Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek — spiżerija li nqatgħu mis-sistema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi spiżeriji li wara li kienu involuti fl-Iskema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek iddeċidew li jinqatgħu minn din l-sistema u għal liema raġunijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn mindu bidet l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek fl-2007 kien hemm żewġ spiżeriji li ddeċidew li jinqatgħu minn din is-sistema. Fiż-żewġ każi, ir-raġuni l-ingħatat kienet li dawn ma setgħux ikomplu għar-raġunijiet personali.

Skema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek — Memorandium of Understanding

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta jiskadi l-Memorandium of Understanding li għandu mal-ispiżeriji involuti fl-Iskema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek u jekk qegħdin isiru xi diskussjonijiet mal-Kamra tal-Ispiżjari?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Memorandum of Understanding skada fis-27 ta’ Lulju 2012. Il-ftehim ġie estiz sa Diċembru 2012. Bħalissa qed isiru diskussjonijiet bejn il-partijiet kollha kkonċernati f’dan ir-rigward.

diskussjonijiet biex jinfetħu medical schools

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk għadhomx għaddejjin diskussjonijiet mar-Royal College of Surgeons tal-Irlanda, St George's Medical School u John Hopkins University separatament, biex dawn jiftħu medical schools Malta? Jekk iva fiex waslu dawn id-diskussjonijiet? Jekk le, x'inhi r-raġuni għaliex dawn id-diskussjonijiet sfaw fix-xejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li sar proċess ta’ għażla wara sejħa għall-proposti mis-St George’s Medical School u r-Royal College of Surgeons tal-Irlanda. F’Jannar tal-2011, s-St George’s Medical School kienu nfurmati li kienu ntagħzlu mill-Bord tal-Għażla. Sfortunatament, is-St George’s ma kienux laqgħu l-istedina tal-Gvern biex jitwaqqaf dan il-programm. Bħalissa ma hemm ebda proċess ta’ diskussjonijiet biex titwaqqaf skola medika, ma’ ebda parti msemmija f’din il-Mistoqsija Parlamentari.

kwestjoni dwar xiri ta' sptar

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Ministeru tiegħu flimkien mad-Diviżjoni tas-Saħħa kienu ssottomettew Expression of Interest b'riżultat ta' avviż maħruġ minn avukati privati u ppubblikat f'gazzetta lokali li permezz tiegħu l-istess Ministeru wera interess li jikri jew jixtri l-Isptar St Philip's f'Santa Venera mingħand il-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament liema expression of interest waslet biex il-Ministru japprova Memorandum of Understanding li permezz tiegħu l-Gvern Malti jopera dan l-isptar kif ukoll ingħata Letter of Undertaking mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment minkejja li r-Regolamenti Finanzjarji ta' Prokurar f'pajjiżna gestiti permezz ta' Avviż Legali 296/10 li huma transposizzjoni ta' direttivi ewropej dwar prokurar ma jippermettux li jsir dan imma bil-maqlub kellu jkun il-gvern li joħroġ sejħa għall-offerti li tistieden offerenti biex joffru s-servizz ta' sptar lill-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont ir-Regolament 17 (1)(f) tar-Regolamenti dwar Kuntratti Pubbliċi (Avviż Legali 296/10), dawn ir-regolamenti ma’ japplikawx għal akkwist jew kiri ta’ art, bini, propjeta immobiljari jew xi drittijiet fuq propjeta’. F’Malta ilu jinħass il-bżonn għal faċilita` ġdida ta’ riabilitazzjoni. Fil-fatt il-gvern preżenti kien identifika din il-ħtieġa u inkludiha bħala wegħda elettorali għal din il-leġiżlatura. Meta wieħed jikkunsidra l-esperjenza miksuba mill-isptar Karen Grech, l-evidenza bbażata fuq l-iżviluppi fil-mediċina ta’ riabilitazzjoni fuq skala internazzjonali u wkoll il-bidliet demografiċi lokali, joħroġ ċar li s-separazzjoni tal-funzjonijiet tal-kura ġerjatrika u tar-riabilitazzjoni hija essenzjali sabiex is-servizzi ta’ riabilitazzjoni ikunu jistgħu jiżviluppaw b’mod li jindirizzaw tajjeb il-ħtiġiet tal-popolazzjoni tagħna. Il-ħtieġa u t-talba għal servizzi ta’ riabilitazzjoni huma marbuta direttament mal-iżviluppi li qed iseħħu fis-sistema tagħna tas-saħħa bħala risposta għal mod kif qed tinbidel l-epidemoloġija, b’mod partikolari riżultat ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u riżultat ukoll tal-iżviluppi fil-mediċini u teknoloġiji ġodda li bihom qed ikun trattat il-mard kroniku. Dawn iż-żewġ fenomeni irriżultaw f’numru dejjem jiżdied ta’ persuni li jbatu minnmard kroniku (bħal osteoarthritis ) u li jkunu jeħtieġu proċeduri ta’ kirurġija, kif ukoll persuni li jkollhom trauma, problemi serji tal-qalb u mard cerebrovaskulari (puplesija). Il-benefiċċji li wieħed jista’ jikseb minn servizzi ta’ riabilitazzjoni tajbin u effettivi għandhom impatt enormi fuq l-individwi u l-familji tagħhom kif ukoll fuq is-soċjeta b’mod ġenerali. Persuni li jkunu kapaċi jirritornaw għal ħajja indipendenti jew semi-indipendenti iħossuhom ferm aħjar u f’pożizzjoni li jikkontribwixxu lejn is-soċjeta` u lejn l-ekonomija tal-pajjiż. Il-vojt li jeżisti bħalissa fil-firxa ta’ servizzi ta’ riabilitazzjoni pprovduti, b’mod partikolari minħabba l-infrastruttura eżistenti, nuqqas ta’ apparat meħtieġ u l-frammentazzjoni tas-servizzi offruti, irriżulta f’talbiet minn individwi li jieħdu t-trattament neċessarju barra minn Malta f’Ċentri ta’ eċċellenza fir-riabilitazzjoni. Sal-lum ħadd ma kien riferut għal din il-kura kemm minħabba t-tul ta’ żmien u wkoll minħabba l-ispejjeż involuti. L-infrastruttura preżenti tikkonsisti fi: (i) Servizzi offruti lill-pazjenti ġewwa sala waħda f’Karen Grech (ii) Servizzi ta’ “Outpatient” (OPD, li jinkludu fiżjoterapija, occupational therapy u idroterapija) li sal-lum għadhom kollha ġewwa l-Isptar St Luke’s peress li qatt ma kienu parti mill-Brief tal-Isptar Mater Dei (iii) L- Orthotics and Prosthetics Unit (OPU), li wkoll tinsab fl-Isptar St. Luke’s. Għaldaqstant il-bżonn li dawn it-tlett servizzi jiġu rilokati f’post ieħor sar wieħed urġenti. Il-faċilita` ta’ riabilitazzjoni ġdida se tkun il-post fejn jinġiebu flimkien grupp ta’ professjonijisti u ħaddiema bil-kompetenzi u l-esperjenza meħtieġa sabiex jiggwidaw, jimmotivaw u jagħtu s-sapport meħtieġ lill-individwi u l-familji tagħhom sabiex jerġgħu jakkwistaw l-ogħla livell ta’ indipendenza possibbli (kemm fiżika, sensorjali, intellettwali u psikoloġika) wara proċedura, marda jew aċċident. Is-servizzi li se jkunu offruti mill-esperti kliniċi għandu jkun imwieżen bl-investiment meħtieġ f’infrastruttura moderna u l-apparat meħtieġ għal riabilitazzjoni b’suċċess. Is-servizzi ta’ riabilitazzjoni se jkunu pprovduti lil dawk il-pazjenti li jkunu jikkwalifikaw għalihom. Mil-lat kliniku, din il-faċilita` se tkun tifforma parti mid-direttorat kliniku il-ġdid tan-Neurosciences and Rehabilitation. Il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita` qed jipproponi li jaħdem fil-qrib ma’ esperti barranin f’dan il-qasam sabiex din il-ħidma tkun suċċess. Huwa maħsub li l-profil tipiku ta’ dawk li se jkunu qed jużaw dan is-servizz ikun dan li ġej: § Pazjenti li saritilhom amputazzjoni u oħrajn li kellhom amputazzjonijiet u li jeħtieġu riabilitazzjoni u prosthetic training intensiv; § Pazjenti li sarulhom proċeduri ortopediċi bħal hip/knee replacements ; § Pazjenti li saritilhom xi operazzjoni; § Pazjenti li jkunu qed isofru min effetti ta’ trawma, kemm wara operazzjoni u kemm jekk le: § Pazjenti li jkunu qed isofru minn kundizzjonijiet newroloġiċi bħal puplesija; § Pazjenti li jkunu għamlu operazzjonijiet fl-ispina u neurosurgical procedures ; § Pazjenti li jkollhom bżonn riabilitazzjoni tal-qalb (għad trid tkun żviluppata); § Paediatric rehabilitation ( to be developed ) Huwa stmat li hemm bżonn ta’ faċilita` b’280 sodda sabiex ikunu koperti dawn is-servizzi. L-Isptar St Philip`s kien identifikat bħala tajjeb sabiex jieħu 100 sodda b’mod immedjat, u b’hekk ikun qed itaffi 100 sodda mis-sistema tas-saħħa tagħna u wkoll jagħti lok li s-sodod fl-Isptarijiet Mater Dei u Karen Grech ikunu utilizzati aħjar, speċjalment issa li ġejjin ix-xhur kesħin tax-Xitwa. Il-proċess sabiex is-sit ikun jista’ jiġi żviluppat sabiex jinkorpora 280 sodda se jkun analizzat mal-MEPA.

moniteraġġ fuq xarbiet li jiġu importati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk isirx moniteraġġ fuq xarbiet li jiġu importati f'pajjiżna u jekk dawn ix-xarbiet ikunux tajbin għall-konsum tal-bniedem? Min huwa responsabbli minn dan il-moniteraġġ u kemm iċċertifika xarbiet li huma tajbin għall-konsum tal-bniedem u li ġew importati matul is-snin 2009, 2010 u 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizz ta' home Help

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' home help ta' kopja anzjani li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li r-raġel jinsab għaddej b'kura għall-kanċer u l-mara għandha uġieħ fl-għadam?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Bord tal-Allokazzjoni tas-Servizz ta’ Għajnuna fid-Dar ikkunsidra l-każ imsemmi fid-19 ta’ Lulju u approva is-servizz.

Residenza San Vinċenz de Paul — sala tad-demensia

Question

Jista' l-Ministru jara li l-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li jinsab fir-Residenza San Vinċenz de Paul jiġi trasferit fis-sala tad-demensia peress li qed ibati minn din il-kundizzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kundizzjoni li jinsab fiha l-anzjan li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant m’għadiex idonja sabiex jiġi trasferit fis-sala speċjaliżżata għall-persuni li jbatu bid-dimentia, minħabba l-livell ta’ dipendenza. L-anzjan jinsab f’sala oħra li titratta persuni b’kundizzjonijiet mediċi.

Ta' Xbieb — ilment minħabba nemus u ġrieden

Question

B'referenza għan-nemus u anki ġrieden li qed ikun hemm spiss, jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jittieħdu passi dwar il-mod kif bitħa bejn Triq G. Mitrovich u n-naħa ta' wara ta' Triq G. Calì, Ta’ Xbiex qed tintuża bħala dumping ground għal karozzi abbandunati u msadda li ntefgħu ġo fiha mis-sidien ta' garaxx fil-qrib, b’inkonvenjent kbir għar-residenti fl-inħawi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fis-7 ta’ Settembru, 2012 uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Direttorat għal Saħħa Ambjentali wettqu spezzjoni ġewwa bitħa li tappartjeni lil Helena Flats, Triq Emanuele Galizia u li tinsab fil-viċinanzi ta’ Triq G. Mitrovich, Ta’ Xbiex u dan wara li ġew ikkuntatjati xi nies li joqgħodu fl-istess triq rigward din il-bitħa. Waqt din l-ispezzjoni minnbarra karozzi pparkjati ġie nnutat akkumulu zgħir ta’ żibel kemm taħt il-karozzi kif ukoll imxerred fil-bitħa. Is-sid tal-bitħa ġie ordnat sabiex ineħħi dan l-akkumulu. Bħala prekawzjoni s-sid tal-istess bitħa ġie nfurmat sabiex jagħmel trattament għal kontra l-ġrieden ġol-istess bitħa. Fis-7 ta’ Settembru, 2012 sar ukoll trattament għal kontra l-ġrieden fit-toroq indikati minn ħaddiema tal-Pest Control Unit fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali. Uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali reġgħu għamlu spezzjoni fil-11 ta’ Settembru, 2012 fil-bitħa in kwestjoni fejn ġie kkonfermat li l-akkumulu tneħħa u l-bitħa tnaddfet.

Meals on Wheels

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minn l-Isla li applikat għas-servizz aktar minn sena u nofs ilu ta' meals on wheels għadha bit-talba tagħha pendenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-talbiet għas-servizz tal-Meals-On-Wheels żdiedu sostanzjalment. Biex naqdu dawn it-talbiet, il-Maltese Cross Corps li tieħu ħsieb it-tqassim tal-ikel kellha żżid van ieħor mat-tlieta li diġa’ għandha biex iqassmu madwar 295 ikla kuljum f'47 lokalità f'Malta. Il-lokalita’ fejn toqgħod il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ma hiex inkluża fis-servizz għax s’issa din kienet l-unika applikazzjoni li hemm minn din il-lokalita’. It-talba tal-applikanta qed tiġi pproċessata u kkunsidrata għal mal-estensjoni tas-servizz li qed jiġi ppjanat.

Sptar Mater Dei — pazjenti fil-kurituri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irriżulta li kien hemm pazjenti bejn Jannar u Awwissu 2012, li spiċċaw fil-kurituri tas-swali fl-Isptar Mater Dei, kawża li ma kienx hemm kmamar fejn jigu akkomodati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-informazzjoni li nġabret mis-sistema tal-Patient Administration System tal-Isptar Mater Dei, in-numru ta’ pazjenti li stennew ġo sodda fil-kurutur sakemm ingħatalhom sodda fis-sala bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena (2012) huwa hekk: Xahar Nru. Ta' pazjenti Jannar 390 Frar 214 Marzu 76 April 59 Mejju 87 Ġunju 165 Lulju 169 Awwissu 146 Total 1306 Il-kurutur imsemmi, jirreferi għall- Paediatric Corridor ġewwa id-Departiment ta’ L-Emerġenża fl-Isptar Mater Dei.

Sptar tal-Kanċer — flus minfuqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq il-proġett tal-Isptar tal-Kanċer matul l-2010, l-2011 u l-ewwel disa xhur tal-2012? Jista' jagħti breakdown tal-ispiża ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti bil-kors ta' Medical Secretaries

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jimpjega lill-istudenti li spiċċaw mill-kors fl-MCAST ta' Medical Secretaries? Jekk iva, meta? Jekk le, għaliex peress li dawn huma l-ewwel persuni li huma kwalifikati b'mod speċjalizzat f'xogħol klerikali mediku?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-istudenti li spiċċaw il-kors fl-MCAST ta’ Medical Secretaries m’huma bl-ebda mod esklużi milli japplikaw għas-sejħiet pubbliċi li joħorġu minn Żmien għal żmien mill-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, dment li dawn ikunu jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibilità mitluba.

studenti li qed jipprattikaw f'xi sptar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm preżentement studenti li qed jagħmlu korsijiet post graduate, fil-mediċina (oqsma differenti), u li qed jipprattikaw f'xi sptar tal-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

persuni li jkollhom partijiet amputati

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi jsir mill-partijiet tal-persuni umani li jkunu għadhom kif ġew amputati? Min huwa responsabbli minnhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ladarba li amputazzjoni ta ' parti ta' pazjent isseħħ, din l-amputazzjoni tiġi ppreparata skont il-protokoll tat-teatri billi tiġi mgeżwra/ nfaxxata / fil-boroż sofor adegwati kif xieraq bil-formoli neċessarji mimlijin li jakkumpanjawha. Imbagħad il-parti amputata tintbagħat lill-kamra mortwarja għall-proċess meħtieġ. L-amputazzjonijiet jittieħdu fiċ-ċimiterju tal-Addolorata fejn jindifnu taħt is-superviżjoni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

servizz ta' home help

Question

Jista' l-Minsitru jara li l-każ tal-koppja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li l-mara se jkollha tagħmel operazzjoni f'irkobbitha u immedjatament se jkollha bżonn is-servizz tal-home help?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuni li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant applikaw għas-Servizz tal-Home Help fit-22 ta' Mejju 2012. Il-każ intbagħat għall-assessment tas-Social Worker fit-23 ta' Mejju 2012, u wasal lura fis-Sezzjoni tal-Home Help fid-19 ta' Ġunju. Il-Bord tal-Allokazzjoni ra dan il-każ fit-23 ta’ Awissu 2012, fejn ġew approvati sagħtejn fil-ġimgħa. B’hekk din l-applikazzjoni qegħda fil-lista ta’ stennija biex tingħata dan is-servizz.

Sptar Mater Dei — flus depositati

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-flus li qed jiġu depositati mill-Accounts/Finance Department tal-Isptar Mater Dei sal-Bank Ċentrali qegħdin jiġu trasferiti bil-mod kif jirrekjedi l-Att dwar Gwardjani Privati u Lokali (Kap. 389) u speċifikatament li l-flus qed jinġarru ġo vettura armata mgħammra b’tal-inqas żewġ gwardjani privati speċjalizzati (tas-sewqan)?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-servizz tal-ġbir u ġarr ta’ flus mill-Isptar Mater Dei għall-Bank Ċentrali huwa rregolat minn kuntratt speċifiku li huwa bbażat fuq il-provedimenti tal-liġi relatata ma’ dan is-servizz. Il-kuntrattur huwn mistenni li jkollu l-vettura skont kif tesiġi il-liġi u l-ammont neċessarju ta’ uffiċjali kwalifikati għal dan is-servizz. Mill-informazzjoni li għandna nistgħu ngħidu li l-ġbir u l-ġarr tal-flus mill-Isptar għall-Bank Ċentrali qiegħed isir minn tnejn min-nies tal-istess kuntrattur.

Residenza San Vinċenz de Paul — użu ta' ħrieqi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ħrieqi stil pull ups ma jintużawx fir-Residenza San Vinċenz de Paul għal dawk il-pazjenti li huma indipendenti, iżda jinħtieġu ħarqa? Jekk hija issue ta' finanzi, x'inhija d-differenza fil-prezz bejn ħarqa normali u dik stil pull up?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fir-Residenza San Vinċenz de Paule il-problema tal-inkontinenza hija għolja ħafna u għalhekk id-Dipartiment jixtri kwalita’ differenti ta’ ħrieqi li huma tajbin għal min hu nkontinenti ħafna kif ukoll għal min għandu problema minima ta’ nkontinenza. Barra l-ħrieqi d-Dipartiment jixtri wkoll pads tal-irġiel kif ukoll tan-nisa. Kull klijent li ġie riferut għal dawn it-tip ta' ħrieqi, dawn ġew eżaminati minn infermiera kwalifikati u ingħataw is-support u l-prodotti neċessarji.

Dipartiment tas-Saħħa — radiographers

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-istudenti li ggradwaw fir-radiografija għadhom ma ġewx impjegati mid-Dipartiment tas-Saħħa? Jista' jgħid jekk id-dipartiment se jimpjegawhom, meta se jagħmel dan u kemm se jimpjega? Jekk mhux se jimpjegahom għaliex u kemm ghandhom radiographers neqsin fis-settur tas-saħħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li normalment din hi kwistjoni marbuta ma dak li jissejjaħ il-Capacity Building Exercise u l-iskop ikun biex id-dipartiment jimpjega n-nies li għandu bżonn wara li jkun ġie awtorizzat mill-Finanzi. Is-sitwazzjoni dwar l-impjieg ta’ dawn ir- radiographers qed tigi indirrizata.

Persuni b'diżabilità — appuntament għal kura fi snienhom fl-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk waslux ilmenti li persuni b'diżabilità intelletwali jew fiżika li qed jirrikorru l-Isptar Mater Dei għal kura fi snienhom, qed jispiċċaw bi snienhom kollha maqlugħa minflok mimlija?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ma jirriżulta li kien hemm ebda lment għar-rigward is-suġġett li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. L-anqas jirriżulta li kien hemm xi lment minn qraba ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali ntelletwali dwar l-istess suġġett. Jekk xi klijent jew qarib jixtieq jagħmel xi lment għandu jċempel fuq 25454184 jew customercare.mdh@gov.mt jew mdh@gov.mt . Jekk il-klijent jixtieq jiġi personalment biex jagħmel xi lment, id-dipartiment relatat ikun miftuħ bejn it-7.45am u t-7.45pm.

Sptar San Luqa — upgrades fuq l-inċineratur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inċineratur tal-Isptar San Luqa għadux jaħdem? Jekk għadu jaħdem għaliex qed jintuża? Meta jintuża? Sarulux xi upgrades sabiex ma jħammeġx?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-inċineratur m'ġħadux jaħdem. L-inċineratur kien qiegħed jintuż bħala boiler, u ilu wieqaf minn Novembru tal-2010.