Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġi estiż l-irwol tat-tobba tal-familja (GPs) u professjonisti oħra tal-Kura tas-Saħħa Primarja sabiex dawn ikunu l-ewwel linja ta’ riferiment u b’hekk jitnaqqas il-fluss ta’ pazjenti lejn l-Isptar Mater Dei?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-irwol tat-tobba tal-familja (GPs) qed jiġi estiż bl-introduzzjoni tal-Clinical Streaming u bit-tkabbir tal-GP Appointment Clinics.
Is-servizzi tal-infermiera qed jiġu estiżi permezz ta’ appuntamenti għal feriti u għat-teħid tad-demm. Beda wkoll servizz ta’ teħid tad-demm għat-tfal li għandhom ‘il fuq minn ħames snin fic-Ċentri tas-Saħħa ta’ Birkirkara u Ħal Kirkop.
Min-naħa tal-Allied Health, is-servizzi kollha, apparti tar-Radjografija, jistgħu jiġu aċċessati mingħajr riferiment ta’ tabib. Il-pazjent jista’ iċempel il-Call Centre fuq 21231231 u jitlob appuntament għas-servizz meħtieġ.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex il-finanzjament u r-riżorsi tal-Kura tas-Saħħa Primarja jkunu biżżejjed biex jiġi żgurat li każijiet li jistgħu jiġu trattati fil-livell tal-kura primarja ma jibqgħux jintbagħtu l-Isptar Mater Dei?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bħala parti mill-miżuri biex il-finanzjament u r-riżorsi tal-Kura tas-Saħħa Primarja jkunu biżżejjed, fil-2026 kien hemm żieda fil-baġit rekorrenti ta’ €8,163,000 fuq l-2025. Din iż-żieda tippermetti li jsir investiment f’servizzi u riżorsi addizzjonali fil-livell tal-Kura Primarja, sabiex każijiet li jistgħu jiġu trattati fil-livell primarju ikun jista’ jkompli jsir.
Barra minn hekk, biex ir-riżorsi jkunu distribwiti b’mod aktar effettiv fis-settur kollu tas-saħħa u biex in-nies li normalment imorru l-Isptar Mater Dei jiġu indirizzati fiċ-Ċentri tas-Saħħa, ġie introdott is-servizz 1400. Dan is-servizz diġa qed jgħin biex jindirizza lill-pazjenti b’mod aktar effiċjenti fejn l-aħjar jirċievu l-kura jew il-ħtiġijiet mediċi tagħhom.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33436 u jgħid kemm kien il-valur totali ta’ kontijiet għal mediċini mixtrija mill-Gvern pendent matul is-snin 2020, 2021, 2022, 2023, 2024 u 2025, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħala regola, l-invoices kollha li jaslu fis-Sezzjoni tal-Accounts tas-CPSU jitħallsu wara li jkunu ġew verifikati.
San Vincenz de Paul – Pope John Paul II, Ward 1 – Anzjani trasferiti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-anzjani li qegħdin f’Pope John Paul II, Ward 1, f’San Vincenz de Paul ġewx trasferiti kollha? Jista’ jgħid ukoll fejn ġew u qed jiġu trasferiti dawn l-anzjani?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li t-trasferiment tal-anzjani għadu għaddej u qed isir b’mod gradwali skont id-disponibbiltà tas-sodod f’swali oħra. L-anzjani qed jiġu rilokati lejn swali oħra tad-dimenzja hekk kif isiru disponibbli sodod adattati għall-bżonnijiet ta’ dawn il-pazjenti.
San Vincenz de Paul – Pope John Paul II, Ward 1 – Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma x-xogħlijiet li ser ikunu qed isiru f’Pope John Paul II, Ward 1, f’San Vincenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll kemm ser idumu dawn ix-xogħlijiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li x‑xogħlijiet qed jikkonsistu f’aġġornament u installazzjoni ta’ sistema ġdida tal-arja kkundizzjonata, sabiex is-sala tkun konformi mal-istandards meħtieġa u tipprovdi ambjent sigur u komdu għar-residenti. Din hija l-aħħar ward li kienet għadha tuża sistema qadima, u għalhekk qed tiġi modernizzata. Ix‑xogħol diġà beda u mistenni jkompli b’mod gradwali, b’kunsiderazzjoni għat-trasferiment tar‑residenti u l-ħtiġijiet operattivi tas-sala.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23015 u 32086 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21600, fejn intqal li ma jistax jaqsam il-pagamenti separatament, jista’ l-Ministru jgħid f’kull każ kemm kienu l-pagamenti qabel u wara kull side letter li ġiet approvata?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa weġibt għall-PQ 21600, il-ħlasijiet li ħarġu ma kinux biss jirrigwardjaw is-side letters iżda anke l-kuntratt oriġinali u ma tistax taqasamhom f’pagamenti seperati.
Kura tas-Saħħa Primarja - Electronic Health Records
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-istatus tal-proġett biex jinħolqu Electronic Health Records integrati għall-pazjenti tal-Kura tas-Saħħa Primarja?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-Kura tas-Saħħa Primarja diġà għandha sistema ta' Rekords Elettroniċi tal-Pazjenti. Is-sistema hija integrata ma' sistemi oħra tas-saħħa. L-integrazzjoni hija proċess kontinwu skont il-ħtiġijiet hekk kif l-infrastruttura tas-sistema tas-saħħa tkompli tiżviluppa u s-sistemi jkomplu jiġu modernizzati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi miżuri biex l-overcrowding fiċ-ċentri tas-saħħa l-aktar popolati bħal Raħal Ġdid u l-Mosta jitnaqqas?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed jittieħdu diversi miżuri biex il-pazjenti jinqdew kif inhu xieraq f’kull Ċentru tas-Saħħa, u dan b’enfasi fuq titjib fl-organizzazzjoni tas-servizzi u fl-effiċjenza.
B’mod partikolari, ġie introdott proġett pilotata fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta fejn qed titħaddem sistema ta’ clinical streaming integrata ma’ sistema ġdida ta’ ticketing, li tiżgura streaming kliniku minn tabib tal-familja sabiex il-pazjenti jiġu direzzjonati malajr lejn l-aktar servizz xieraq, inkluża l-għażla ta’ appuntament mal-GP għal każijiet ta’ akutezza baxxa. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tnaqqas il-ħinijiet ta’ stennija, ittaffi l-pressjoni fuq is-servizzi sekondarji u ssaħħaħ il-kontinwità tal-kura tas-saħħa primarja.
Aktar inizjattivi ser jittieħdu f’Ċentri oħra bil-għan li s-servizzi professjonali ikomplu dejjem jiġu offruti b’effiċjenza.
Kura tas-Saħħa Primarja - Differenza fil-livell ta’ servizz bejn Malta u Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx differenza fil-livell ta’ servizz fil-Kura tas-Saħħa Primarja bejn Malta u Għawdex, u kif qed jiġu indirizzati dawn id-diskrepanzi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-livell ta’ servizzi mill-professjonisti fil-Kura tas-Saħħa Primarja huma tal-ogħla kwalità, ndipendenti mil-lokalità.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jiżdiedu servizzi speċjalizzati ġodda fiċ-ċentri tas-saħħa (eż. Physiotherapy u mental health counselling)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-clinical streaming, li ġie introdott bħala proġett pilota fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, qed jiġi evalwat bil-ħsieb li jiġi estiż għal Ċentri tas-Saħħa oħra.
Nfakkar lill-Onor. Interpellant li rigward il-fiżjoterapija, is-servizzi min-naħa tal-kura primarja se jibqgħu jiffokaw fuq terapija muskoloskeletali.
Għar-rigward tas-servizz tas-saħħa mentali, l-Gvern hu kommess li jkompli jsaħħaħ u jespandi s-servizzi fil-komunità. F’dan il-kuntest, ladarba jitlestew u jibdew joperaw it-tliet Ċentri Reġjonali ġodda għall-Kura tas-Saħħa Mentali, hemm il-ħsieb li minn dawn iċ-ċentri jiġu offruti servizzi speċjalizzati, fosthom servizzi ta’ psikoloġija u counselling.
Dan l-approċċ huwa parti minn strateġija usa’ mmirata biex il-kura tas-saħħa mentali tkun aktar aċċessibbli, integrata u qrib il-pazjent.
Kura tas-Saħħa Primarja - Taħriġ ta’ tobba u infermiera - Baġit allokat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-baġit allokat għat-taħriġ ta’ tobba u infermiera tal-Kura tas-Saħħa Primarja matul l-2025-2026?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minbarra l-allowance annwali ta’ CPD/CME li huma intitolati għaliha kemm it-tobba kif ukoll l-infermiera (u li titħallas mill-voti tal-emolumenti personali), hemm vot speċifiku għat-taħriġ taħt il-voti tal-Kura Primarja hekk kif jidher fl-Estimi għas-sena 2026 li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irriżenjaw tobba, nurses u Allied Health Practitioners (AHP) mis-settur pubbliku matul is-sena 2025 u jispeċifika liema minnhom kienu jaħdmu fil-kura primarja?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li din is-sena ġew inganġati 164 tabib u irriżenjaw 47, fejn 6 minnhom kienu jaħdmu fil-Kura Primarja. Għar-rigward tal-infermiera ġew inganġati 136 infermiera u irreżenjaw 42, fejn infermiera waħda minnhom kienet taħdem fil-Kura Primarja. Għar-rigward tal-allied health professionals ġew inganġati 43 u irriżenjaw 28, fejn 8 minnhom kienu jaħdmu fil-Kura Primarja.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur totali ta’ kontijiet għal mediċini mixtrija mill-Gvern pendent matul is-snin 2020, 2021, 2022, 2023, 2024 u 2025, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpelant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32075 dwar is-sejħa ‘CT3018/2024 DESIGN AND BUILD TENDER FOR BLOCK 6, AT MOUNT CARMEL HOSPITAL CAMPUS, USING ENVIRONMENTALLY FRIENDLY CONSTRUCTION MATERIALS AND PRODUCTS’ li għalqet fis-17 ta’ Settembru 2024, jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex ser terġa’ toħroġ din is-sejħa jew le u jekk dan il-proġett huwiex ser isir jew le?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li aktar żviluppi jitħabbru fil-ħin propizju.
Rabat, Għawdex - Ċentru tas-Saħħa - Ħinijiet tal-ftuħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema xahar u sena hemm ippjanat li ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Għawdex, jinfetaħ għal iktar sigħat matul il-ġurnata kif ġie mħabbar fl-aħħar baġit?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif ġie mħabbar fil-baġit għal din is-sena, huwa ppjanat li l-ħinijiet tal-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat Għawdex jiġu estiżi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża biex isiru t-tiswijiet fuq il-konkos tal-Isptar Mater Dei, matul dawn l-aħħar għaxar snin u jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena? Jista' jgħid ukoll min għamel dawn ix-xogħlijiet, x'tip ta’ xogħlijiet saru u fejn saru?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mediċini ta’ rutina jingħataw permezz tal-iskema tal-POYC fiċ-ċentri tas-saħħa, u jekk hemmx xi diffikultajiet ta’ forniment?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li mediċini ta’ rutina, ċioe`għall-kura kronika, jingħataw mill-ispiżeriji privati li huma reġistarti mal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pazjenti b’mard kroniku (eż. dijabete, pressjoni għolja u obeżità) li jiġu segwiti b’mod regolari fil-Kura tas-Saħħa Primarja?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li permezz ta' Servizz Multidixxiplinarju, id-Dipartiment tal-Kura Primarja joffri bosta servizzi lil pazjenti li jbatu minn kundizzjonijiet kroniċi. Uħud minn dawn is-servizzi huma mmirati b’mod speċifiku (bħall-Klinika tad-Dijabete u l-Proġett Pilota dwar l-Obeżità), filwaqt li oħrajn huma aktar ġenerali (bħas-servizz tat-Tabib tal-Familja – kemm b’appuntament kif ukoll mingħajru – servizzi tal-infermiera, u servizzi ta' Allied Health). Dawn is-servizzi kollha huma aċċessibbli għall-pazjenti kollha li jbatu minn kull kundizzjoniji kronika mingħajr ebda preġudizzju.
Mill-bidu tal-2020, meta ġiet implimentata s-sistema tal-EPR, total ta’ 20,718-il pazjent individwali b’Diabetes Mellitus attendew il-Klinika tad-Dijabete fi ħdan id-Dipartiment tal-Kura Primarja. Barra minn hekk, 75 pazjent attendew il-Proġett Pilota dwar l-Obeżità li ġie mniedi fl-2024.