Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #27167 Sitting 381 2011-07-11 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

laqgħat mal-ambaxxatriċi tal-Ġnus Magħquda

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma x'laqgħat saru mal-Ambaxxatrici (goodwill) tal-Ġnus Magħquda Angelina Jolie bejn il-Gvern Malti jew xi awtoritajiet oħrajn mal-istess Angelina Jolie dwar il-kundizzjonijiet li fihom jinżammu l-immigranti irregolari fiċ-ċentri magħluqa? X'ġie diskuss?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi, fuq talba tagħha, is-Sinjura Angelina Jolie għamlet żjarat fiċ-Ċentri Miftuħa u Magħluqa waqt li kienet f'pajjiżna għal ġbid ta' film.
Leg 11 PQ #27337 Sitting 381 2011-07-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Użu ta' Lie Detector

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jintuza b’mod obbligatorju lie detector fuq dawk il-priġunieri li se jibbenefikaw mis-sistema tal-Parole? Hemm ħsieb li t-test ta’ lie detector jibda jintuża ukoll fil-każijiet tal-Qrati tagħna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li m'hemmx il-ħsieb li jiġi b'xi mod użat il-lie detector.
Leg 11 PQ #27339 Sitting 381 2011-07-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni li weħlu l-ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni li kkommettew reat is-sena l-oħra u ttellgħu l-Qorti? Kemm minnhom weħlu l-ħabs? Kemm minnhom kienu reċedivi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 18,868 persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija, uħud minnhom aktar minn darba, għax kienu kkommettew xi reat kriminali. Dan in-numru ma jinkludix każijiet relatati mat-traffikku fejn jingħataw tickets. Infurmat ukoll illi matul l-istess perjodu kien hemm 589 persuna, (li mhux neċessarjament min dan l-ammont), li weħlu sentenzi ta’ ħabs, li minnhom 122 kienu reċedivi.
Leg 11 PQ #27347 Sitting 381 2011-07-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Għawdex — probation services unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi mwaqqfa probation services unit ġewwa Għawdex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi s-servizz tal-probation huwa diġà mħaddem ġewwa Għawdex. Fil-fatt mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju ta' din is-sena, minn 211 każ ġdid, 9 każijiet kienu in segwitu ta' ordnijiet maħruġa mill-Qorti ta' Għawdex.
Leg 11 PQ #27361 Sitting 381 2011-07-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — service contract agreements

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru service contract agreements mill-1 ta' Jannar 2011 f'kull dipartiment\uffiċċju li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, u jagħti d-dettalji relattivi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sample contract ta' kull kategorija ta' kull service contract li sar?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li service contract agreements li saru jew ġew imġedda mill-1 ta’ Jannar ta' din is-sena huma s-segwenti:- Entita' Numru ta' Service Contract Agreements Servizz Freedom of Information Unit 1 Avukat Justice Unit 4 Avukati Facilita' Korrettiva ta' Kordin 2 Psikjatri Ufficcju tal-Avukat Generali 1 Kumpanija tas-Sigurta' AWAS 1 Kumpanija tas-Sigurta' Divizjoni Qrati tal-Gustizzja 1 Senior Exhibits Officer - Qorti Kriminali
Leg 11 PQ #27434 Sitting 381 2011-07-11 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Senior u Probation Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm senior u probation officers? Jista' jgħid jekk dawn humiex biżżejjed għall-bżonnijiet preżenti? Jista' jgħid kemm hemm studenti qed jagħmlu l-kors Master in Probation Services?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm Senior Probation Officer u 15-il Probation Officer. Tlieta minnhom ġew ingaġġati f'April ta' din is-sena b'żieda fuq dawk li kien hemm qabel. Infurmat ukoll illi l-kors tal-Masters in Probation Services ser jiftaħ għall-ewwel darba f'Ottubru li ġej. L-Università ta' Malta għadha qed tilqa' l-applikazzjonijiet li jagħlqu fit-22 ta' Lulju 2011.
Leg 11 PQ #27454 Sitting 381 2011-07-11 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti Kriminali — persuni - ħelsien mill-arrest

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena 2011, kemm-il persuna tressqu l-Qorti b'arrest u kemm minn dawn il-persuni akkuzati ngħataw il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest mal-preżentata? F'kemm minn dawn il-każijiet l-Avukat Ġenerali talab reviżjoni fil-Qorti Kriminali u f'kemm il-każ din it-talba ġiet milqugħa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mill-bidu tas-sena 2011 sal-aħħar ta’ Ġunju, 2011, quddiem il-Qrati tal-Maġistrati (Malta) – sede Kriminali - tressqu 471 persuna b’arrest. Minn dawn il-persuni 121 ingħataw il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest mal-preżentata. Infurmat ukoll illi fil-każ tal-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) kien hemm 25 persuna li tressqu l-Qorti b'arrest. u li minn dawn kien hemm 9 persuni li ngħataw il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest mal-preżentata. Wieħed irid jinnota li minn dawn il-presuni preżentati b’arrrest, jkun hemm min minnhom jagħmel ammissjoni mal-preżentata u jingħata sentenza dak il-ħin stess. Minn dawk il-każijiet fejn ingħataw il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, l-Avukat Ġenerali talab reviżjoni fil-Qorti Kriminali f’26 każ li mil-liema talbiet, 23 ġew milqugħa.

Kwerela — investigazzjoni tal-emails

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-kwerela tal-persuni, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, liema kwerela kienet titratta talba lill-pulizija biex jinvestigaw emails li rċevew dawn il-persuni b'kontenut malafamanti u inġurjuż u li s'issa l-pulizija għadha ma tat l-ebda informazzjoni nonstante li għaddew aktar minn sitt xhur mid-data ta' din il-kwerela?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-persuni msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienu għamlu rapport fis-6 ta’ Novembru tas-sena l-oħra dwar xi e-mails li kienu rċevew f’Mejju tal-istess sena. Infurmat ukoll illi dan ir-rapport kien ġie investigat mill-Pulizija u l-kwerelenti kienu ġew infurmati bl-eżitu ta' din l-istess investigazzjoni.

vettura sekwestrata mill-pulizija — bdil fil-proċedura

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal għall-bdil fil-proċedura li persuna li jkollha l-vettura tagħha sekwestrata mill-pulizija b'investigazzjoni pendenti , qiegħda tiġi mġiegħla tħallas kull pendenza qabel ma tiġi mogħtija l-liċenzja u l-multi amministrattivi appena tiġi rilaxxata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #27145 Sitting 378 2011-07-06 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti tal-Familja — għall-medjazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn l-1 ta' Jannar u l-1 ta' Ġunju 2011 kemm ġew imqiegħda fuq il-Mejda ittri għall-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja, kemm saru kuntratti bonarji u kemm ġew pronunzjati sentenzi ta' separazzjoni? Fil-kuntratti bonarji għall-istess perjodu kemm kien hemm każijiet fejn iż-żewġ partijiet irrinunzjaw għall-manteniment għalihom reċiprokament? Fl-istess kuntratti kemm kien hemm każijiet fejn iż-żewġ partijiet iddikjaraw minn jeddhom li ddekadew għall-manteniment għalihom? Fl-istess kuntratti kemm kien hemm kuntratti fejn xi parti tirrinunzja għall-manteniment għaliha u l-oħra tiddekadi għall-manteniment għaliha?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mill-Onorevoli Interpellant hija s-segwenti:- Għawdex Malta Ittri għall-medjazzjoni (separazzjoni personali) 8 326 Ittri għall-Medjazzjoni in ġenerali 9 529 Ittri għall-Kuraturi (separazzjoni personali) - 14 Separazzjoni Bonarja 5 96 Sentenzi ta' separazzjoni personali pronunzjati 5 19 Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba għall-kumplament tad-domanda ma tinżammx taħt forma ta' statistika.
Leg 11 PQ #27155 Sitting 378 2011-07-06 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

kawżi ta' annullament matrimonjali ċivili fil-qorti tal-familja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jagħmel dak kollu meħtieġ biex, bis-saħħa ta' emendi u atti opportuni, jispiċċa: i) il-poter ta' soprasessjoni ta' kawżi ta' annullament matrimonjali tat-Tribunal Ekkleżjastiku Melitensi fuq il-kawżi ta' annullament matrimonjali ċivili fil-Qorti tal-Familja, jigifieri l-poteri li għandu t-Tribunal li bih il-Qorti jkollha tieqaf jekk tinfetaħ kawża ta' annullament fit-Tribunal Ekkleżjastiku? ii) l-effett ċivili ta' sentenzi ta' annullament matrimonjali maħruġa mit-Tribunal Ekkleżjastiku Melitensi, partikolarment meta l-imħallfin ta' dan it-Tribunal ma jaqgħux taħt l-iskrutinju parlamentari maħsub għall-imħallfin tal-qrati tagħna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-Onorevoli Membru huwa mfakkar illi t-Tribunal Ekklesjastiku għandu ġurisdizzjoni biss f’ materja ta’ annullament ta’ żwiġijiet regolati bid-Dritt Kanoniku fejn allura l-partijiet fiż-żwieġ ikunu għażlu li ż-żwieġ tagħhom ikun soġġett għal dik is-sistema legali. Il-gvern m'għandu l-ebda ħsieb illi jneħħi l-effetti ċivili tas-sentenzi ta’ annullament ta’ żwieġ pronunċjati mit-Tribunal Ekklesjastiku. Dan pero' li r-rikonoxximent tal-effetti ċivili ta’ sentenzi tat-Tribunal Ekklesjastiku dwar annullamenti ta’ żwiġijiet Kattoliċi m’huwiex awtomatiku iżda huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-Qorti tal-Appell li teżamina dawk il-proċeduri fid-dawl tad-drittijiet fondamentali li huma inerenti fis-sistema legali ta' Malta.
Leg 11 PQ #27278 Sitting 378 2011-07-06 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Għawdex — problema tad-droga - unità tal-pulizija

Question

Peress li l-problema tad-droga f'Għawdex qed tiżdied, jista' l-Ministru jgħid meta se titwaqqaf unità tal-pulizija speċjalizzata kontra d-droga f'Għawdex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fid-Distrett tal-Pulizija t’Għawdex, diġà hemm skwadra li tispeċjalizza fuq investigazzjonijiet ta’ reati kriminali serji, inkluż droga. Fil-fatt infurmat ukoll illi matul is-sena l-oħra il-Pulizija t’Għawdex solviet 21 każ ta’ droga.
Leg 11 PQ #27322 Sitting 378 2011-07-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Bdil fir-regolamenti tal-konsum tax-xorb alkoħoliku waqt kunċerti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jinbidlu r-regolamenti biex ikun permess bejgħ u konsum ta' xorb alkoħoliku lill-persuni ta' eta' 'l fuq minn 17-il sena f'kunċerti f'area magħluqa bħal dak li se jsir fid-9 ta' Lulju, 2011 minn Joseph Calleja fuq il-Fosos?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-modalità tat-tibdil fir-regolamenti qiegħed jigi diskuss bejn l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati.
Leg 11 PQ #26595 Sitting 377 2011-07-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

każ gravi ta’ vjolenza domestika — dewmien min-naħa tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-pulizija naqset li tiċħad u/jew tikkonferma fil-pront rapporti li dehru f’sezzjonijiet tal-istampa li kien hemm dewmien esaġerat min-naħa tagħhom biex jieħdu azzjoni dwar każ partikolari fejn kien ġie rapportat każ gravi ta’ vjolenza domestika?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' risposta għar-rapporti li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant, li ngħatat mill-Pulizija u li kienet ippubblikata fuq il-gazzetta The Sunday Times nhar is-19 ta' Ġunju 2011.
Leg 11 PQ #27251 Sitting 377 2011-07-05 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Skejjel, MCAST u Università — Persuni mressqa fuq traffikar ta' drogi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu nies il-Qorti minħabba traffikar ta' droga qrib skola, MCAST u l-Università f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi in-numru ta’ persuni li tressqu l-Qorti fuq akkużi ta’ traffikar ta’ droga qrib skola, MCAST u l-Universita' f’dawn l-aħħar tliet snin kienu s-segwenti:- 2008 11 2009 12 2010 20
Leg 11 PQ #27099 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ħad-Dingli — investigazzjonijiet dwar theżżiża

Question

Jista' l-Ministru jinforma xi żviluppi kien hemm wara l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar it-theżżiża li ħakmet Ħad-Dingli u l-bliet u rħula tal-madwar kmieni dan ix-xahar ta' Ġunju 2011?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi għalkemm il-Pulizija ppruvat tistabbilixxi x'kienet il-kawża ta' dan il-ħoss, ir-riżultat kien wieħed negattiv.
Leg 11 PQ #27163 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

informazzjoni fuq omiċidji u attentati

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' omiċidji bejn 2000 u 2010 maqsumin nisa u rġiel (qattiel u maqtula), numru ta' attentati bejn 2000 u 2010 maqsumin nisa u rġiel u jekk il-każijiet seħħewx bejn membri tal-familja (indika r-relazzjoni)?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn l-2000 u l-2010 kien hemm 49 persuna maqtula. Minn dawn 28 kienu rġiel u 21 kienu nisa. L-omiċidju ta’ 40 minn dawn kien ġie solvut u 48 persuna, (45 irġiel u 2 nisa), kienu ġew akkużati quddiem il-Qorti filwaqt li kien hemm każ fejn il-qattiel immedjatament ikkommetta suiċidju. Infurmat ukoll illi fost dawn il-każijiet solvuti kien hemm is-segwenti :- każ fejn wieħed mill-akkużati kien l-għarus tal-vittma każ ieħor l-akkużat kien iben il-vittma każ ieħor il-vittma kienet il-mara tal-qattiel każ ieħor il-vittma kienet l-għarusa tal-akkużat każ ieħor il-vittma kienet iz-zija ta’ l-akkużat każ ieħor l-akkużat kien ir-raġel tal-vittma każ ieħor il-vittma kienet omm waħda mill-akkużati każ ieħor il-vittma kienet l-eks mara tal-akkużat każ ieħor il-vittma kienet il-mara tal-akkużat każ ieħor il-vittma kienet l-eks għarusa tal-akkużat. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi it-tagħrif hekk kif mitlub mhux disponibbli taħt forma ta’ statistika.
Leg 11 PQ #27214 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — persuni li tilfu l-benefiċċju tal-ħelsien

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin peress li tilfu l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest u ġew ri-arrestati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fit-28 ta' Ġunju 2011 fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kien hemm 11-il persuna taħt arrest preventiv u 9 oħra li kienu qed iservu sentenza ta' ħabs minħabba li tilfu l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest.
Leg 11 PQ #27215 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

persuni arrestati pending trial

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni arrestati pending trial u ilhom hekk arrestati: a) aktar minn xahar; b) aktar minn sitt xhur; ċ) aktar minn sena; u d) aktar minn għoxrin xahar?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sat-28 ta' Ġunju 2011 fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin persuni arrestati li l-kawża tagħhom għad trid tinstema' ilhom arrestati kif indikat fit-tabella t'hawn taħt:- a) 92 persuna minn xahar sa sitt xhur b) 47 persuna minn sitt xhur sa sena c) 29 persuna minn sena sa għoxrin xahar d) 54 persuna aktar minn għoxrin xahar
Leg 11 PQ #27216 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

persuni li ġew ri-arrestati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni li ġew ri-arrestati għax kisru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, reġgħu ngħataw l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest fl-aħħar sentejn?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin persuni li ġew ri-arresati għax kissru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li reġgħu ngħataw il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest f'dawn l-aħħar sentejn huwa kif spjegat hawn taħt:- Fl-2009 kien hemm 19-il-persuna li 15 minnhom daħlu b'sentenza ta' ħabs għaliex instabu ħatja fuq ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. L-erbgħa l-oħra ddaħlu l-ħabs fuq arrest preventiv u reġgħu ngħataw il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest. Fl-2010 kien hemm 30 persuna li 26 minnhom daħlu b'sentenza ta' ħabs għaliex instabu ħatja fuq ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. L-erbgħa l-oħra daħlu l-ħabs fuq arrest preventiv li 3 minnhom reġgħu ngħataw il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest waqt li l-eħor għadu taħt arrest preventiv. Mill-ewwel ta' Jannar sat-28 ta' Ġunju 2011, kien hemm 22 persuna; 14 minn dawn daħlu b'sentenza ta' ħabs għaliex instabu ħatja fuq ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. It-tmienja l-oħra daħlu l-ħabs fuq arrest preventiv. Filwaqt li wieħed minn dawn reġa' ingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest u l-oħrajn għadhom taħt arrest preventiv.