Legislature:
Category:
Reset
Active:

priġunieri — użu ta' mobile phone mhux awtorizzat

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena kemm priġunieri tal-Ħabs Ċivili, inqabdu jagħmlu użu mhux awtorizzat minn mobile phone għas-snin 2008 sal-2011?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' priġunieri li instabu jagħmlu użu mhux awtorizzat minn mobile phones bejn l-2008 u l-2011 fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:- 2008 38 2009 40 2010 53 2011 41

Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ — nefqa tal-karnival

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallas il-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ għall-attività tal-karnival din is-sena? Tista' din l-informazzjoni tkun tirrifletti n-nefqa kollha li saret u r-risposta tkun tinkludi lil min sar il-ħlas?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-budget għall-attività li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet ta’ €10,000 li żdiedu mal-€2,000 li l-Kunsill ingħata mill-iskema tal-fondi għall-attivitajiet kulturali, maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Infurmat ukoll illi l-Kunsill Lokali sa issa nefaq is-somma ta’ €10,974. Għal din l-attivita nġabru wkoll numru ta’ sponsorships li se jkopru parti mill-ispejjeż. Sa issa €5,000 minn dawn l-ammonti diġa' ġew koperti permezz tal-imsemmija sponsors mis-settur privat.

Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ — pubblikazzjoni ta' ktieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ (Malta) għall-pubblikazzjoni tal-ktieb Citta Rohan? Kemm kien il-budget li l-kunsill kien ħaseb għalih meta kien iddeċieda li ssir il-pubblikazzjoni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-ispiża tal-ktieb li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant hija ta’ madwar €10,000. Madankollu nfurmat li l-Kunsill ħa deċiżjoni li għas-sena 2012 l-ispejjeż ta’ dan il-ktieb u l-magazines tal-Kunsill se jkunu kollha koperti minn sponsors jew riklami minn kumpaniji tas-settur privat. Infurmat ukoll illi l-Kunsill diġa' ġabar numru ta’ reklami/sponsors konsiderevoli u qiegħed jistma’ li ma jkollu l-ebda spejjeż.

Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ — nefqa fuq attivitajiet ta' ġemellaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa li għamel il-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ fl-attivitajiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-ġemellaġġ li l-kunsill għamel mal-komunità ta' Acireale?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ ma għamel l-ebda ġemellaġġ mal-Comune ta’ Acireale, iżda ffirma ftehim ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ lokalitajiet. Fid-dawl ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill kien mistieden itella’ delegazzjoni ta’ sittin bandist sabiex jipparteċipaw fil-ftuħ tal-Karnival ta’ Acireale. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żebbuġ, permezz tal-ftehim bejn iż-żewġ maħat, kiseb sponsorship ta’ €12,275 li permezz tiegħu tħallsu direttament l-akkomodazzjoni u t-trasport tal-bandisti bir-riżultat li l-Kunsill ma kellu jħallas xejn għal dawn l-ispejjeż. Infurmat ukoll illi permezz ta’ ftehim ma’ kumpanija Maltija mis-settur privat, il-Kunsill laħaq ukoll arranġamenti sabiex l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-bandisti jkunu waivered u l-Kunsill iħallas biss il- port charges tal- catamaran , li jammontaw għal madwar 960 ewro. Il-bqija l-Kunsill kull ma ħallas kienu l-ispejjeż tad-delegazzjoni tal-Kunsill bħal ma jagħmel is-soltu kull meta xi kunsillieri jsiefru fuq xogħol tal-Kunsill. Inżid ukoll li l-Kunsill Lokali fetaħ din iż-żjara wkoll għall-akkumpanjaturi ta’ dawn il-bandisti, iżda kwalunkwe persuna mhux parti mid-delegazzjoni tal-Kunsill jew mill-grupp tal-bandisti kellu jħallas għall-ispejjeż tiegħu.

Kunsill Lokali tal-Birgu — direct orders

Question

Jista' l-Minsitru jgħid fl-2010, 2011 u f'dawn l-ewwel xhur tas-sena 2012, kemm-il direct order sar mill-Kunsill Lokali tal-Birgu u lil min sar dan il-ħlas?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Kunsill Lokali tal-Birgu ma tax Direct Orders fil-perijodu imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi dan il-Kunsill dejjem talab kwotazzjonijiet kif tippermetti l-Liġi.

immigranti irregolari li ġew espatrijati lejn l-Irlanda

Question

B'referenza għaċ-ċirka 15-il immigrant irregolari li f'Diċembru li għadda ġew espatrijati lejn l-Irlanda, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra taħt liema kundizzjonijiet dawn ġew espatrijati, senjatament x'kienu l-obbligi kemm tal-Irlanda u kemm ta' pajjiżna f'dan il-ftehim ta' espatrijazzjoni? Minn dakinhar sal-lum l-Irlanda baqgħet tforni lil pajjiżna b'informazzjoni dwar dawn l-immigranti u jekk ġewx assorbiti u integrati fis-soċjetà u fis-soċjetà lavorattiva (workforce) Irlandiża?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fit-13 ta’ Diċembru 2011, 10 persuni bi protezzjoni ġew rilokati l-Irlanda. Dan kien it-twettiq tal-impenn li ħadet l-Irlanda is-sena li għaddiet bħala għajnuna lil Malta f’dan il-qasam. L-Irlanda kienet wettqet eżerċizzju simili fl-2007, meta dakinhar ukoll kienet rilokat għaxar persuni. M’hemm l-ebda obbligi partikolari, ħlief dawk mistennija fid-dawl ta’ rilokazzjoni, jiġifieri t-trasferiment ta’ persuna bi protezzjoni minn Stat Membru għal ieħor. L-Irlanda ma baqgħetx iżżomm l-awtoritajiet Maltin infurmati fuq is-sitwazzjoni tal-immigranti, u ma kenitx mistennija li tagħmel dan, anki għaliex il-persuni rilokati issa jaqgħu taħt ir-responsabbilta` tagħha. Madanakollu, il-persuni rilokati kienu mistennija li ser jattendu lezzjonijiet tal-lingwa fl-ewwel ġimgħat wara l-wasla tagħhom.

xogħol partikulari fuq l-għases

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jsir xi xogħol partikolari fuq l-għases li hemm fis-7, il-11 u t-12 il-distrett elettorali, matul ix-xhur li ġejjin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ix-xogħol ta' manutenzjoni fl-Għases tal-Pulizija madwar Malta u Għawdex, huwa proċess li jsir kontinwament mit-Taqsima tas-Snajja tal-Korp skont kif u fejn ikun meħtieġ. Għar-rigward tal-Għases fid-Disttreti Elettorali msemmija mill-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat illi ser jitkomplew ix-xogħolijiet li qed isiru ġewwa l-Għases ta’ Ħaż Żebbuġ, il-Mellieħa u n-Naxxar, filwaqt li ser jibda x-xogħol fuq l-Għassa tar-Rabat. Ma’ dan ta’ min jgħid illi matul is-sena l-oħra saru wkoll diversi xogħolijiet fl-Għases ta’ Ħal Balzan, l-Imġarr u l-Għadira.

Kawżi dwar abbuż ta' minorenni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tressqu l-Qorti matul l-2011 kawża ta' abbużi fuq il-minorenni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2011, il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 33 persuna fuq akkużi ta’ abbuż sesswali fuq persuni minuri.

Kawżi ta' vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tressqu l-Qorti matul l-2011 kawża ta' vjolenza domestika?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32243.

Kawżi ta' vjolenza fuq l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tressqu l-Qorti matul l-2011 kawża ta' vjolenza fuq l-anzjani?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2011 kien hemm 58 persuna li tressqet il-Qorti talli kkaġunat offiża gravi fuq persuni anzjani, cioè 'l fuq minn 60 sena.

Kawżi ta' serq minn vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tressqu l-Qorti matul l-2011 kawża ta' serq minn vetturi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2011 kien hemm 56 persuna li tressqet il-Qorti fuq serq minn vetturi.

Kawżi ta' serq minn djar privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tressqu l-Qorti matul l-2011 kawża ta' serq minn djar privati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2011 kien hemm 76 persuna li tressqet il-Qorti fuq serq minn minn djar.

Ħlas ta' liċenzji tal-armi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet is-somma li nġabret mill-ħlas tal-liċenzji tal-armi tal-isports tal-isparar, tal-kolletturi u tal-kaċċa f'dawn l-aħħar għaxar snin , kull kategorija u kull sena separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Għawdex — Munxar - Triq ta' Luvier- asfalt

Question

Peress li r-residenti ta' Triq ta' Luvier Munxar Għawdex qed jilmentaw minħabba l-istat ħażin tat-triq, jista' l-Ministru jgħid għaliex din it-triq għadha ma ġietx asfaltata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi Triq il-Luvier ġewwa l-Munxar, Għawdex ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill lokali peress li hija proprjetà privata.

Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — kuntratti għas-servizz ta' skrivani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2011, ingħatawx kuntratti mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sabiex jingħata servizz ta' skrivani? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid għal kull każ kemm kien l-ammont imħallas kull siegħa għas-servizz offrut?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2011 ir-Reġistru Pubbliku u tal-Artijiet ta kuntratt lill-Kumpanija Bizfront għal servizz ta' skrivani. Infurmat ukoll illi l-ħlas kien jammonta għal €11.65 għal kull siegħa.

Serqiet minn stabilimenti kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet minn stabilimenti kummerċjali rappurtati lill-Pulizija matul l-2011?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra, ġew irrappurtati lill-Pulizija 609 serqa minn stabbilimenti kummerċjali, li 197 minnhom kienu għad-detriment ta’ impjegati jew parruċċani li kienu fil-ħwienet.

Serq minn karozzi privati u self-drive

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet minn karozzi privati u self-drive rappurtati lill-Pulizija matul l-2011?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra, ġew irrappurtati lill-Pulizija 1445 serqa minn karozzi. Infurmat ukoll, illi ma tinżammx statistika separata dwar karozzi tal-kiri.

Serqiet minn Dipartiment, Ministeri, Dekasteri u entitajiet governattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet minn dipartiment, ministeri, dekasteri u entitajiet governattivi rappurtati lill-Pulizija matul l-2011? X'kienu l-oġġetti rappurtati misruqa u x'valur jammontaw?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra ġew irrappurtati lill-Pulizija 34 każ ta’ serq minn bini tal-Gvern. Fost l-oġġetti rrappurtati nieqsa kien hemm għodda, telephone sets, computer, flus, mediċinali, apparat elettroniku u għamara. Il-valur globali, kif dikjarat, jammonta għal €9925.

kawżi dwar moħqrija tal-annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tressqu l-Qorti matul l-2011 kawża ta' moħqrija fuq l-annimali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra, il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 19-il persuna dwar każi ta' moħqrija tal-annimali.

Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li tnaqqas mid-dekasteru tiegħu bħala parti miż-0.59% mnaqqsa mill-budget għas-sena 2012? Jista' jagħti breakdown dettaljat tal-ammonti u liema huma l-line items?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni hija s-segwenti:- Personal Emoluments €1,344,663 Operations and Maintenance €396,000 Programmes & Initiatives €1,114,000 Contributions to Government Entities €114,000