Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju tad-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur – każijiet dwar allegat prattiċi mhux ġusti fil-bejgħ ta’ vetturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il każ ġie investigat da parti tal-uffiċċju tad-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar allegat prattiċi kummerċjali mhux ġusti fil-bejgħ ta’ vetturi ġodda mill-2017 s’issa, maqsuma sena b’sena? F’kull istanza, x’kien l-eżitu? Tista’ tgħid kemm-il każ ġie investigat da parti tal-Uffiċċju tad-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar allegat prattiċi kummerċjali mhux ġusti fil-bejgħ ta’ vetturi second hand mill-2017 s’issa, maqsuma sena b’sena? F’kull istanza, x’kien l-eżitu? Tista’ tgħid ukoll kemm-il talba għall-kumpens saret da parti tal-konsumaturi quddiem it-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur għaliex ġie allegat li vettura mixtrija kienet b’xi mod difettuża, mill-2017 s’issa, maqsuma sena b’sena? F’kull każ, tista’ tgħid x’kien l-eżitu?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2017 sal-lum ma sarux investigazzjonijiet da parti tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar allegat prattiċi kummerċjali mhux ġusti kemm fil-bejgħ ta’ vetturi ġodda, kif ukoll fir-rigward ta’ bejgħ ta’ vetturi second hand. Minkejja dan bħalissa qed tinġabar u qed tigi analizzata informazzjoni fuq xi każijiet li jista’ jwassal biex tinfetaħ investigazzjoni formali. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija dwar kemm-il talba għal kumpens saret da parti tal-konsumaturi quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur għaliex ġie allegat li vettura mixtrija kienet b’xi mod difettuża, qed nippreżenta din l-informazzjoni t’hawn taħt: Fir-rigward ta’ vetturi second hand Deċiżjonijiet: · tnejn (2) fl-2018 fejn iż-żewġ deċiżjonijiet inqatgħu favur il-konsumatur, · tnejn (2) fl-2020 fejn waħda nqagħtet favur il-konsumatur, filwaqt li oħra nqagħtet favur il-kummerċjant, u · waħda (1) fl-2022 fejn inqatgħet favur il-konsumatur Każijiet li għadhom pendenti quddiem it-Tribunal: · tlieta (3) mill-2019 – wieħed mill-każijiet huwa pendenti proċeduri quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili u wieħed mill-każijiet huwa differit sine die · tnejn (2) mill-2020 – wieħed mill-każijiet huwa differit sine die · wieħed (1) mill-2021 Fir-rigward ta’ vetturi ġodda Deċiżjonijiet: · tnejn (2) fl-2019 deċiżjoni waħda nqatgħet favur il-konsumatur u oħra favur il-kummerċjant · tnejn (2) fl-2020 deċiżjoni waħda nqatgħet favur il-konsumatur u oħra favur il-kummerċjant · waħda (1) fl-2022 fejn inqatgħet favur il-konsumatur. Każijiet li għadhom pendenti quddiem it-Tribunal: · wieħed (1) mill-2017 – li huwa differit sine die · wieħed (1) mill-2019 · ħamsa (5) mill-2020 · wieħed (1) mill-2021

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – segretarjat privat – kwalifiki akkademiċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom il-persuni li jiffurmaw is-segretarjat privat tagħha, mill-Head of Secretariat ’l isfel, skont l-official designation li għandhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li jiffurmaw is-Segretarjat privat tiegħi huma ingaġġati skont il-Manwal, li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttiva (UE) 2019/882

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’ħidma saret s’issa rigward it-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/882 tas-17 ta’ April, 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibilità għall-prodotti u s-servizzi? Tista’ tgħid jekk saritx xi forma ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/882 u jekk saret, ma’ min u x’kien l-eżitu?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi saru konsultazzjonijiet interministerjali u interdipartimentali f’dan ir-rigward, sabiex inqabel test ta’ Avviż Legali li ġie mgħoddi taħt l-Att dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Dizabilità (Kap. 627). Din id-Direttiva ma tantx tagħti flessibilità dwar kif għandhom jiġu trasposti d-dispożizzjonijiet tagħha, però fir-rigward tat-termini ta’ skadenza għall-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ prodotti u servizzi differenti, il-Gvern għażel li juża l-iskadenzi massimi illi tagħti lok għalihom id-Direttiva – hekk, qeghdin naraw illi l-imprenditur ikollu żmien ampju sabiex jadatta, filwaqt illi fl-istess ħin, permezz tat-traspożizzjoni, ikunu garantiti d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Fir-rigward tal-aspett regolatorju illi joħroġ mid-Direttiva, is-CRPD ingħatat ir-rwol tal-awtorità rilevanti tas-sorveljanza tas-suq, u permezz ta’ Memorandum ta’ Qbil li ġie ffirmat bejnha u bejn l-MCCAA, ser ikun hemm l-appoġġ meħtieġ biex jiġu implimentati elementi tad-Direttiva bħalma huma s-CE Marking, u l-irtirar ta’ prodotti mis-suq fejn ikun hemm bżonn. Qed jiġi wkoll innegozjat Memorandum simili ma’ entitajiet oħra illi għandhom għarfien speċjalizzat dwar oqsma tematiċi koperti mid-Direttiva. Aktar minn hekk, diġà nbeda xogħol illi ser jinvolvi numru ta’ stakeholders, sabiex ikun hemm għarfien, gwida u koperazzjoni, fil-proċess illi għandu jwassal għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-partijiet involuti. Filwaqt illi d-Direttiva ser tibda tapplika għall-ewwel grupp ta’ prodotti u servizzi koperti mid-Direttiva sa mit-28 ta’ Ġunju 2025, is-CRPD qiegħda taħdem flimkien mal-Ministeru responsabbli għall-ekonomija, biex ikun hemm diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali, bħall-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-SMEs, biex inkunu nistgħu mbagħad norganizzaw inizjattivi, noħorġu linji gwida u nagħtu sostenn, sabiex kulħadd ikun involut u mwieżen f’dan il-proċess. Bl-istess mod, sejrin naraw illi jkun hemm gharfien u gwida għall-persuni b’diżabilità, il-familjari tagħhom, u l-għaqdiet illi jirrappreżentawhom, tul dan il-proċess. Malta sadanittant kienet u għadha tipparteċipa fuq il-Grupp Ad Hoc tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva, permezz ta’ rappreżentanti mid-Direttorat dwar l-Affarijiet tad-Diżabilità (DDI) fi ħdan l-MIVC, kif ukoll mis-CRPD.

MCCAA – Diretturi Ġenerali u Diretturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid attwalment kemm hemm appuntati Diretturi Ġenerali u Diretturi fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u f’kull każ meta tintemm il-ħatra ta’ kull wieħed minnhom? Tista’ tgħid jekk hemmx xi karigi ta’ Direttur Ġenerali u/jew diretturi fi ħdan l-MCCAA li huma vakanti? Jekk hemm, liema huma dawn il-karigi u għal kemm żmien ilhom vakanti?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed tiġi mehmuża l-lista tad-diretturi ġenerali u diretturi, skont il-liġi li tirregola lill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, bid-dati ta' skadenza tal-kuntratt tagħhom rispettivament. Waqt li fil-każ tal-unika pożizzjoni vakata jinsab għaddej proċess biex din timtela, id-dmirijiet relatati qed jiġu osservati mill-Kap Eżekuttiv tal-istess Awtorità. Nomenklatura Kuntratt Eżistenti li jiskadi Vakanti mill- Direttur Ġenerali (SMI) 14-Settembru-23 - Direttur Ġenerali (OCA) 14-Settembru-23 - Direttur Ġenerali (OC) 14-Settembru-23 - Direttur Ġenerali (TRD) - 12-Jan-21 Direttur (Sorveljanza tas-Suq) 10-Jan-24 - Direttur (Affarijiet Regolatorji) 10-Jan-24 - Direttur (Komunikazzjonijiet, Enerġija, Trasport u Servizzi Finanzjarji) 16-Ottubru-25 - Direttur (Manifattura Primarja u Swieq tal-Bejgħ bl-Imnut) 09-Ottubru-25 - Direttur (Investigazzjonijiet tal-Ispettorat u l-Kartelli) 30-Nov-23 - Direttur (Ilmenti u Konċiljazzjoni) 31-Awissu-25 - Direttur (Infurzar) 17-Jan-24 - Direttur (Informazzjoni, Edukazzjoni u Riċerka) 17-Jan-24 - Direttur (Standardizzazzjoni) 14-Frar-24 - Direttur (Metroloġija) 30-Ġunju-25 - Direttur (Servizzi tal-Laboratorju) 30-Ġunju-25 -

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – regolamenti u protokolli għal kunflitti ta’ interess

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-regolamenti u l-protokolli li l-Ministeru japplika sabiex persuni li jaħdmu direttament fil-Ministeru jiddikjaraw kunflitti ta’ interess li jista’ jkollhom dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-istess Ministeru?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Manwal, li diġà tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — infiq ta' flus f'reklamar

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 1897 u tgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru mill-2017 sal-lum lil One TV Productions u/jew lill-Partit Laburista u/jew lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jew persuna oħra f'reklamar u/jew bħala ħlas għal stedin u parteċipazzjoni tal-Ministru odjern jew predeċessur tagħha jew uffiċjal tal-Ministeru fil-programmi Espresso u Kalamita fuq One TV?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ta’ spiss jagħmlu materjal informattiv fuq il-midja kemm bħala reklamar, kif ukoll bħala slots informattivi. Dan bil-għan li l-pubbliku jkun mgħarraf bl-attivitajiet / inizjattivi li jittieħdu. B’referenza għal dak li qed jistaqsi dwaru l-Onor. Interpellant, it-tagħrif għall-perjodu, mindu twaqqaf dan il-Ministeru f’Novembru 2020, hu kif ġej: Inflation Media Productions (Kalamita): €5,781.99 ONE Productions (Espresso): €6,230.40

Marsaskala – Proġett tal-Vajrita

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ilu wieqaf is-servizz li kien mogħti fil-Vajrita, f’Marsaskala, u meta se jerġa’ jinbena mill-ġdid dan il-proġett biex ilaħħaq mad-domanda ta’ persuni b’diżabilità intellettwali li qegħdin fil-lista ta’ stennija?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport waqfet tagħti servizz mill-binja ta’ Vajrita f’Marsaskala 4 snin ilu. Il-persuni b’diżabilità li kienu jagħmlu użu minn dan is-servizz bdew jingħataw servizz residenzjali u/jew matul il-jum minn binjiet oħra u għalhekk ma kienx hemm waqfa fl-għoti tas-servizzi lil dawn il-persuni. Sadanittant tkompla l-proċess ta’ żvilupp ta’ dan is-sit. Il-fażi ta’ twaqqigħ tlestiet. L-approvazzjoni tal-permess tal-bini hija skedata għall-4 ta’ Ottubru 2022. L-abbozzar tat-Tender għal xogħlijiet strutturali jibda wara l-approvazzjoni uffiċjali tal-permess u l-periti inkarigati mill-proġett jistmaw li jitlesta fi żmien 3 snin.

Applikazzjonijiet u appelli pendenti għall-Blue Sticker

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-Blue Sticker u kemm hemm appelli pendenti għall-każijiet fejn il-Blue Sticker ma ġietx approvata? Kemm hi l-medja ta’ żmien ta’ stennija sabiex jinħareġ permess għall-Blue Sticker minn mindu ssir l-applikazzjoni? Kemm hi l-medja ta’ żmien ta’ stennija sabiex tingħata d-deċiżjoni għall-appelli minn mindu wieħed jinforma li qed jappella d-deċiżjoni?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-ewwel ġimgħa ta' Ġunju 2022 kien hemm 197 talba għall-Blue Badge. Fl-istess perjodu kien hemm 81 applikazzjoni quddiem il-Bord tal-Appell. Il-medja taż-żmien ta’ stennija minn meta wieħed japplika għall-blue badge sakemm jirċievi deċiżjoni hi ta' madwar 8 ġimgħat. Il-bord tal-appell hu differenti mill-bord li jawtorizza l-ħruġ tal-blue badges.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — persuni li jaħdmu bir-remote working

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

L-Onor. Interpellant għandu jkun jaf li hemm differenza bejn remote working u teleworking. Minkejja dan, ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm 133 ħaddiem fuq telework u 1 fuq remote working fil-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti taħtu.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – Segretarju Permanenti – pakkett finanzjarju u kwalifiki akkademiċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’pakkett finanzjarju għandu s-Segretarju Permanenti tagħha? Il-pakkett finanzjarju jinkludi allowances u perkaċċi oħra? Tista’ tgħid ukoll xi kwalifiki akkademiċi għandu s-Segretarju Permanenti?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni hi diġà pubblika. Din tinstab fl-Estimi Finanzjarji tal-2022, li tpoġġew diġà fuq il-Mejda tal-Kamra fl-aħħar leġiżlatura, u fuq is-sit uffiċjali tas-Servizz Pubbliku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-bijografija tas-Segretarju Permamenti fi ħdan il-Ministeru.

Stallazzjoni ta' liftijiet tal-pjattaforma għas-siġġijiet tar-roti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew istallati lifts tal-pjattaforma għas-siġġijiet tar-roti fil-perjodu bejn l-2013 u l-2020? Tista’ tgħid jekk hux kollha kienu ċċertifikati CE? Kien hemm xi differenzi fir-regolamenti tas-CRPD biex tinħoloq kompetizzjoni inġusta? Jekk iva, dawn inġiebu għall-attenzjoni tal-Awditur Ġenerali?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li lifts tal-pjattaforma għas-siġġijiet tar-roti huma rregolati mid-Direttiva 2006/42/KE u għaldaqstant mhux meħtieġ li jkunu rreġistrati mal-MCCAA qabel ma t-tagħmir ikun qed jiġi installat. Min ipoġġi dawn il-lifts tal-pjattaforma fis-suq għandu l-obbligu legali li jara li għandhom is-‘CE marking’. L-istandard Malti SM3800 Accessibility for All in the Built Environment, illi huma inkorporati fir-Regolamenti dwar l-Istandards għall-Aċċessibilità għall-Kulħadd f’Ambjent Mibni L.S. 413.03, jagħmel referenza diretta għan-Norma Ewropea MSA EN81-40 (Safety rules for the construction and installation of lifts - Special lifts for the transport of persons and goods - Part 40: Stairlifts and inclined lifting platforms intended for persons with impaired mobility) u n-Norma Ewropea MSA EN 81-41 (Safety rules for the construction and installation of lifts - Special lifts for the transport of persons and goods - Part 41: Vertical lifting platforms intended for use by persons with impaired mobility). L-istandard Malti SM3800 Accessibility for All in the Built Environment kien tfassal minn grupp tekiniku taħt il-kappa tal-MCCAA, li hi l-entità responsabbli mill-istandards. L-abbozz tad-dokument kien ukoll miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika nhar il-5 ta’ Diċembru 2014, liema konsultazzjoni ġiet reklamata f’avviż li deher fil-ħarġa numru 13,673 tal-Gazzetta tal-Gvern (li qed inpoġġi kopja tal-avviż fuq il-Mejda tal-Kamra). Infurmata li f’dak l-istadju, l-grupp tekniku ma rċieva l-ebda lment li dawn l-istandards kienu sa jwasslu għall-kompetizzjoni inġusta. L-għan ta’ dawn l-istandards ma kinux li jiddaħħlu l-inġustizzji, iżda li l-inġustizzji jiġu eliminati, għax kull darba li persuna tiġi mċaħħda milli taċċessa binja, tkun qed issoffri inġustizzja u tiġi ddiskriminata minħabba fid-diżabilità tagħha, hekk kif insibu fl-Att dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Kapitlu 627 tal-Liġijiet ta’ Malta, li l-abbozz tiegħu kelli l-pjaċir inressaq quddiem din il-Kamra fil-Leġiżlatura li għaddiet.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – infiq ta’ flus f’reklamar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru mill-2017 sal-lum lil One TV Productions u/jew lill-Partit Laburista u/jew lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jew persuna oħra f'reklamar u/jew bħala ħlas għal stedin u parteċipazzjoni tal-Ministru odjern jew predeċessur tagħha jew uffiċjal tal-Ministeru fil-programmi Espresso u Kalamita fuq One TV?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra

MCCAA – skemi ta’ self regulation fis-settur privat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk attwalment hemmx xi skemi ta’ self-regulation da parti tas-settur privat li ġew approvati mill-MCCAA jew minn xi entità fi ħdanha? Jekk hemm tista’ tgħid f’liema settur u kemm ilhom operattivi?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx informazzjoni rigward skemi ta’ self-regulation da parti tas-settur privat li ġew approvati mill-MCCAA jew minn xi entità fi ħdanha biex tiġi ppreżentata.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – direct orders

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm direct orders ingħataw u l-ammont totali tal-valur tagħhom, matul din is-sena (sal-ġurnata li qed tingħata din it-tweġiba), xahar b'xahar, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – uffiċjali li ħadu sehem fi programm televiżiv

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm sar ħlas, u d-data, mill-Ministeru u lil min, inkluż One TV u One Productions, mill-2017 sal-lum biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — CEOs

Question

Tista' l-Ministru tagħti n-numru ta' CEOs li huma impjegati mill-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru rispettivi tal-Ministeru tagħha u fejn huma impjegati? Tista' tagħti s-salarju li kull CEO rispettiv jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Qed tiġi preżentata lista ta’ CEOs taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Inkluzjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur. Entità Salarju Benefiċċji Performance Bonus Malta Council for the Voluntary Sector Imqabbla ma’ Skala 3 tal-pagi tas-Servizz Pubbliku Expense allowance: €2,096 p.a. Car allowance: €4,658 p.a. Communication allowance: €1,600 p.a. Sa 15% tal-basic salary kull sena Aġenzija Sapport Imqabbla ma’ Skala 2 tal-pagi tas-Servizz Pubbliku Expense allowance: €6,000 p.a. Car allowance: €4,658 p.a. Communication allowance: €1,600 p.a. Disturbance allowance: Sa 5% tal-basic salary p.a. Management corrector: €8,000 p.a. Cash allowance: €271 p.a. Health Insurance sa massimu ta’ €466 p.a. Sa 15% tal-basic salary kull sena

Skemi ta’ għajnuna lill-għaqdiet volontarji

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema skemi maħruġa mill-Ministeru tagħha huma miftuħa sabiex jgħinu lill-għaqdiet volontarj? Meta nfetħu u meta jagħlqu? Tista’ tagħti tagħrif dwar xi skemi hemm il-ħsieb li jinħarġu mill-Ministeru matul is-sena li ġejja sabiex jgħinu lill-għaqdiet volontarji? Tista’ tagħti tagħrif dwar kif qegħdin jiġu infurmati l-għaqdiet volontarji dwar id-diversi skemi li jinħarġu mill-Ministeru?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskemi maħruġa huma dawn: Entità Isem tal-fond Data tal-ftuħ Data tal-għeluq Marketing Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur FREEDOM TO LIVE – COMMUNITY GRANTS SCHEME 2021 01/10/2021 01/11/2021 Il-fondi kollha huma aċċessibbli fuq il-Portal tal-Fondi tal-MCVS VO (www.vofunding.org.mt), notifikati permezz tal-app Mobile VO Funding Malta, posta tal-massa mxerrda fost is-settur u l-paġna tal-FB tal-MCVS. Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Youth Volunteer Scheme 10/01/2022 30/12/2022 Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat NGO Co-Financing 11/01/2022 11/02/2022 Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Training Initiative Scheme 14/02/2022 25/03/2022 Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur QUALITY OF LIFE – SMALL GRANTS SCHEME 2022 16/02/2022 07/03/2022 Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Small Initiatives Support Scheme 27/05/2022 08/07/2022 Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Skema - Soċjetajiet Mużikali Aktar Inklussivi 14/06/2022 29/07/2022 Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Civil Society Fund Jul-22 Sep-22 Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Voluntary Organisation Project Scheme Oct-22 Nov-22

Direttiva 2009/22/KE

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1360, tista’ l-Ministru telenka l-liġi jew liġijiet nazzjonali rigward kull waħda minn dawn l-entitajiet imsemmija fit-tweġiba tagħha, fejn allura l-entità konċernata tista’ tieħu passi a tenur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva kif rifless fil-Liġi Maltija fil-konfront ta’ dik l-entità?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur il-liġijiet huma s-segwenti: 1. L-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378); 2. Ir-Regolamenti dwar Kreditu lill-Konsumatur (L.S. 378.12); 3. Ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (L.S. 378.17); 4. Ir-Regolamenti dwar Kuntratti għal Kontenut Diġitali u Servizzi Diġitali (L.S. 378.20). Apparti l-imsemmija ligijiet, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur hija wkoll responsabbli għall-protezzjoni tal-konsumatur għad-drittjiet tar-riċevituri u riċevituri potenzjali ta’ servizz sabiex ma jkunux soġġetti għall-ħtiġiet diskriminatorji msemmija fl-artikolu 9(a) tal-Att dwar Servizzi li jingħataw fis-Suq Intern li jittrasponi id-Direttiva dwar is-Suq Intern. Rigward l-entitajiet l-oħra din l-informazzjoni qed tiġi vverifikati mal-entitajiet konċernati u tingħata risposta fil-jiem li ġejjin.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur — ilmenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm irċieva lmenti l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur mill-2017 sal-2021? Kemm minn dawn l-ilmenti ġew solvuti? Sena b’sena, kemm minnhom ġew solvuti b’kumpens monetarju, kemm minnhom ingħata prodott ġdid lill-konsumatur u kemm minnhom ġew solvuti permezz ta’ tiswija tal-prodott?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ lmenti reġistrati mal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u li minnhom ġew solvuti b’mod amikevoli sena b’sena mill-2017 sal-lum, huwa skont it-tabella t’hawn taħt: Sena Total Solvuti 2017 936 457 2018 824 358 2019 963 348 2020 1270 499 2021 1100 414 2022 (sal-aħħar ta’ Mejju) 398 135 TOTAL 5491 2211 Nixtieq nikkjarifika li mit-total ta’ lmenti reġistrati kien hemm 832 ilment li ġew irtirati, 379 ilment ieħor li ma setgħetx tittieħed azzjoni fuqhom, 298 ilment ieħor magħluqa, filwaqt li 1597 ilment ġew referuti lit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi. Għall-mistoqsijiet ta’ kemm mill-ilmenti ġew solvuti b’kumpens monetarju, kemm minnhom ingħata prodott ġdid lill-konsumatur u kemm minnhom ġew solvuti permezz ta’ tiswija tal-prodott, l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, preżentement ma għandux din l-informazzjoni aggregata u għaldaqstant tkun trid tidħol fid-dokumentazzjoni ta’ kull każ biex tkun tista’ tingħata din l-informazzjoni

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – ilmenti dwar servizzi diġitali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mill-ilmenti li rċieva l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur mill-2017 s’issa, kemm minnhom kienu rigward servizzi diġitali?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-ilmenti li rċieva l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur mill-2017 s’issa, ma kienx hemm minnhom li jirrigwardaw servizzi diġitali. Għal fini ta’ din ir-risposta ‘servizzi diġitali’ ġew meqjusa skont it-tifsira li hemm fir-Regolamenti dwar kuntratti għal kontenut diġitali u servizzi diġitali (L.S. 378.20) li ġie fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2022. Għaldaqstant ilmenti relatati mà servizzi li ma jaqgħux taħt l-iskop ta’ dan ir-Regolament ma ġewx inklużi.