumenti neċessarji tar-ratifika lill-Gvern Taljan kienu dawn: Malta, il-Bulgarija, l-Irlanda, l-iSvezja, id-Danimarka, il-Latvja, r-Repubblika Ċeka, Slovakkja, il-Finlandja, l-Estonja, l-Ungerija u s-Slovenja.. Tajjeb wieħed isemmi li Malta kienet l-ewwel pajjiż, li rratifikat dan il-Protokoll. Il-kumplament tal-iStati Membri għadhom ma ppreżentawx l-istrument ta' ratifika lill-Gvern Taljan.
Nixtieq infakkar li l-Gvern Malti ħadem bla heda biex jikkonvinċi l-bqija tal-iStati Membri tal-Unjoni Ewropea li n-numru ta' Membri Parlamentari Ewropej Maltin kellu jkun aktar minn ħamsa u kien għalhekk il-Gvern Malti ħadem mill-bidunett sabiex Malta jkollha s-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew. Din il-ħidma beħsiebha tkompli sakemm is-sitt membru Parlamentari Malti jieħu postu kemm jista' jkun malajr.
Nefqa f'tiswijiet u manutenzjoni tal-air conditions
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hi n-nefqa f'sena tas-servizz ta' tiswijiet u manutenzjoni tal-air conditions fil-bini tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa f'sena tas-servizz ta' tiswijiet u manutenzjoni tal-Air Conditions fil-bini tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tammonta għal €4,396.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm offriet Malta fi flus għall-fond ta' Auschwitz-Birkenau li twaqqaf biex jiġu mantnuti l-kampijiet oriġinali wara appell tad-direttur tal-mużew Piotr Cywinski?
Response (BORG, TONIO)
Malta offriet is-somma ta' € 5,001.50 għall-fond tal-Fondazzjoni Auchwitz-Birkenau. Dan il-pagament tħallas f' Ġunju 2010.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u tal-Affarijiet Barranin jgħid:
a) x'inhi l-proċedura korretta li ċittadin ta' pajjiżi terzi (mhux fl-Unjoni Ewropea) irid isegwi, jekk ikollu bżonn li jiġi Malta mil-lat ta' proċeduri fejn hemm bżonn
visa
;
b) jekk l-individwu jkun żewġ/mart jew partner ta' ċittadin Malti, xi proċeduri jrid/trid issegwi;
ċ) jekk l-individwu jkun jgħix f'pajjiż li fih m'hemmx ambaxxata Maltija jew konsolat xi proċedura trid tiġi sewgita?
Response (BORG, TONIO)
a) Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura korretta u segwita għal-ħruġ ta' viżas għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi huma skond ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009, li jistabbilixxi il-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi magħruf bħala il-"Kodiċi dwar il-Viżi" li jelenka wkoll l-lista konġunta ta' dawk il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma mitluba li jkollhom viża.
b) Għar-rigward dawk l-applikanti, ċittadini ta' pajjiżi terzi, li huma miżżewġin lill-ċittadini Maltin, dawn il-proċeduri jipprovdu li bħala membri tal-familja, dawn għandhom, abbażi ta' proċedura mħaffa, tinħarġilhom viża ta' dħul mingħajr ħlas.
c) Jekk l-individwu jkun jgħix f'pajjiż li fih m'hemmx Ambaxxata Maltija jew Konsolat, l-individwu għandu japplika għal-viża tad-dħul minn Konsolat ta' Stat membru ieħor, li miegħu hemm arranġament konsolari ma' Malta. Peress li il-proċeduri msemmija jiġu applikati minn kull Stat membru tal-UE, dawn jiġu segwiti bl-istess mod.
Jista' l-Ministru jgħid min kemm ilha mwaqqfa l-Union of the Mediterranean; kemm-il laqgħa organizzati fi ħdan din l-unjoni attendew Ministri jew uffiċjali għolja tal-Gvern Malti?
Liema kienu dawn il-laqgħat u min kienu l-Ministri jew uffiċjali għolja li attendew? Jista' jgħid ukoll jekk il-Gvern Malti ħallasx, wiegħed li jħallas, jew għandux ħsieb li jikkontribwixxi b'mod volontarju għall-fond ta' din l-unjoni?
Response (BORG, TONIO)
L-Unjoni għall-Mediterran, li twaqqfet bid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi nhar it-13 ta' Lulju 2008, addottat l-istess sistema ta' laqgħat Ministerjali li kienet teżisti fil-qafas tal-Proċess ta' Barċellona. Dan ifisser li laqgħat settorjali fuq livell Ministerjali ġeneralment ippreċeduti minn laqgħat tal-Uffiċjali Għolja, isiru perjodikament sabiex jevalwaw l-aħħar żviluppi li jkunu seħħew fl-oqsma rispettivi.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jipparteċipa f'laqgħat regolari ta' natura politika għall-Uffiċjali Għolja tal-Unjoni għall-Mediterran li regolarment isegwu l-iżvolġiment tad-Djalogu Euro-Mediterranju fid-dinamika u l-forom kollha tiegħu, b'mod speċjali f'dak li jikkonċerna l-budget u l-istatuti.
Apparti minn hekk, Malta ħadet sehem attiv f'laqgħat settorjali permezz ta' partiċipazzjoni ta' uffiċjali u esperti minn Ministeri varji. Malta ppartiċipat fil-parti l-kbira ta' dawn il-laqgħat kif jidher fl-iskeda li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Hekk kif ukoll rifless bil-partiċipazzjoni għolja fil-mekkaniżmu tas-Segretarjat il-ġdid, il-Gvern Malti diġa' qed jikkontribwixxi għas-sostenn ta' din l-Unjoni billi jiffinanzja l-emolumenti globali ta' deputat Segretarju Ġenerali nominat minn Malta, li hu wieħed minn total ta' sitta.
Medina Bank — pretenzjonijiet bejn Gvern Malti u Gvern Grieg
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk il-Gvern Grieg wassalx bil-miktub jew bil-kliem lill-Gvern Malti xi pretenzjonijiet tiegħu dwar il-Medina Bank jew il-linja medjana bejn Malta u l-Greċja?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma waslu ebda pretenzjonijiet ta' din ix-xorta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk il-Gvern Malti għandux ħsieb li jiddikjara Exclusive Economic Zone ta' 200 mil nawtiku madwar Malta? Jista' jgħid jekk il-Gvern Malti avżax lill-Gvern Libjan dwar id-drittijiet ta' Malta f'każ li l-Gvern Libjan jiddikjara l-Exclusive Economic Zone?
Response (BORG, TONIO)
Peress li l-Prim Ministru jista jeżerċita dan id-dritt, nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi l-opinjoni tal-Gvern Malti dwar il-bir esploratorju msejjaħ Lalla Saida li jinsab madwar 120km fil-Punent tal-Bir Malti Tama 1 u li tħaffer b'riżultat ta' konċessjoni li ngħatat mill-Gvern Tuneżin allavolja dan il-bir Tuneżin jinsab f'żona li Malta tqis bħala parti mill-blata kontinentali Maltija? X'permess ħareġ il-Gvern Malti għal dan il-bir Tuneżin u f'nuqqas ta' dawn il-permessi x'forma ta' protesta għamel il-Gvern Malti mal-Gvern Tuneżin?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lil-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 21978.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid u jelenka kemm-il uffiċċju/dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu għandu żewġ sulari jew iktar u jgħid f'liema hemm lift funzjonabbli?
Response (BORG, TONIO)
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jikkonsisti f'Ministeru li huwa maqsum fi tlett sulari, Direttorat Financial Management li jinsab maqsum fuq żewġ sulari, Information Management Unit li jinsab fuq tliet sulari, u d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u Expatriates li jinsab fuq sular wieħed, fit-tielet sular tal-bini.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dawk l-uffiċċji li qegħdin maqsuma fuq aktar minn sular wieħed huma mgħammra b'lift funzjonabbli.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk Malta dejjem kenitx preżenti għal-laqgħat tal-Political and Security Committee tal-Unjoni Ewropea li taqa' taħt il-brief tal-Foreign Affairs Chief Catherine Ashton? Billi dan il-kumitat jagħti d-drittijiet lill-istati membri li anki jeżerċitaw il-veto, Malta qatt għamlet dan? Jekk iva, dwar liema issues?
Response (BORG, TONIO)
Malta tippartiċipa bis-sħiħ fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Politika u Sigurtà (Political and Security Committee) li jiltaqa' regolarment biex jiddiskuti temi jew kriżijiet internazzjonali li jaqgħu taħt il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjonijiet fi ħdan il-kumitat jittieħdu b'mod unanimu wara li jinbena l-kunsens meħtieġ bejn l-istati Membri kollha. Malta tieħu sehem attiv f'dan il-kumitat fit-tfassil ta' policies fi ħdan il-politika barranija tal-Unjoni Ewropea f'diversi oqsma bħalma huma l-Medju Orjent jew ir-relazzjonijiet mal-Afrika.
Blata kontinentali ta' Malta — limiti ġeografiċi - Lvant ta' Malta
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti l-koordinati tal-limiti ġeografiċi tal-pretenzjonijiet fuq il-blata kontinentali ta' Malta tal-Gvern Libjan u l-Gvern Taljan fil-Lvant ta' Malta?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ftehim proviżorju bejn Malta u l-Italja — dwar il-linja medjana li taqsam il-blata kontinetali
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jikkonferma jekk il-ftehim proviżorju bejn Malta u l-Italja dwar il-linja medjana li taqsam b'ekwidistanza il-blata kontinetali bejn Malta u l-Italja, għadux jiġi rispettat mill-Gvern Taljan? Saret xi talba għall-estensjoni ta' din il-linja lejn il-Lvant?
Response (BORG, TONIO)
Bejn l-1065 - 1970 kien sar skambju ta' noti verbali fuq ftehim bla preġudizzju, msejjaħ "modus vivendi" li jistabilixxi linja medjana bejn Malta u Sqallija fejn jiġu faċċata ta' xulxin.
Għar-rigward il-Lvant ta' din il-linja il-pretenzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani kienu reġistrati fit-talba tal-intervenut li l-Italja għamlet fil-kawża bejn Malta u l-Libja fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, lura fil-1985.
Din iż-żona ma ġietx rikonoxxuta minn Malta, tant li saru konċessjonijiet min naħa ta' Malta fuq parti minn dawn il-pretenzjonijiet.