Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta - Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ilment irċeviet Transport Malta matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 relatati ma’: (i) operat illegali; (ii) abbuż ta’ permessi; (iii) subletting ta’ liċenzji; u (iv) nuqqas ta’ konformità?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika l-mistoqsija u jipprovdi informazzjoni aktar preċiża dwar dak li qed jintalab, biex l-Awtorita’ tat-Trasport tkun f’pożizzjoni li tipprovdi tweġiba.

Taxis u Y-plates – Impact assessment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx impact assessment dwar iż-żieda fin-numru ta’ taxis u Y-plates fuq: (i) it-traffiku; (ii) il-konġestjoni; (iii) l-emissjonijiet; u (iv) il-kompetizzjoni fis-settur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-suq tal-Y plates, taxis, coaches etc. jiġi mmonitorjat b’mod konsistenti minn Transport Malta; fl-ewwel lok biex naraw li s-servizz li qed jingħata liċ-ċittadin ikun tal-ogħla kwalità. Fit-tieni lok, il-Gvern diġà ddikjara li dawn is-setturi huma kkunsidrati bħala mezz ta’ mobbiltà alternattiva u għalhekk għandhom l-importanza tagħhom fl-ekosistema tal-mobbiltà ta’ Malta. Inoltre, id-domanda għal dan is-servizz mill-pubbliku qiegħda dejjem tiżdied u dan ifisser li anke l-poplu qed jara lil dan is-settur bħala servizz. Dan kollu ttieħed inkunsiderazzjoni f’Malta in Motion u matul it-twettiq ta’ dan il-pjan ser jara kif dan is-settur ser jiġi mtejjeb biex isir parti mis-sistema integrata ta’ trasport għall-pubbliku ġewwa pajjiżna.

Taxis u Y-plates – Permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jew kumpaniji li għandhom aktar minn: (i) ħames permessi, (ii) għaxar permessi, jew (iii)  għoxrin permess, relatat ma’ taxis jew Y-plates?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liem permessi qed jirreferi f’din il-mistoqsija.

Taxis u Y-plates – Permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-permessi għat-taxis, Y-plates, chauffeur services, u ride-hailing platforms li nħarġu matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 ingħataw lil: (i) individwi Maltin; (ii) ċittadini barranin; (iii) kumpaniji reġistrati Malta; u (iv) kumpaniji barranin?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liem permessi qed jirreferi f’din il-mistoqsija.

Taxis u Y-plates – Permessi – Kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kriterji użati biex ġew approvati l-permessi ġodda għal-liċenzji tat-taxis tradizzjonali, tal-Y-plates, tax-chauffeur services, u tar-ride-hailing platforms? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn il-kriterji nbidlux matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kriterji għall-ħruġ ta’ liċenzji u permessi ġodda għas-servizzi msemmija huma stabbiliti f’qafas leġiżlattiv, jigifieri fil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.59 li titratta r-Regolamenti dwar Servizz tat-Taxis u l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.68 dwar ir-Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri Żgħar u Servizzi ta’ Kiri ta’ Vetturi. Ninfurmah ukoll li ma kien hemm l-ebda emenda f’dawn il-leġizlazzjonijiet fix-xhur msemmija.

Liċenzji ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tan-numru ta’ liċenzji ġodda maħruġa għal: (i) taxis tradizzjonali; (ii) Y-plates; (iii) chauffeur services; u (iv) ride-hailing platforms?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika l-perjodu li għalih qed jirreferi u jispeċifika t-tip ta’ liċenzja li qed jitlob l-informazzjoni dwarha.

Il-Belt Valletta – Ta’ Liesse – Terminal tal-passiġġieri – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 187, 552 u 972 u jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol fuq it-terminal tal-passiġġieri tal-fast ferry li hemm f’Ta’ Liesse fil-Belt Valletta, wara l-ħsarat li ġarrab fil-maltempata ta’ Jannar 2026? Jista’ jgħid ukoll: (i) liema xogħlijiet fadal isiru sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari; (ii) meta huwa ppjanat li jitlestew dawn ix-xogħlijiet; u (iii) kemm hu stmat b’kollox li ser jiġi jiswa dan ix-xogħol kollu wara l-ħsarat li ġarrab dan it-terminal?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, wara li t-terminal ġie devastat kawża tal-maltempata Harry f’Jannar li għadda, saru xogħlijiet estensivi fejn prattikament kellu kważi jinbena mill-ġdid it-terminal. Fil-fatt, l-unika parti li baqgħet intatta kienet l-istruttura tal-ġebel. Ix-xogħlijiet issa waslu fl-aħħar fażi tagħhom u huma ta’ natura aċċessorja, jiġifieri l-kunsinna u t-tqegħid tas-siġġijiet permanenti u l-installazzjoni tat- ticketing booth . Sadanittant, it-terminal huwa operattiv u qed joffri s-servizzi tiegħu b’mod normali. Ringrazzjament għandu jmur lil dawk kollha li ħadmu sabiex, fi ftit xhur, it-terminal seta’ jerġa’ jibda jopera kif suppost. L-ispiża tax-xogħlijiet ġiet stmata għal €183,501.03 (eskluża l-VAT), li tinkludi, fost oħrajn: xogħlijiet estensivi ta’ tiswija u restawr tal-faċċata esterna; sostituzzjoni u tiswija tal-madum mal-ħitan; installazzjoni ta’ sistema ġdida tad-dawl; xogħlijiet ta’ tikħil u żebgħa ġodda; tiswijiet estensivi fil-faċilitajiet sanitarji; tiswija u restawr tas-sistema tal-pompi tad-drenaġġ; tiswija u sostituzzjoni ta’ pajpijiet tal-ilma; tiswijiet tal-gradi esterni; installazzjoni tat- ticketing booth ; provvista u installazzjoni tas-siġġijiet fiż-żona tal-istennija; u xogħlijiet relatati mal-faċilitajiet għall-impjegati u faċilitajiet oħra meħtieġa għall-operat tat-terminal.

Ħal Qormi/Ħ’Attard - Trejqa Wied is-Sewda - Diżlivellar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 990 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u jara li jsir xi tip ta’ lqugħ tul it-triq pubblika bejn it-triq u l-wied fi Trejqa Wied is-Sewda, bejn Ħal Qormi u Ħ’Attard (ritratti annessi), minħabba periklu ta’ diżlivell għal min ikun għaddej f’dik iż-żona?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Trasport pubbliku b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni ta’ nazzjonalità Maltija u kemm hu n-numru ta’ persuni ta’ nazzjonalitajiet oħra li jużaw is-servizz tat-trasport pubbliku b’xejn?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-proċess ta’ reġistrazzjoni għat-Tallinja Card, li hija meħtieġa sabiex persuna tibbenefika mis-servizz tat-trasport pubbliku b’xejn, ma tinġabarx informazzjoni dwar in-nazzjonalità tal-applikant. Għaldaqstant, l-informazzjoni mitluba mhijiex disponibbli.

Servizzi tal-LPTS – Permessi ta’ żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 812 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ permessi ta’ żvilupp maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-faċilitajiet tal-iggaraxxjar għas-servizzi tal-Light Passenger Transport System (LPTS), li huwa rekwiżit għal-liċenzja tal-operatur indikati minn operaturi li għandhom minn 30 vettura ‘l fuq u jindika l-indirizz tal-faċilitajiet tal-iggaraxxjar ta’ kull operatur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Is-Swieqi u San Ġwann – Triq il-Pellikan – Qtugħ ta’ ħaxix u siġar

Question

Jista' l-Ministru jara li jinqatgħu l-ħaxix u s-siġar li hemm ħiereġ fi Triq il-Pellikan, bejn is-Swieqi u San Ġwann, li qed jostakola l-passaġġ u jkun ta' ħsara għal vetturi li jgħaddu minn din it-triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali – KPIs

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx stabbiliti indikaturi ta' prestazzjoni (KPIs) sabiex jitkejjel l-impatt tal-użu ta' sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu, u jekk iva, jelenkahom u jindika kif qed jitkejlu?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 704.

Taxis u Y-plates – Permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi ġodda għal taxis u Y-plates matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026, maqsuma xahar b’xahar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha tiġi mwieġba fil-kuntest tal-informazzjoni mitluba. Filfatt qed jiġi nnutat li t-talba mill-pubbliku għas-servizz tal-Y-plates qiegħed kull ma jmur jieħu rwol importanti fl-ekosistema tal-mobbilta’ f’pajjiżna. L-aħħar figuri juru li d-domanda għal dan is-servizz qed jikber b’rata ħafna iktar mgħaġġla miż-żieda fin-numru ta’ operaturi ġodda. Filfatt meta wieħed jagħmel paragun bejn Frar-Mejju 2025 u Frar-Mejju 2026, filwaqt li l-operaturi attivi żdiedu minn 2,049 għal 2,419, cioe żieda ta’ 15.2%, in-numru ta’ vjaġġi fl-istess perjodu f’din is-sena, u cioe minn Frar sa Mejju 2026 biss, żdied minn 3,008,367 għal 5,061,576 fl-istess perjodu is-sena l-oħra, u cioe żieda ta’ iktar minn 2 miljun vjaġġ, jew 68.2%. Dan ifisser li fuq medja, operatur li sas-sena l-oħra għamel 1,469 vjaġġ bejn Frar u Mejju tal-2025, din is-sena operatur wieħed kellu jagħmel 2,093 vjaġġ għall-istess perjodu. 624 vjaġġ jew 46.1%, iżjed bħala medja, għal kull operatur. L-ammont ta’ permessi ġodda ta’ operaturi li ħarġet Transport Malta fix-xhur indikati mill-Onorevoli Interpellant huwa 51 fi Frar 2026, 32 f’Marzu 2026, 50 f’April 2026 u 43 f’Mejju 2026. Total ta’ 176 operatur, li minnhom 112 huma operaturi Maltin, filwaqt li 64 huma operaturi ta’ nazzjonalita’ terza. Dawn in-numri juru b’mod ċar li l-politika tal-Gvern għall-użu ta’ mobbilta’ alternattiva minflok il-kastig, qed tibda tħalli frott hekk kif iktar residenti u turisti, qed juru trend lejn użu iktar frekwenti ta’ y-plates, trasport bil-baħar, u tal-linja. L-għażla tan-nies għall-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport, tnaqqas id-dipendenza fuq l-użu tal-vetturi privati, kif ukoll il-pressjoni fuq il-postijiet tal-parkeġġ. Dan il-Gvern kommess għal aktar xogħol u inċentiv fuq l-użu tal-mobbilta’ alternattiva u għalhekk Malta-in-Motion ser tara li dawn is-servizzi jiżdiedu u jitjiebu sabiex il-poplu jingħata aktar għażla fuq kif għandu jivvjaġġja minn post għall-ieħor.

Skrappjar ta’ vetturi elettriċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess jew proċessi f'pajjiżna biex wieħed jiddisponi/jiskrappja vettura elettrika? Jista’ jgħid ukoll xi ħlasijiet tinvolvi, liema awtoritajiet huma konċernati u jekk hemmx xi forma ta' riċiklar/esportazzjoni tal-partijiet li jikkomponuha?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Blue badge – Approvazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 503, jista’ l-Ministru jaqsam l-informazzjoni f’tabella numru 1 skont jekk dawn il-blue badges inħarġux għall-ewwel darba, sarilhomx tiġdid jew sar stampar mill-ġdid ta’ Blue Badges irrappurtati bħala mitlufa jew imkagħbra?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Il-vapur Nikolaus – Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-vapur Nikolaus daħal fid-Dockyard għall-manutenzjoni, kemm kienet l-ispiża ta’ kull manutenzjoni, u min ħallas għal din l-ispiża? Jista’ jagħti ukoll is-sena ta’ meta saret kull manutenzjoni?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.