Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti saru u x'kien il-valur tagħhom fi flus matul is-sena 2018 ġewwa Għawdex mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u x'tip ta’ proġetti hemm ippjanati li jsiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul is-sena 2019 ġewwa Għawdex u x'inhu l-valur fi flus ta’ kull wieħed minn dawn il-proġetti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li din l-informazzjoni qed tinġabar.
Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma — trasferimenti/pagamenti f’bank
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux trasferimenti u/jew pagamenti, inkluż iżda mhux biss, ta' pagi, f'kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista' jgħid dwar xiex kienu dawn it-trasferimenti u/jew pagi u kemm kien it-total tal-ammont li ġie trasferit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li ma saru l-ebda trasferimenti u/jew pagamenti mill-Ministeru tiegħi u l-entitajiet mis-sena 2013 sal-lum fir-rigward tal-bank imsemmi.
Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar 12-il xahar, kemm-il miżura ta' verifika ttieħdu fuq kontijiet tal-enerġija, partikolarment tal-ilma, li jkunu qed jirreġistraw “zero” għal-ammont ta’ ġranet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar 12-il xahar, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet 8,940 intervent fuq ‘meters’ li kellhom xi forma ta’ problema bil-konsum.
MCAST – studenti li qed isegwu taħriġ fil-plumbing
Question
Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm studenti l-MCAST li qed isegwu taħriġ fil-plumbing u li huma marbuta mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)? Jista’ jgħid jekk in-numru ta' studenti indikati humiex biżżejjed jew le għall-ħtiġijiet futuri fis-settur tal-ilma? Kemm qed jingħata taħriġ lill-plumbers preżenti fil-WSC? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinġabu plumbers minn barra l-pajjiż biex jikkumplimentaw dawk eżistenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandhiex studenti tal-MCAST li qed isegwu taħriġ fil-plumbing marbuta magħha. Il-plumbers impjegati mal-Korporazzjoni kollha jingħataw taħriġ skont ir-rekwiżiti ta’ fejn ikunu qed joperaw. Għall-futur qrib, il-Korporazzjoni m’għandhiex ħsieb li jinġiebu plumbers minn barra l-pajjiż biex jikkumplimentaw dawk eżistenti.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li f’Ħaż-Żebbuġ, ħdejn il-Bieb ta’ de Rohan, fejn dan l-aħħar twessgħet it-triq, it-tappieri tad-drenaġġ diġà qed jinżlu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Żieda tal-popolazzjoni – pjan għas-servizzi tad-dawl, ilma u drenaġġ
Question
Issa li l-gvern beħsiebu jżid il-popolazzjoni tal-pajjiż bl-eluf fis-snin li ġejjin, jista’ l-Ministru jgħid xi pjan fit-tul għandu l-Gvern biex is-servizzi ewlenin tal-ilma, id-dawl, id-drenaġġ u l-bqija jkunu jifilħu għad-domanda li se tiżdied bil-qawwi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta kontinwament tissorvelja l-andament ekonomiku kif ukoll iż-żieda fil-konsum u għalhekk tippjana u timplimenta proġetti u inizjattivi fl-oqsma kollha li hija responsabbli minnhom biex tilħaq mad-domanda dejjem tiżdied tal-klijenti u wkoll biex ittejjeb is-servizz f’rigward ta’ kwalita, sigurta u affidabilita.
L-Enemalta għandha proġetti u regolarment taġġorna pjanijiet li jindirizzaw fost l-oħrajn: Provista ta’ Enerġija, Distribution Centres, substations u tqegħid ta’ cables ġodda.
Biex il-Gvern jiżgura li l-infrastruttura tad-drenaġġ u l-ilma tlaħħaq mad-domanda taż-żieda fil-popolazzjoni, qed isiru xogħlijiet estensivi mal-pajjiż kollu.
Bi proġett kbir li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tagħmel bħalissa u li jabeż il-€130 miljun ko-finanzjajt mill-Unjoni Ewropeja, ser isiru tibdiliet kbar fil-mob kif topera is-sistema tad-drenaġġ u l-ilma, liema xogħol jnkludu mina minn Pembroke għal Ta’ Qali, li ser twassal l-ilma tar-Reverse Osmosis għal ġibjuni maġġuri minn pajpijiet b’diametru ta’ 1.2 metri, tkabbir ta’ mejnijiet tad-drenaġġ il-Marsa, bini ta’ mpjant ta’ Reverse Osmosis ġdid f’Għawdex, tibdil ta’ kważi 100km ta’ mejnijiet tal-ilma u drenaġġ ma’ Malta kollha u saħansitra tisħieħ fil-produzzjoni tal-ilma u trattament tad-drenaġġ. Il-pjan hu li b’din l-inizjattiva, s-sistemi tal-Korporazzjoni jkunu ppreparati għal-tkabbir sas-sena 2050.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex jonqos l-abbuż tal-ilma tal-pjan? Filwaqt li konxji li r-Regolatur qed isib bosta diffikultajiet biex iwettaq il-ħidma tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex niżguraw li ma jittellax ilma tal-pjan minn sorsi mhux awtorizzati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma li għalkemm mhux kompitu tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li tirregola l-ilma tal-pjan, qed isiru ħafna xogħlijiet li jissalvagwardjaw dan ir-riżors.
Id-drenaġġ minflok qed jintrema fil-baħar, qiegħed jiddawwar f’ ‘
New Water’
u jitqassam għal użu sekondarju. B’din l-inizzjativa, l-użu tal-ilma tal-pjan huwa maħsub li jonqos għax qed nipprovdu ilma alternattiv.
Ta’ min jgħid ukoll li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma nstallat
meters
mal-
boreholes
irreġistrati ħalli tibni stampa ċara ta’ kif l-ilma tal-pjan qed jiġi utiliżżat kemm mill-istess Korporazzjoni kif ukoll mill-privat.
Proġett ieħor kbir li qed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ko-finanzjat mill-fondi Ewropeja hu maħsub li jnaqqas l-użu tal-ilma tal-pjan u jiżdied l-ilma tar-
Reverse Osmosis
filwaqt li ntejbu l-kwalita tal-ilma tax-xorb.
Dawn l-inizjattivi huma kollha indirizzati li jtejbu dan ir-riżors naturali.
Enemalta, ARMS u Water Services Corporation – pagi tal-ogħla karigi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni fl-ogħla karigi tal-Enemalta, tal-ARMS u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li ngħataw żieda fil-paga tagħhom minn meta hu sar Ministru għall-Enerġija? Jista’ jgħid kemm hi din iż-żieda, minn meta bdiet tingħatalhom, u kemm hija l-paga gross attwali tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-perjodu msemmi f’din l-Interpellanza sal-lum, ħadd mill-persuni fl-ogħla karigi tal-Enemalta plc, tal-ARMS Ltd u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma ngħataw żieda fil-paga tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu fejn jidħol id-drenaġġ għas-snin li ġejjin u fit-tul? Fejn hemm sistemi antiki, bħal f’ċerti nħawi ta’ San Pawl il-Baħar fejn qed ifur id-drenaġġ fit-triq, x’qed jagħmel il-Ministru jew x’beħsiebu jagħmel dwar dan?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma qed tagħmel ħafna xogħol fis-sistema tad-drenaġġ ta’ Malta kollha.
Bi proġett kbir li jaqbeż il-€130 miljun ko-finanzjat mill-fondi Ewropej, qed isir xogħol ta’ tkabbir fis-sistemi tad-drenaġġ maġġuri ħalli jiżguraw li ż-żieda fid-domanda tkun koperta.
Il-pjan jinkludi mhux biss tkabbir ta’ mejnijiet u pompi, iżda wkoll titjib fl-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ biex jakkommodaw it-tkabbir pprevist sas-sena 2050.
Jista’ l-Ministru jgħid kull meta jingħata l-benefiċċju tal-enerġija u lil min qed jingħata? Min meta beda jingħata? Minn meta beda jingħata sal-lum, kemm kienet it-totalità ta’ flus li ngħataw kull xahar f’benefiċċji tal-enerġija?
Jista’ l-Ministru jgħid min huwa ċ-Chief Executive Officer tal-ARMS bħalissa? Jista’ jikkonferma li l-ex CEO tal-ARMS li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament irriżenja? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt il-ġdid tas-CEO l-ġdid u l-kuntratt tas-CEO ta’ qablu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-CEO kurrenti tal-ARMS ltd. huwa s-Sur Silvio Scerri.
Nikkonferma li l-ex CEO irreżenja mill-kariga. Fir-rigward tal-kuntratti tas-CEO’s, dawn huma kollha simili u l-informazzjoni kontenuta fl-imsemmija kuntratti ma tistax tiġi żvelata u dan skont il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-istess kuntratt. Infakkar li l-ARMS hija kumpanija privata.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ħa jew beħsiebu jieħu wara li xhud bil-ġurament fil-Qorti, “Cordina Darren kontra l-ARMS” qal: “Dan (b’referenza ċara għal uffiċjal tal-ARMS) kien qalilna mill-ewwel araw kemm tridu flus ħalli din il-kawża naqtgħulha rasha”?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab persważ li l-Onor. Interpellant jaf li hemm kawża li għadha sub-judice.
Issa li nistgħu nsegwu l-konsum tal-ilma siegħa b’siegħa, jista’ l-Ministru jgħid x’qed tagħmel il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fejn jidħol il-ħela tal-ilma? Jista’ l-Ministru jippreżenta lil din il-Kamra l-aħħar rendikont fejn jidħol il-moniteraġġ tal-ħela tal-ilma għall-unitajiet domestiċi f’Malta u Għawdex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kull ġimgħatejn toħroġ rapport mill-informazzjoni li qed tiġi trażmessa bl-ismart meters, li minnu kull inkwilin li jkollu ħela ta’ ilma sostanzjali jiġi infurmat permezz ta’ ittra li tintbgħat fl-indirzz li fuqu jkun reġistrat dak l-inkwilin biex jirċievi l-kontijiet. Apparti dan il-Korporazzjoni għanda sistema ‘online’ biex il-konsumaturi jaraw u jagħmlu ‘monitoring’ tal-konsum tagħhom mill-kumdita ta’ djarhom.
Kuntrarju ta’ dak li nsinwa l-Onor. Interpellant fil-Parlament fit-2 ta’ Novembru 2018, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fis-sena 2018 bagħtet rekord ta’ ittri lill-klijenti tagħha minn meta dawn l-ittri bdew jintbagħtu fis-sena 2013.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li fit-toroq li qed tirranġa Transport Malta, qed jinbidlu l-mains tal-ilma u tad-dawl? Jista’ jgħid jekk il-mains tbiddlux fil-bypass tal-Mellieħa meta kienet qed tiġi rranġata? Jista’ jgħid jekk tbiddlux il-mains meta saret it-triq tal-Buskett? Jekk ma ġewx mibdula, għalfejn ma sarx hekk qabel ingħata t-tarmak?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li kull meta jsir xogħol tat-toroq, l-entità konċernata tiġi mogħtija BOQ (bill of quantities) ta’ xogħol skont il-bżonn. Dan ix-xogħol isir mill-kuntrattur li jkun ser jagħmel it-triq. Barra minn hekk, il-mains fil-bypass tal-Mellieħa nbiddlu.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-wegħda tal-Partit Laburista li l-wajers tad-dawl fit-toroq jingħaddu kollha minn taħt l-art? Jekk il-gvern se jimxi ma’ din il-wegħda, fejn waslet il-ħidma?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Enemalta qed tagħmel numru ta’ Pilot Projects f’dan ir-rigward. Fosthom għaddej ix-xogħol fiċ-Ċentru tal-Birgu, fid-daħla tal-Baħrija u f’numru ta’ toroq ġewwa Ħad-Dingli.
Il-pjan jinkludi ukoll diskussjonijiet mal-Awtoritajiet konċernati biex f’xogħol ta’ bini ġdid il-klijenti jippreparaw
culverts
minn fejn il-
cables
għas-servizz tal-elettriku jkunu jistgħu jiġu mgħoddija.
Barra minn dan, l-Enemalta għaddejja b’ x-xogħol estensiv biex sal-aħħar tas-sena 2019 jitneħħew il-
pylons
(arbli tat-33kV) li għad baqa’ f’Malta fiż-żoni tal-Mellieħa, Vendome, Tarxien u Ħal-Far. Dan wara li ġew mpoġġija kilometri ta’
cables
ta’ voltaġġ għoli minn taħt l-art.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima li l-gvern irid jippreżenta l-abbozz tiegħu lill-Kummisjoni Ewropea sal-aħħar ta’ din is-sena? Jista’ jagħti d-data meta se jippreżentah quddiem il-Parlament għad-diskussjoni? Jista’ jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra jew jagħti kopja tiegħu lill-Oppożizzjoni fil-ġurnata li jirrispondi din id-domanda?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea sal-aħħar tal-2019. Abbozz ta’ dan il-pjan jinstab fi stadju avvanzat sabiex jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea sal-aħħar tas-sena 2018 wara li jkun ġie approvat mill- Kabinett. Matul l-2019, wara li jiġi diskuss l-abbozz mall-Kummissjoni Ewropeja, u jittieħed kont ta’ konsultazzjoni pubblika u aktar informazzjoni minn studji kurrenti, jitqiegħed il-pjan fuq il-Mejda tal- Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel il-gvern fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli, biex nilħqu l-miri mfassla għall-2020? Jista’ jgħid kemm huwa persważ il-Ministru li dawn il-miri se tilħaqhom Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex jintlaħqu l-miri mfassla għall-2020 fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli, il-Gvern qiegħed jimplimenta bis-sħiħ in-National Renewable Energy Action Plan li ġie ppublikat fl-2017 u li fost oħrajn jinkludi numru ta’ nċentivi għall-istallazjoni ta’ sistemi fotovoltajiċi ta’ daqs zgħir, medju u kbar (solar farms), kif ukoll għajnuna għal min jinvesti f’solar water heaters. Qiegħed jiġi wkoll assigurat li persentaġġ dejjem akbar mill-fjuwil ikun ġej minn sorsi rinnovabbli. Il-Gvern huwa kommess li jkompli jimplimenta dawk il-miżuri kollha li jwasslu sabiex jintlaħqu l-miri tal-2020 bl-aktar mod effettiv.
Baġit għas-sena d-dieħla – allokazzjoni ta’ 40% inqas għall-enerġija
Question
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn il-gvern qed jalloka 40% inqas għall-enerġija fil-baġit għas-sena d-dieħla? Jista’ jgħid kif dan it-tnaqqis jaqbel mal-miri tal-gvern u ma’ dak li qed jippjana li jimplimenta f’dan il-qasam matul is-sena d-dieħla?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika l-voti speċifiċi fejn qiegħed jara li l-Gvern qed jalloka 40% inqas għall-enerġija fil-baġit għas-sena d-dieħla u fl-istess ħin jirrelata’ l-Mistoqsija tiegħu mal-fatt li semma l-miri tal-Gvern u dak li qed jippjana li jimplimenta f’dan il-qasam matul is-sena d-dieħla.