Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ikel tal-Unjoni Ewropea — lista

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu n-nies li kwalifikaw għall-ikel tal-Unjoni Ewropea sena b'sena mill-2005 sal-lum? Jista' jagħti l-lista, lokalità b'lokalità?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Informazzjoni qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

relocation tal-irziezet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34651 u cioè: B'referenza għall-proġett tar-relocation ta' 17-il razzett, issa niżlu għal 12-il razzett, flimkien mal-impjant tat-trattament tad-demel ġos-south/Qrendi, liema proġett ilu mwiegħed mill-2007, sallum għad lanqas l-out line permit ma ħareġ, jista' l-Ministru jgħid: a) fejn/fliema stadju wasal; b) kemm intnefqu flus sa issa, u kif intnefqu; ċ) kemm hemm raħħala li konfermaw bil-miktub/intrabtu li jmorru l-Qrendi; d) kemm hu maħsub li jiġi jiswa dan l-impjant, full cost breakdown ; u e) kemm hu maħsub li jiġi jiswa kull razzett, full costs breakdown u min se jħallas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Buġibba — informazzjoni dwar il-water park

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol li qed isir fuq il-water park fil-front ta' Buġibba, San Pawl il-Baħar? Billi dan il-park għandu jagħti dehra ferm aħjar lil dawn l-inħawi, jista' l-Ministru jinforma sew lir-residenti tal-inħawi għaliex hemm min qed ixerred numru ta' gidbiet dwar dan il-water park kemm dwar min qed jagħmlu kif ukoll dwar kif se jkun jista' jintuża?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett jinsab fi stadju avvanzat u mistenni jinfetaħ f’ Ġunju ta’ din is-sena biex jitgawda mill-familji Maltin propju min dan is-sajf. Dan hu proġett ieħor tal-Gvern Ċentrali li permezz tiegħu qed inkomplu nagħtu spazji ta’ kwalita għall-familji tagħna.

Kumpanija li mhux qed tieħu l-fondi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33964, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li hija koperativa li l-ħaddiema qed jilmentaw li mhux jitħallsu u kull meta l-ħaddiema jgħidu lil ta' fuqhom, jgħidulhom li għadu ma ħax il-fondi mingħand il-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija msemmija mhijiex koperattiva. Fl-aħħar xhur kienu, u għadhom, għaddejjin diskussjonijiet bejn uffiċjali tal-Ministeru u uffiċjali ta’ din l-entita’. Dawn id-diskussjonijiet huma fuq issues ta’ konformita’ mar-rekwiżiti legali, u dan sabiex ikunu jistgħu jitħallsu fondi nazzjonali u mill-Unjoni Ewropea li jistgħu jgħinu lill-bdiewa. Irrid nenfasizza li dawn il-fondi m’humiex intiżi biex iservu ta’ ħlasijiet lill-ħaddiema.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — kawżi fuq awtoritajiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34468 u jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu imsemmi l-kawżi fil-konfront ta' Awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru kienu kif ġej: Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi: 2007: 2 2008: 1 2011: 2 WasteServ Malta Limited 2010:2 2011: 1 Fis-snin mhux imsemmija ma kien hemm ebda kawża registrata

Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — informazzjoni dwar konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwiegeb mistoqsija 33424 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2011 ? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti, ingħatax b’direct order jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Paying Agency

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies involuti fuq ix-xogħol tal-Paying Agency? Kemm hija l-ispiża biex titmexxa l-Paying Agency? Mnejn jiġu l-fondi biex jitħallsu dawn l-ispejjeż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li: i. Il-Paying Agency tħaddan fiha 70 impjegat. ii. L-ispiża annwali biex titmexxa l-Paying Agency tammonta għal madwar €1,500,000 li minnhom madwar €563,000 huma ko-finanzjati mill-assistenza teknika taħt il-Programm ta’ Żvilupp Rurali (2007-2013).

San Ġwann — Triq Saver Zarb - xogħol fit-triq

Question

Peress li għaddew xhur minn mindu saru studji fuq l-ilma li jinżel tul Triq Saver Zarb, San Ġwann u jkompli ġo Triq Birkirkara u peress li nafu li kien hemm rakkmandazjoni għal xi xogħlijiet, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi data meta dawn ix-xogħlijiet se jibdew, ġaladarba nafu li xitwa oħra tasal?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li r-rapport tal-imsemmi xogħol tlesta u bħalissa qed titħejja s-sejħa għall-offerti biex dan ix-xogħol ikun jista’ jinbeda aktar tard din is-sena.

Provvista ta' majjal lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-provvista tal-majjal lokali kinetx suffiċċjenti fix-xhur ta' April u Mejju u għad-domanda tas-suq lokali? Jista' jassigura li fix-xhur Ġunju, Lulju u Awwissu 2012 se jkollna l-ammont ta' majjal lokali li jlaħħaq mad-domanda mitluba mill-konsumatur Malti u Għawdxi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi għat-tweġibiet mogħtija għal Mistoqsijiet Parlamentari numri 32693 u 32692 mressqa minnu stess, infakkru li l-attività hija waħda kummerċjali.

Trobbija tal-bhejjem u t-tjur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju biex jiddentifika xi problemi qed iħabbtu wiċċhom magħhom ir-raħħala tagħna fit-trobbija tal-bhejjem u tjur? Dawn il-problemi huma ddentifikati u kwantifikati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li kull produttur għandu numru ta’ problemi partikolarment tiegħu u differenti minn ta’ oħrajn, nitolbu jikkjarifika għal liema problemi partikolari qiegħed jirreferi.

Domanda għal-laħam tat-tjur, majjal u ċanga

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex qed isir xi studju biex jara d-domanda għal-laħam tat-tjur, majjal u ċanġa kif sejra tkun għax-xhur u snin li ġejjin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li dawn is-setturi jaħdmu fuq bażi kummerċjali u l-projezzjonijiet tad-domanda u n-nuqqas ta’ ċertezza li joffri il-futur huma l-bażi tar-riskju li jieħu kull imprenditur.

containers vojta mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu containers vojta li huma mikrija mid-dipartiment tiegħu biex jintużaw minn dan l-istess dipartiment? Jista' jgħid għal liema raġuni qed jintużaw dawn il-containers u kemm qed jiġu jiswew kuljum lill-istess dipartiment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku għal liema containers u dipartiment qiegħed jirreferi.

studju fuq siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju fuq l-aħħar ħames snin biex jara kemm inżergħu siġar f'dan il-perjodu u kemm mietu siġar fl-istess żmien? Jista' jiddentifika x'kienet ir-raġuni li dawn is-siġar mietu? X'tip ta siġar inżergħu matul dan l-aħħar ħames snin fil-gżejjer tagħna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed lattenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-attività ta’ tnissel, żergħa, tħawwel, importazzjoni u esportazzjoni ta’ siġar mhix waħda kontrollata ħlief għall-ispeċi elenkati fi Skeda III tal-Avviz Legali Nru 200 tal-2011 u skond kontrolli definiti meħtieġa minn żmien għal żmien permezz ta’ Avviżi Legali taħt l-Att 433 (Att Dwar il-Kwarantina tal-Pjanti). Għaldaqstant ma jinżammux records ta’ kemm jitħawwlu siġar f’Malta u l-anqas ta’ kemm imutu. Madankollu nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28518 (orali) u Mistoqsija Parlamentari numru 273 (Miktuba) fejn urejt li direttamant bi tħawwil li għalih kien responsabbli dan il-Ministeru u indirettament permezz ta’ importazzjoni u bejgħ ta’ varjetajiet ta’ siġar tal-frott, fil-perjodu imsemmi tħawwlu madwar 180 elf siġra.

Imdina — restawr ta' ħitan ta' swar u tal-parpet wall fil-foss

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' restawr ta' ħitan ta' swar u tal-parpet wall fil-foss tal-Imdina li l-avviż tiegħu huwa Nru 97/2012 deher fil-gazzetta tal-gvern kienx iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol imsemmi huwa parti mill-proġett għar-rijabilitazzjoni tal-foss tal-Imdina u qiegħed jiġi kollu ffinanzjat minn fondi lokali.

Servizz ta' persuna li jinsab irtirat

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk il-Ministeru tiegħu huwiex juża s-servizz tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li llum huwa irtirat? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja tal-kuntratt tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-imsemmi individwu mhuwiex qiegħed jagħti servizz lill-dan il-Ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħt dan id-dikasteru.

każini tal-banda — stallazzjoni tal-pannelli fotovoltajci

Question

Peress li kienu bosta l-każini tal-banda li kienu wrew interess mal-Uffiċċju li qabel kien tal-Onor. Chris Said, li jistallaw il-pannelli fotovoltajci u sal-lum għadhom ma ngħataw ebda risposta, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għadux bil-ħsieb li jgħinhom jistallaw l-apparat? Jekk iva, meta se jsiru l-ewwel istallazzjonijiet? Kemm każini wrew interess?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onor.Interpellant jressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru konċernat.

Dairy Restructuring Aid-Animal Housing Scheme

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 32620, 23782 u 23783, jista' l-Ministru jgħid meta tqassmet din l-għajnuna, jekk tqassmitx kollha u jekk jafx li għad hemm numru ta' bdiewa li għadhom ma ħadu xejn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern, taħt il-programm Special Marketing Policy Programme for Maltese Agriculture għas-settur tal-ħalib, liema programm jinkludi fih ir-ristrutturar tal-irziezet, kien hemm ivvutati pakkett ta' €13.17 miljuni. Jien infurmat li din l-għajnuna tqassmet kollha. Barraminhekk, ħarġu għajnuniet oħra taħt il-programm tal-Iżvilupp Rurali għal-istrutturar tal-istess irziezet skont kif kont indikajt fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23783.

Emissjonijiet tad-diossidu karboniku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W272 datata 8 ta' Awwissu 2011 u cioè jgħid b'kemm naqsu l-emissjonijiet ta' diossidu karboniku min-naħa ta' pajjiżna mill-2008 għall-2010?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari kienet ingħatatlu nhar it-28 ta’ Novembru li għadda għall-mistoqsija identika mressqa minnu stess, numru 29658.

għajnuna lir-raħħala

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-għajnuniet lir-raħħala, fejn liema raħħala kienu mwiegħda, anke għandhom kuntratti ffirmati, għajnuna għas-soqfa li kellhom jagħmlu fl-irziezet, b'effett tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u Nitrates Directive, liema flus kellhom jiġu mill-fond tal-SMPPMA? Kemm kienu mwiegħda li sejrin jingħataw kull metru kwadru jekk jagħmlu saqfa tal-pjanċi jew jekk jagħmlu soqfa tal-konkos u kemm fil-fatt kien hemm raħħala li ħadu din l-għajnuna u kemm fadal raħħala li għad iridu jieħdu għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema skema speċifika qiegħed jirreferi għaliha taħt SMPPMA.

negozjati mar-raħħala

Question

Jista' l-Ministru jagħti pjan dettaljat kif se jkun trattat, settur settur, u x'se tkun l-ispiża kemm għal produttur, u kemm għal gvern, fir-rigward ta' tħaddim ta' impjanti rispettivi? Meta dan il-pjan se jidħol fis-seħħ u fiex waslu n-negozjati mar-raħħala kkonċernati s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika għal liema mpjanti qiegħed jirreferi għalihom f’din il-Mistoqsija Parlamentari.