Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentri tas-saħħa u bereġ – Aċċess għal persuni li jużaw siġġu tar-roti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk iċ-ċentri tas-saħħa u bereġ li jinsabu fil-lokalitajiet humiex kollha aċċessibbli għal persuni li jużaw siġġu tar-roti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ċ-ċentri tas-saħħa u l-bereġ kollha huma aċċessibbli għal persuni li jużaw siġġu tar-roti.

Testijiet tal-kwalità tal-arja

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta u fejn saru testijiet tal-kwalità tal-arja fl-irħula f’dawn l-aħħar xahrejn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Saħħa mentali — nefqa fuq kampanja ta’ prevenzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’sar bħala promozzjoni għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u kwalità tas-saħħa mentali? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa item b’item?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala promozzjoni għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u kwalità tas-saħħa mentali, f’Ġunju ta’ din is-sena bdiet kampanja Nazzjonali. Il-professjonisti tas-Saħħa Mentali ngħataw korsijiet Assessing u Managing Suicide Risk fuq kif wieħed għandu jintervjeni meta persuna tkun fi kriżi minħabba problemi ta’ Saħħa Mentali. Dan it-taħriġ ġie mogħti minn tabiba akkreditata mill-Istitut Amerikan. Ingħataw korsijiet lil 47 tabib u 156 professjonist fil-qasam tas-Saħħa Mentali. Kif ukoll saret kampanja ta’reklamar fuq radios, TVs, billboards, posters/leaflets/Cards/ Children Colouring Book/ Magnets/banners u video production. Infakkar lill-Onor. Interpellant illi l-helpline 1579 huwa manned 24 siegħa kuljum minn professjonisti mħarrġa.

Mediċina Humira

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11427, minkejja li l-Hulio u oħrajn huma mediċini li huma biosimilar għall-Humira, peress li hawn pazjenti li l-Humira biss kienet taqbel magħhom filwaqt li l-Hulio kkawżatilhom problemi, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhuma r-raġunijiet għalfejn il-prodott Humira ma baqax jinġieb tal-inqas għal dawk il-pazjenti li għandhom ċertifikazzjoni mingħand il-konsulent li tgħid li l-Humira biss taqbel magħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-Avviż Legali 448 ta’ 2018 f’każ li konsulent mediku jħoss illi pazjent jista jibbenifika minn mediċina partikolari li ma tkunx fuq il-formolarju tal-Gvern, l-istess konsulent jista jagħmel sottomissjoni lill Exceptional Medicinal Treatment Committee, u jkun dan il-kumitat tekniku li jiddeċidi dwar il-każ.

Każijiet ta' mard sesswali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9790 u jgħid, sena b’sena mill-2012 sal-2023, kemm kien hemm każijiet ta’ dan il-mard trażmess sesswalment f’pajjiżna: a. Chlamydia; b. Gonorrhea; ċ. Syphilis; d. HPV; e. Hepatitis; f. HIV/Aids; g. Monkeypox; h. Public Lice; i. Scabies; u j. Genital Herpes?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnha tinsab fit-tabella t'hawn taħt. ID 2018 2019 2020 2021 2022 Chlamydia 344 320 238 361 300 Gonorrhoea 122 162 97 238 232 Syphilis 86 94 85 163 132 Hepatitis B 30 23 39 45 50 Hepatitis C 19 42 26 32 53 HIV 67 59 82 67 102 Monkeypox 0 0 0 0 33 Scabies 142 138 80 56 137

Sexual Health Policy

Question

Minħabba li l-aħħar (u l-unika) Sexual Health Policy għal Malta ġiet ippubblikata fl-2010, u minħabba li d-Deputat Prim Ministru fl-2022 (fil-mistoqsija parlamentari 24093) kien qal li bħalissa qiegħed isir xogħol fuq in-National Sexual Health Survey li se jifforma l-bażi tas-Sexual Health Strategy ġdida u aġġornata, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se tiġi ppubblikata s-Sexual Health Policy il-ġdida?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din ir-riċerka saret bejn Ottubru 2022 u Jannar 2023. Il-miżuri proposti bħalissa għaddejjin minn evalwazzjoni finanzjarja biex jiġi żgurat li l-miżuri proposti jkunu jistgħu jiġu implimentati b'mod sostenibbli.

Mediċina Eyelea għall-persuni li qed jitilfu d-dawl ta’ għajnejhom

Question

Minħabba li hemm diversi persuni li għandhom kundizzjoni f’għajnejhom u li qed jitilfu d-dawl t’għajnejhom u l-unika mediċina li taħdem fuq il-kundizzjoni t’għajnejhom hija l-Eyelea, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn mhux qed jipprovdi din il-mediċina allavolja hemm tobba u speċjalisti tal-għajnejn li qed jinsistu li l-Eyelea biss hija s-soluzzjoni għal dawn il-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għall-kundizzjoni tal-mascular digeneration apparti l-mediċina Bevscizumab żdiedet ukoll il-mediċina Ranibizumab fuq il-formularju tal-Gvern.

Nisa tqal bid-Dijabete Type 1 li ma ġewx offruti l-Constant Glucose Monitor waqt it-tqala

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn kien hemm nisa tqal u bid-Dijabete Type 1 li ma ġewx offruti l-Constant Glucose Monitor fit-tqala filwaqt li kien hemm oħrajn li ġew offruti dan is-servizz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-politika tad-dipartiment tas-Saħħa dwar il-Continuous Glucose Monitor hi illi persuni sa 35 sena u nisa tqal bid-dijabete ta’ tip 1, meta jkun hemm talba klinika, jingħataw monitor mingħajr ħlas.

Protokoll dwar l-użu ta’ sireni mill-ambulanzi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8397, u peress illi fl-iStandard Operating Procedure m’hemm ebda referenza għall-proċedura f’dawn iċ-ċirkostanzi, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk huwiex permess li s-sireni tal-ambulanzi jintużaw billejl?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif indikat fl-iStandard Operating Procedure, sezzjoni 7.1, kull darba li ambulanza tkun qed tirrispondi għal każijiet fejn il-pazjent ikun f'kundizzjoni ta' theddida għall-ħajja jew kundizzjoni instabbli is-sirena tal-ambulanza tista’ tintuża anke billejl skont il-bżonn.

POYC — Nuqqas tal-Medicina Penicillin (penopen 250 mg)

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta hu mistenni li l-pilloli tal-penicillin (Penopen 250 mg) ikunu disponibbli mill-POYC peress li dawn ma kinux disponibbli għal dawn l-aħħar erba’ xhur u x’kienet ir-raġuni li għaliha ma kinux disponibbli għal daqstant xhur? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni huma intitolati li jieħdu dawn il-pilloli partikulari f’Malta u Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-mediċina msemmija minnha hija disponibbli.

Laboratorju tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex – Baġit allokat

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11810, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma l-baġit li kien allokat għal-Laboratorju tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex għal din is-sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-budget tal-Gvern se jkun qed jiġi preżentat lill-Parlament fit-30 ta’ dan ix-xahar.

Constant Glucose Monitors

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9720, jista'd-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hawn persuni b'Type 1 Diabetes f'Malta u Għawdex? Kemm minn dawn il-persuni qed jużaw CGM għax għandhom età sa 23 sena jew għax huma ommijiet tqal dijabetiċi

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi minn Setttmbru ta’ din is-sena l-iskema tal-Continuous Glucose Monitors mingħajr ħlas ġiet estiża sa l-eta ta’ 35 sena.

Saħħa Mentali — Mediċini ġodda fuq il-fomularju tal-Gvern

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm daħlu mediċini ġodda li jintużaw fit-trattament tas-saħħa mentali fuq il-fomularju tal-Gvern fl-aħħar sena u liema huma?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar sena żdiedu 5 mediċini ġodda li jintużaw fit-trattament tas-saħħa mentali fuq il-Formolarju tal-Gvern. Dawn huma: Fluoxetine 20mg/5ml Oral Solution Olanzapine 405mg PR injections Olanzapine 210mg Prolonged Release Injection Olanzapine 300mg Prolonged Release Injection Aripiprazole 1mg/ml Oral Solution

Sptar Mater Dei — Psychiatric Unit

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux ser jinfetaħ is-Psychiatric Unit ġewwa l-Isptar Mater Dei u meta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9789.

Ċentri tas-Saħħa — Servizz ta’ tabib 24/7

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan biex iċ-ċentri tas-saħħa kollha jibda jkollhom servizz ta’ tabib 24/7?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-politika tal-Gvern hi illi joffri servizzi tas-saħħa kemm jista' jkun viċin tal-komunità. Il-ħinijiet ta’ servizz tat-tabib fiċ-ċentri tas-saħħa żdied fuq dak li kien preżenti sal-2013. Fil fatt il-ħinijiet tat-tabib żdiedu fl-2013, 2014 ,2018 u 2020. Ta’ min isemmi wkoll illi s-servizz ta’ telemedicine li mill-ġimgħa l-oħra beda jiġi offrut minn premises ġodda joffri servizz ta’ tabib 24 siegħa kuljum.

Ministeru għas-Saħħa — Remunerazzoni ta’ individwi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti lista tal-individwi fi ħdan il-Ministeru tiegħu, inkluż dawk f’awtoritajiet, entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, li għandhom pakkett finanzjarju ikbar mill-Ministru nnifsu? Jista’ jgħid ukoll min huma u kemm hu l-pakkett annwali, inkluż perkaċċi u bonuses?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12090.

Ministeru għas-Saħħa — Politika dwar is-saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Ministeru għas-Saħħa għandux politika għas-saħħa mentali biex is-saħħa mentali tiġi integrata fit-tfassil ta’ kull politika mill-istess Ministeru? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-pjan li titfassal u tiġi adottata din il-politika (mental health policy)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul il-Mental Health Strategy 2020 -2030 il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-kura tas-Saħħa Mentali kien ipparteċipa fit-tfassil ta’ dan id-dokument.

Paola Health Hub – Servizz ta’ kura ta’ saħħa mentali/psikoloġija/psikoterapija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux ser ikun hemm servizz ta’ kura ta’ saħħa mentali/psikoloġija/psikoterapija fil-Paola Health Hub?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa ippjanat li jiġu mneddija dawn is-servizzi miċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali Ċensu Moran: · Psikoloġija · Saħħa mentali perinatali u tat-trabi · Saħħa mentali tat-tfal u adoloxxenti · Psikjatrija tal-adulti

Klinika ta’ ‘Fibromyalgia’

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fejn tinsab il-klinika tal-Fibromyalgia, meta tkun miftuħa u kemm iżuruha pazjenti kull sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-klinika tal-Fibromyalgia tinsab ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana. Il-ħinijiet tal-ftuħ jalternaw bejn is-13:00 sal-17:00 u bejn is-14:00 sas-18:00. In-numru ta’ pazjent li qed ibbenifikaw minn dan is-servizz mill-2020, huwa skont it-tabella hawn taħt: YEAR Number of Patient Encounters 2020 20 2021 54 2022 82 2023 75

Ophthalmic Clinic – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi l-lista ta’ stennija għal appuntament new case u follow-up mal-Ophthalmic Clinic fil-kura pimarja?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija għal appuntament għal Primary Eye Screening Ophthalmic Clinic huwa ta' ġimgħa, filwaqt dak għall-Optometrija huwa ta' xahrejn.