Forzi Armati ta’ Malta - Uffiċjali u persuni ċivili
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ uffiċjali u persuni ċivili separatament fil-Forzi Armati ta’ Malta matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ uffiċjali u persuni ċivili separatament fil-Korp tal-Pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li n-numru ta’ uffiċjali u persuni ċivili fil-Korp tal-Pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin kien kif indikat fit-tabella t’hawn taħt.
Sena
Uffiċjali
Persuni Ċivili
2021
2154
160
2022
2121
169
2023
2125
219
2024
2151
268
2025
2255
309
Irrid ninnota wkoll li f’Diċembru mistennija jieħdu l-ġurament 37 Pulizija ieħor filwaqt li bħalissa għaddejjin bir-reklutaġġ tagħhom 51 rekluta ieħor li għall-ewwel darba parti mit-taħriġ tagħhom qegħdin jeħduh fl-Universita ta’ Malta.
Dawn in-numri huma xhieda ta’ kif saħħaħna l-Korp tal-Pulizija, li fl-2012 kellu 1,902 uffiċjal u 118 persuna Ċivili. Illum il-Korp tal-Pulizija mhux biss għandu l-aqwa kundizzjonijiet li qatt kellu u riżorsi imma jista’ jiffoka fuq il-Police Core Duties għaliex saħħaħ ir-riżorsa umana, u dan joħroġ iktar biċ-ċar meta wieħed iħares lejn ix-xogħol li qegħdin iwettqu l-persuni Ċivili fil-Korp li fost oħrajn jinkludu esperti forensiċi, Intelligence Officers, Border Control Officers, filwaqt li jwettqu xogħol operattiv u amministrattiv ieħor.
Għall-ewwel darba wkoll pajjiżna għandu l-Police Patrol and Community Support Officers għal servizz dejjem aktar viċin in-nies.
Forzi Armati ta’ Malta - Ħelikopters li qed jiġu sservisjati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħelikopters tal-Forzi Armati ta’ Malta li bħalissa qegħdin jiġu serviced u għand liema kumpanija qegħdin isiru dawn ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid kemm ilhom li daħlu għal dan is-service, u jipprovdi din l-informazzjoni separatament? Jista’ jgħid ukoll kemm se jiġi jiswa kull service individwalment?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li żewġ ħelikopters tal-għamla AW139 għaddejjin minn inspezzjoni intensiva skedata. Infurmat li wara kull xogħol
‘work package’
ta’ manutenzjoni irid ikun hemm verifikazjoni regolatorja fejn jiġi assigurat li x-xogħol sar sew u b’mod korrett, biex b’hekk jiġi minimizzat ir-riskju ta’ inċidenti u ħsarat matul it-titjiriet sussegwenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija kienet konformi mal-kwota tal-impjieg ta’ 2% fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità preżentement? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kumpanija ma kinitx konformi mal-kwota tal-impjieg ta’ 2% fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità preżentement?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija kienet konformi mal-kwota tal-impjieg ta’ 2% fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità sal-aħħar ta’ Diċembru 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kumpanija ma kinitx konformi mal-kwota tal-impjieg ta’ 2% fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità sal-aħħar ta’ Diċembru 2024?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li għas-sena bażi 2024, fl-aħħar ta’ Diċembru, kien hemm 877 -il kumpanija li kienet konformi mal-kwota tal-impjieg, filwaqt li kien hemm 806 -il kumpanija li ma kienux konformi mal-kwota tal-impjieg
fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità. Eventwalment kienu ttieħdu l-passi meħtieġa fil-konfront tagħhom.
Sal-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena dawk mhux konformi niżlu għal 170.
Il-Gvern hu determinat li kulħadd ikun konformi u minbarra li jittieħdu l-azzjonijiet legali minn naħa ta’ Jobs+, fil-Labour Migration Policy ddaħlu miżuri li jikkastigaw lil min ma jkunx konformi ma’ din il-liġi li jien tant nemmen fiha biex kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet.
Persuni b’diżabilità fuq ir-reġistru tal-qgħad jew li qegħdin jaħdmu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità fuq ir-reġistru tal-qgħad preżentement u kemm hemm persuni b’diżabilità li preżentement għandhom impjieg? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom jistennew l-opportunità ta’ xogħol dawk li għadhom ma sabux xogħol?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 31656 li hija kelma b'kelma ta' mistoqsija parlamentari li poġġiet hi stess ftit jiem ilu biss.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - faċilitajiet ta’ rekreazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ faċilitajiet ta’ rekreazzjoni hemm għar-residenti ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm diversi faċilitajiet ta’ rikreazzjoni għar-residenti fosthom:
• 14-il bitħa ta’ diversi daqsijiet b’total ta’ 'l fuq minn 5,438 metru kwadru u li jkunu miftuħa għal diversi sigħat matul il-ġurnata
• 6 gyms attrezzati b’apparat għat-taħriġ
• 2 outdoor gyms
• 1 football ground 5 a-side bit-turf sintetiku b’daqs ta’ 950 metru kwadru
• 1 football ground bit-turf sintetiku b’daqs ta’ 620 metru kwadru
• Billiards
• Table soccer
• 10 imwejjed tat-table tennis
• Diversi board games fid-diviżjonijiet kollha
• Diversi settijiet ta’ televiżjoni mqassma f’diversi postijiet (imħallsa mill-Aġenzija)
• Aċċess għal TV fiċ-ċella b’diversi stazzjonijiet inkluż sport, minn fornitur privat (spejjeż jitħallsu mir-resident)
• Aċċess għal pussess u użu lil kull resident li video game fiċ-ċella tiegħu (spejjeż jitħallsu mir-resident)
• Aċċess għal-radju
Għal assistenza neċessarja flimkien mal-immaniġjar ta’ dawn il faċilitajiet insibu 2 full time sports coordinators u 2 gym attendants
Inżid ukoll li bħalissa l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qed tħejji sabiex tiżviluppa żona ġdida li ser tkun iddedikata għal multi-purpose pitch fejn fost l-oħrajn dan se jakkomoda l-prattika ta’ diversi sports fosthom tennis, basketball u volleyball.
Traspożizzjoni tad-Direttivi tal-UE 2022/2555 u 2022/2557 - Konsultazzjonijiet pubbliċi
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31341 dwar it-traspożizzjoni tad-Direttivi tal-Unjoni Ewropea bin-numri 2022/2555 u 2022/2557, jista’ l-Ministru jgħid:
i. meta ġie fis-seħħ l-A.L. 71 tal-2025; u
ii. jekk id-Direttiva Numru (UE) 2022/2557 ġietx implimentata u jekk iva, meta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-abbozz ta’ l-avviż legali li se jittrasponi d-Direttiva tal-UE 2022/2557 ġie finalizzat u bħalissa qed jiġi eżaminat mill-Uffiċju ta’ l-Avukat ta’ l-Istat. L-approvazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-avviż legali se jipproċedu immedjatament wara.
Infurmati Għalkemm, it-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE 2022/2557 mhux finalizzat, id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika beda jaħdem, flimkien ma’ regolaturi settorjali u entitajiet governattivi oħra, fuq l-implimentazzjoni effettiva ta’ l-istess Direttiva.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21885 dwar meta ser terġa’ tinfetaħ l-għassa tal-pulizija ġewwa l-Imsida, fejn ġie mwieġeb li “qed jiġi offrut servizz bi sħab mal-Kunsill Lokali tal-Msida mill-istess bini tal-Kunsill sabiex jassisti lill-pubbliku.”, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz tal-pulizija hux qed jingħata mill-binja tal-Kunsill Lokali u jagħti iktar dettalji?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li minn meta kienet imwieġba dik id-domanda tlesta x-xogħol fuq l-għassa tal-Gżira (li mhix bogħod mill-Imsida) u għalhekk fetħet u beda jingħata s-servizz minn hemm.
Infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellant ukoll li l-Imsida hija kopertà wkoll mill-Pulizija tal-Komunità.
Intant, ix-xogħol fuq l-għassa tal-Imsida għaddej biex din tiftaħ bħala post isbaħ u li minnu jingħata servizz aqwa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu t-total ta’ persuni b’diżabilità li qegħdin imniżżla li jistgħu jaħdmu skont l-informazzjoni li għandha JobsPlus? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni qegħdin jaħdmu preżentement?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għal Mistoqsija Parlamentari numru 31656.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew l-uniformijiet il-ġodda u l-apparat il-ġdid tal-LESA?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li, waterproof jacket tiswa €205, vest tiswa €35, softshell jacket tiswa €95, long sleeve shirt tiswa €35, short sleeve shirt tiswa €29.50, trousers jiswa €40, beach patrol shorts jiswa €35, cap tiswa €15.75 u safety sneakers jiswa €75. Ukoll infurmat dwar Body Worn Cameras il-kuntratt ta’ erba’ snin b’valur stmat ta’ €263,200.00 eskluża l-VAT.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31077 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku (traffic collisions) mill-2020 sa Ġunju tal-2025, maqsuma sena b’sena?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’ inċidenti tat-traffiku (traffic collisions) rreġistrati mal-Pulizija u mill-Aġenzija LESA mis-sena 2020 sa Ġunju tas-sena 2025, maqsuma sena b’sena, kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Il-figuri disponibbli mill-LESA jibdew mill-15 ta’ April 2020.
Sena
Total Pulizija
Total LESA
2020
2,833
6,346 (as from 15/04/20)
2021
3,055
11,085
2022
3,344
12,368
2023
2,911
13,499
2024
2,805
13,800
2025
983
6,511
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istatut tal-Fondazzjoni Lino Spiteri jitlobx li jkun hemm persuni b’diżabilità fost il-membri li jiffurmaw il-Bord ta’ din l-istess Fondazzjoni? Jekk iva, jista’ l-Ministru jikkwota x’jitlob l-istess statut? Jekk le, jista’ l-Ministru jikkonsidra li jkun hemm emenda fl-istatut sabiex persuni b’diżabilità jiffurmaw parti mill-bord tal-Fondazzjoni Lino Spiteri?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22024.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Pulizija li nstabu ħatja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm pulizija li nstabu ħatja mill-qrati li wettqu reat u ġew sentenzjati u qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2020 u -il 15 ta’ Ottubru 2025 ma kienx hemm Pulizija li nstabu ħatja b’sentenza definittiva mill-qrati li wettqu reat u ġew sentenzjati u li qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31328, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li qegħdin jistennew il-ġuri tagħhom jiġi appuntat?
Response (CAMILLERI, BYRON)
L-Onorevoli interpellant jifhem li d-deċiżjoni dwar ġuri ma teħodiex l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Aġenzija m'għandiex din l-informazzjoni.