Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjoni għal reserved parking

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-applikazzjoni għal reserved parking tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma' nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.

Bormla — xogħlijiet weqfin

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala reġgħu waqfu x-xogħlijiet f' Bormla?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol ġie maqsum f'numru ta' tenders li f'uħud minnhom ġa saru x-xogħlijiet, f'oħrajn it-tenders qed ikunu evalwati , fil-waqt li tenders oħra se jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin.

Bieb il-Belt — public convenience

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37019 u jgħid jekk hux possibli jsir public convenience għall-pubbliku fit-terminus tal-karozzi tal-linja f'Bieb il-Belt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-proġett tar-riġenerazzjoni tat-Terminus tal-Belt jinkludi fih li jsir public convenience fl-istess aona.

Xewkija — Triq l-Imġarr - parti mit-triq li nqagħlet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36974 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhi r-raġuni li Triq l-Imġarr, Xewkija li għadha kemm ngħatat it-tarmac, parti minnha reġgħet inqalgħet? Ma jidhirlix li dan hu ħela ta' riżorsi tal-poplu Għawdxi minħabba pjannar ħażin u mgħaġġel għax ġejja l-elezzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi Triq l-Imġarr reġgħet ingħalqet parzjalment għat-traffiku fit-8 ta' Ottubru u hu ppjanat li tibqa’ magħluqa sal-aħħar ta' Ottubru minħabba tiswijiet fuq parti mill-main tad-drenaġġ, minħabba aġġustamenti f' xi livelli ta’ parti mill-main tad-drenaġġ li tpoġġa. Dawn il-problemi nstabu matul madwar 130 metru wara li saru testijiet u verifiki fuq il-main mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC) u l-kuntrattur li ħadem fuq it-triq, qabel ma ngħataw l-aħħar saffi ta' asfalt f’din iż-żona. Dan ix-xogħol ġie ppjanat għal dan il-perjodu tas-sena sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent fuq Għawdex matul ix-xhur tas-sajf u qed isir mill-kuntrattur bħala parti mill-obbligi tiegħu li jassigura li l-infrastruttura impoġġija hija kollha skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt.

ħlas lil kumpanija tal-awditjar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 36486, u peress li l-Ministru donnu li ma fehmx għal liema kumpanija kont qed nirreferi meta fil-mistoqsija originali għidt PWC, u peress li l-Ministru talabni nkun aktar ċar, jista' jwieġeb il-mistoqsija u jagħti l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija oriġinali fir-rigward tal-kumpanija Price Waterhouse Coopers?

Response (GATT, AUSTIN)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li bsart li b'PWC irid ifisser PriceWaterhouse Coopers. Li għadu ma spjegax sal-lum l-Onor. Interpellant hu, fir-rispett ta' liema entità governattiva qed jagħmel id-domanda.

Qawra — Xogħlijiet fi Triq Port Ruman u Triq il-Konventwali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-preparamenti biex Triq il-Port Ruman, Triq il-Konventwali u Triq Ġdida fi Triq il-Konventwali, fil-Qawra, jkunu mogħtija t-tarmak? Liema servizzi oħra għal fadal isiru f'dawn l-istess toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-aħħar parti ta' Triq il-Port Ruman ġiet inkluża fil-lista sottomessa mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għal toroq residenzjali li baqalhom jsiru f’din il-lokalita. It-toroq fil-lista sottomessa qed jiġu vverifikati minn Transport Malta sabiex jiġu kkunsidrati fil-programm tax-xogħlijiet li jmiss. Fir-rigward ta’ Triq il-Konventwali, Transport Malta hija nfurmata li din it-triq ser issir mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar bħala parti mill-iskema tal- “PPP”. Triq ġdida fi triq il-Konventwali mihiex inkluża fil-programm tax-xogħlijiet ta’ Transport Malta u l-anqas ġiet inkluża fil-lista sottomessa mill-Kunsill Lokali. Madankollu, din it-triq ser tiġi miżjuda mal-lista ta' toroq li TM ser tkun qed tevalwa għall-programm tax-xogħlijiet li jmiss ta' bini ta' toroq biex jiġi stabbilit jekk taqbiżx is-70% bini.

Ħal Qormi — Triq il-Ħammieri - zebra crossing jew pedestrian lights

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir zebra crossing jew pedestrian lights fi triq il-Ħammieri f'Ħal Qormi faċċata ta' Triq Stagno peress li din hi triq traffikuża u wiegħsa u jeħtieġ li r-residenti jiġu mħarsa qabel ma jokkori xi inċidenti serju?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ pedestrian crossing li qed jirrefereri għalih l-Onorevoli Interpellant se jinbeda fil-ġimgħat li ġejjin.

Transport Malta — xogħol ta' manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36571 u jgħid liema kienu dawk il-link roads li Transport Malta għamlet xogħol ta' manutenzjoni fuqhom matul din is-sena sal-lum? Kemm kien il-valur tax-xogħol f'kull triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dawk il- link roads li Transport Malta għamlet xogħol ta' manutenzjoni fuqhom matul din is-sena sal-lum huma dawn: Sa Maison, Floriana €26,604.83 Princess Margaret, Ta` Xbiex €103,397.50 (part of – certified by Msida LC and to be paid by TM) Princess Margaret, Ta` Xbiex € 62,468.50 Notabile Rd approx. €5,000 Mannarino Rd / Valley Rd, B’Kara approx. €60,000 Triq Santu Wistin, Paceville approx. €3,000 Triq Xatt ta’ Ta’ Xbiex (resurfacing works) €15,765.67 Triq il-Mitħna Qormi €38,000

Transport Malta — Rotta 36

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga rapport li ġie filed minn omm mill-Għargħur fil-bidu tas-Settembru ma' Transport Malta wara li tfal żgħar tagħha tardjaw bil-kbir minħabba nuqqasijiet fis-servizzi tal-Arriva, fejn wara li sabu li l-bus 36 kienet titlaq mingħajr avviżż xieraq - l-aħħar fis-7:00pm mill-Belt għall-Għargħur, fejn wara qalulhom li l-bus 35 għal xi raġuni jew oħra naqset li tieqaf fil-lane xierqa, u ħalliethom l-art u b'żieda ma' dan qalulhom li l-bus ta' wara kienet titlaq biss fit-8:45pm iżda anki din telqet fid-9:10pm? Xi jkun sar dwar rapport simili?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mir-‘records’ li għandha Transport Malta, dan ir-rapport ma’ jidhirx li gie ‘filed’ ma’ din l-Awtorita’. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jgħaddi d-dettalji ta’ dan il-każ lill-Awtorita’ sabiex jittieħdu l-passi meħtieġa fir-rigward ta’ dan il-każ. Infurmat ukoll li kull rapport li jasal għand l-Awtorita’ jiġi investigat sabiex fejn ikun possibli, jiġi stabbilit xi jkun ġara u jekk fl-affermattiv titieħed azzjoni hekk kif mitlub fil-kuntratt li kien ġie iffirmat bejn Transport Malta u l-operatur tat-trasport pubbliku, Arriva Malta Ltd. Infurmat ukoll li r-rotta 36 li tgħaqqad lil Ħal-Għargħur mall-Belt Valletta via l-Isptar Mater Dei bi frekwenza ta’ kull siegħa, għandha l-ewwel viagg li jibda minn Ħal-Gharghur fil-5:33 ta’ fil-għodu fil-waqt li l-aħħar vjaġġ mill-Belt Valletta jitlaq f’6:35 ta’ filgħaxija. Ir-residenti ta’ Ħal-Għargħur huma ukoll moqdija bir-rotta 35 li għandha frekwenza ta’ kull siegħa u li ukoll teħodhom lejn il-Belt Valletta via l-isptar Mater Dei, fejn l-ewwel vjaġġ jitlaq mill-lokalita fis-6:53 ta’ fil-għodu u bl-aħħar vjaġġ jitlaq mill-Belt Valletta fl-10:10 ta’ filgħaxija. Rotta oħra li topera min din il-lokalita hija r-rotta 136 li tgħaqqad il-lokalita ma’ Birkirkara ta’ kull siegħa. Transport Malta qegħda tgħamel ukoll moniteraġġ ta’ dawn ir-rotot u fejn jiġi nnutat li jkun hemm xi nuqqasijiet fis-servizz tittieħed azzjoni hekk kif mitlub fil-kuntratt

lista ta' nies ingaġġati mad-deskasteru

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista ta’ nies (grad ta’ manager 'il fuq) li ġew ngaġġati mad-dekasteru tiegħu f’dawn l-aħħar tliet snin, filwaqt li jinkludi l-pożizzjoni offruta, tip ta’ kuntratt (definit jew indefinit), livel ta’ edukazzjoni, numru ta’ snin il-kuntratt huwa validu (fil-kaz ta’ kuntratt definit), salarju u benefiċċji oħra offruti? Jista' jindika ukoll jekk hemmx pjan li jiġu ngaġġati aktar nies fit-tliet snin li ġejjin? Jekk fl-afferimattiv, taħt liema dekasteru u x’pożizzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Salarju ta' persuni li jaħdmu fid-deskasteru

Question

Jista' l-Ministru, għal kull dekasteru, jipprovdi lista ta’ nies lis-salarju (jeskludi il-performance bonus) tagħhom ġie revedut mil-anqas darbtejn mis-sena 2007 sal-lum? Jista' jinkludi ż-żieda fis-salarju, il-pożizzjoni l-ġdida, id-data ta’ meta dan seħħ, min kienu dawk il-persuna/i li approvaw u kienu parti min dan il-proċess, filwaqt li jindika jekk kienx hemm call for application?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Persuni li ħadu l-performance bonus

Question

Jista' l-Ministru jindika għal kull dekasteru, l-ammont finanzjarju li tħallas bħala performance bonus f’dawn l-aħħar 12 il-xahar? Kemm kien hemm persuni li ħadu performance bonus? Kemm kien l-għola u l-anqas persentaġġ li ngħata bħal performance bonus?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Pakkett finanzjarju — benefiċċji supplimentari

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhu l-pakkett finanzjarju inkluż il-benefiċċji supplimentri li qed jingħataw liċ-Chairman u lis-CEO ta’ kull dekasteru? Jista' jindika wkoll x’kien l-pakkett finanzjarju inkluż il-benefiiċċji supplimentari li kienu jingħataw liċ-Chairman’s u lis-CEO’s preċedent? Jista' jikkonferma jekk ingħatawx xi flus jew benefiċċji oħra liċ-Chairmen u lis-CEO’s preċedent b’relevanza tar-riżenja tagħhom? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jagħti dettalji tal-benefiċċji/flus li ngħataw filwaqt li jindika jekk ir-riżenja kenitx b’mod volontarju u mingħajr pressjoni politika/ministerjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — xogħlijiet fil-konfini tan-Naxxar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq hu mistenni li jsir ix-xogħol matul ix-xhur li ġejjjin, minn Transport Malta fil-konfini tan-Naxxar? Meta hu mistenni li jinbeda l-istess xogħol indikat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-toroq residenzjali li mistennija li jsiru fix-xhur li gejjin fin-Naxxar huma Triq Dun Manwel Magri u Triq gdida fi Triq Vernes Jules (Triq W. Ryan). Parti minn Triq il-Forġa u Triq Sir William Jervois kienu wkoll fil-programm tax-xogħlijiet ta’ Transport Malta, pero għandhom problema sabiex isiru minħabba l-fatt li t-triq mihiex iffurmata sew, u għalhekk bħalissa hija r-responsabilta tas-sidien ta’ l-art li jiffurmawha qabel ma jkun jista jsir l-asfaltar minn Transport Malta. Ix-xoghlijiet fi Triq il-Hannewija nbdew, imma sar mandat u ghaldaqstant ix-xoghlijiet kellhom jitwaqfu temporanjament, sakemm tinqata s-sentenza tal-qorti.

Rabat — privatizzazzjoni ta' parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-gvern hux se jipprivatizza l-car park magħrufa tal-Għalqa ta' Kola fir-Rabat u dak li hemm barra l-bibien tal-Imdina? Jekk fl-affermattiv, ma jaħsibx li tali privattizazzjoni se toħloq inkonvenjent kbir lir-residenti peress li minħabba n-nuqqas kbir ta' spazzju għall-parkeġġ f'dawn l-inħawi minħabba t-toroq qodma dojoq u b'hekk dan il-parkeġġ kien se jservi sabiex jipparkjaw ir-residenti ukoll?

Response (GATT, AUSTIN)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gvern issospenda s-sejħa pubblika għall-offerti dwar l-operat tas-siti ta' parkeġġ pubbliku sakemm jiġu diskussi dawk l-aspetti ta' din is-sejħa li qed iħassbu lill-Partit Laburista. Intant ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi : mhux minnu li se ssir privatizzazzjoni tas-siti ta' parkeġġ pubbliku (inklużi dawk indikati fid-domanda), għax dawn diġa' qegħdin jiġu operati mill-privat permezz ta' car park attendants liċenzjati f'kull sit. Kull m'hu qed isir huwa li qed jiġi msaħħaħ il-qafas regolatorju billi tinbidel is-sistema preżenti fejn il-car park attendants tinħarġilhom liċenzja li tiġġeddidilhom kull sena, għal waħda aktar trasparenti fejn l-Awtorita' tidħol f'relazzjoni kuntrattwali mal-privat dwar l-operat ta' kull sit, wara sejħa pubblika għall-offerti. Il-Gvern ma' jħossx li dan se joħloq inkonvenjent lir-residenti, u dan għaliex fis-siti in kwistjoni hemm maħsuba spazji riservati għar-residenti, liema spazji se jiġu esklużi miz-zona fejn l-operatur se jkollu dritt jitlob ħlas. Barra minn hekk, f'dawn iz-zoni, r-residenti diġa' jħallsu meta jipparkjaw.

Valletta — Triq ir-Repubblika - sign ta' keep clear quddiem il-Head Office tal-HSBC

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex inżebgħat is-sign keep clear quddiem il-bini li kien jopera bħala l-Head Office tal-HSBC fi Triq ir-Repubblika il-Belt (quddiem il-Berġa) meta dan il-bini issa ilu x-xhur ma jintuża?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan kien żball u għandu jitneħħa fil-ġranet li ġejjin.

Aċċessibilità ta' bankini għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun hemm strateġija nazzjonali biex il-bankini kollha jkunu aċċessibli u jitneħħa l-periklu mill-bankini għall-persuni li għandhom problema b'mobilità?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fejn hu possibli l-bankini l-ġodda qed jiġu mibnija skont il-linji gwida tal-KNPD. Transport Malta għaddejja wkoll f’taħdidiet kontinwi mal-KNPD biex jiġu identifikati bankini ‘qodma’ bi problema ta’ aċċess biex fejn hu possibli jiġu ndirizzati. Fix-xhur li għaddew, Transport Malta diġa għamlet numru ta’ interventi ta’ dan it-tip.

informazzjoni dwar vapur li daħal Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu illi fix-xahar ta' Settembru 2012 daħal il-vapur CMA CGM MAGELLAN fil-Malta FreePort bi 30 container? Jista' jagħti rendikont dwar x'kienet il-merkanzija li kien qed iġorr dan il-vapur f'dawn it-tletin container? Jista' jgħid mil-liema pajjiż beda l-vjaġġ u fejn kienet id-destinazzjoni finali tiegħu? Jista' jagħti l-informazzjoni sħiħa tal-vjaġġ kollu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-vapur CMA CGM Magellan daħal fil-Malta Freeport Terminals fil-25 ta' Settembru 2012 biex jagħmel transshipment operation. Il-bastiment tal- containers ħatt 1245 container u għabba 2144 ieħor. Il-bastiment kellu wkoll 5788 container li baqgħu abbord ( in transit ). Dawn kienu jinkludu 30 container IMDG class 7 UN 2912 ( radioactive material). Dawn il- containers tgħabbew mill- port ta' Le Havre fi Franza. Dawn il- containers kienu iddikjarati lill-awtoritajiet ikkonċernati, kellhom id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa u anke` kienu approvati mir- Radiation Protection Board. Il materjal li jkun ġewwa l- containers ikun ippakkjat skont standards internazzjonli għal ġarr fuq il-baħar kif stabbilit permezz tal-IMO International Maritime Dangerous Goods (IMDG) Code. Il-vjaġġ tal-vapur kien hekk: Le Havre – Malta Freeport – Suez Canal – Khor Fakkan – Ġebel Ali – Ningbao – Shanghai.

Quality Control Unit — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi l-lista ta' dawk il-persuni flimkien mal-pożizzjoni tal-grad tagħhom li jaħdmu fis-sezzjoni tal-Quality Control Unit fid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura? Jista' jkun speċifiku u jgħid x'tip ta' xogħol tesegwixxi kull persuna?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura m’hemmx Quality Control Unit. Ix-xogħol ta' kontroll tal-kwalita` jsir mill-Malta Competition and Consumer Affairs Authority (MCCAA).