Produzzjoni tad-drenaġġ – Żieda kontinwa fil-volum ta’ ilma mormi
Question
Tista’ l-Ministru tipprovdi informazzjoni ċara u sostanzjata dwar fejn qiegħed jispiċċa d-drenaġġ prodott f’Malta, inkluż f’żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni bħal Tas-Sliema? Tista’ tgħid ukoll kif il-Gvern qed jindirizza ż-żieda kontinwa fil-volum ta’ ilma mormi li jirriżulta mill-kostruzzjoni ta’ bini ġdid u mit-tkabbir tal-irħula u ż-żoni residenzjali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tiġbor u titratta d-drenaġġ urban li jiġi ġġenerat minn kull żona tal-pajjiż. Dan jgħaddi minn proċess sħiħ ta’ trattament u tindif f’erba’ impjanti, tlieta f’Malta u wieħed f’Għawdex, qabel ma jerġa’ jintuża jew jintrema b’mod sigur fil-viċinanza tal-istess impjanti. Il-monitoraġġ tal-proċess isir skont kif elenkat fid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament tad-Drenaġġ.
Parti kbira mill-ilma li jiġi ffiltrat fl-impjanti jgħaddi minn proċess addizzjonali ta’ trattament iktar intensiv biex jinbidel fi New Water li qed jintuża fis-settur agrikolu billi dan jiġi mgħoddi lill-bdiewa għat-tisqija tal-uċuh tar-raba’ tagħhom. Il-produzzjoni ta’ dan l-ilma ta’ kwalitá għolja qed tilħaq l-ammont ta’ 1.6 miljun metru kubu fis-sena.
Inżid ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Gvern, permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, qed jippjana u jimplimenta investimenti biex jiġi żgurat li l-infrastruttura tad-drenaġġ tibqa’ tlaħħaq mal-ħtiġijiet attwali u dawk futuri tal-pajjiż. F’dan il-kuntest qed jiġi aġġornat il-pjan ta’ investimenti tal-Korporazzjoni, filwaqt li qed jiġu kkunsidrati wkoll l-obbligi regolatorji u dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1508 fl-intier tagħha, u taqsam il-figura ta’ €140 miljun imsemmija fl-istess tweġiba bejn l-ispiża għax-xiri ta’ cables u tindika l-kwantità, l-ispiża għat-tqegħid u l-installazzjoni, u l-ispiża biex jinfetħu t-toroq u jerġgħu jiġu asfaltati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment kien jinkludi t-tqegħid ta’ aktar minn 270 kilometru ta’ cables ġodda, saret espansjoni u modernizzar taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni tal-Mosta, Ħal Kirkop, Buġibba u St Andrew’s biex żdiedet il-kapaċità tagħhom, tlestew 190 substation ġdida f’Malta u 18 f’Għawdex, ġew aġġornati aktar minn 260 transformer, kienu sostitwiti aktar minn 120 switchgear unit, kif ukoll ġew installati 875 feeder ġdid ta’ vultaġġ baxx. L-investiment kien maqsum kif ġej: €49,130,626 fuq is-sistema tal-vultaġġ baxx; €46,697,417 fuq is-sistema tal-vultaġġ medju; €3,415,821 fuq dik tal-vultaġġ għoli; €29,500,000 fuq ċentri ta’ distribuzzjoni; u €12,112,738 fuq xogħlijiet oħrajn.
Enemalta - Cables taħt l-art - Specifications u design requirements
Question
Tista’ l-Ministru tgħid xi specifications u design requirements tħaddan l-Enemalta għal thermal backfill u spacing bejn il-cables li jitqiegħdu taħt l-art?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li għat-tfassil u l-installazzjoni ta’ cables taħt l-art, l-Enemalta tadotta l-prassi u l-metodi tekniċi kif titlob is-sengħa u kif huma applikati minn operaturi tan-networks tal-elettriku fl-Ewropa. L-ispazju bejn il-cables jiġi stabbilit skont il-prattika u r-rekwiżiti tekniċi applikabbli, filwaqt li l-użu ta’ thermal backfill iservi sabiex jiffaċilita d-dissipation tas-sħana u jtejjeb l-effiċjenza tal-cables.
Provvista tal-elettriku – Qtugħ ta' dawl – Konsumaturi affettwati
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm households affettwati minn qtugħ ta' dawl mill-1 ta' Mejju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda attwalment tiġi miġbura u eżaminata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fil-kuntest ta’ proċess ta’ awditjar li għadu għaddej.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm rapporti dwar problemi ta' vultaġġ fil-provvista tal-elettriku li saru minn kull lokalità matul l-2024, l-2025 u fl-ewwel nofs tal-2026?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta se tkompli timplimenta l-Pjan ta’ Investiment li ħabbret, bil-għan li tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza tan-network tagħha. Biex tinġabar l-informazzjoni mitluba jinqabeż l-adivosry cost limit.
Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq il-Bistra, il-Mosta, qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ fil-provvista tal-elettriku? Tista' tgħid ukoll kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħala parti mill-investimenti kontinwi tagħha fin-network ta’ distribuzzjoni, ftit ġimgħat ilu Enemalta installat Low Voltage Regulator (LVR) ġdid fiż-żona ta’ Triq il-Bistra, biex tkompli ssaħħaħ il-kwalità u l-istabbiltà tal-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi f’dawn l-inħawi.
Tista' l-Ministru tgħid meta beda x-xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) u/jew entitajiet oħra taħt ir-responsabbiltà tagħha fi Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid, meta hu skedat li jitlesta x-xogħol u kemm hu stmat li se jiġi jiswa x-xogħol li qed isir f'din it-triq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-investiment biex isir titjib fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma u fis-sistema tad-drenaġġ fit-triq indikata huwa stmat li se jammonta għal madwar €2.9 miljun u huwa mmirat li jitlesta lejn it-tieni kwart tas-sena 2027.
Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u Santa Luċija – Laqgħa pubblika mal-ERA
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex sal-lum għadha ma ngħatat ebda tweġiba għat-talba magħmula f’isem residenti ta’ Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u Santa Luċija sabiex issir laqgħa pubblika mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar il-problema persistenti ta’ rwejjaħ insapportabbli u l-kwalità tal-arja fl-inħawi? Tista’ tgħid ukoll jekk hux ser tintlaqa’ t-talba sabiex issir din il-laqgħa pubblika u, jekk iva, meta ser issir?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-ġimgħat li għaddew, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kellha laqgħa mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid dwar is-suġġett imsemmi, li matulha ġew diskussi diversi aspetti relatati mal-ilmenti li tqajmu. Għandhom isiru wkoll laqgħat simili ma’ Kunsilli Lokali oħrajn. L-ERA għandha fiduċja sħiħa fir-rwol tal-Kunsill Lokali li jirrappreżenta l-interessi u t-tħassib tar-residenti, kif ukoll li jgħaddi lill-Awtorità l-mistoqsijiet u l-punti ta’ tħassib li jkunu qegħdin jiġu mqajma mill-komunità. F’dan il-kuntest, l-Awtorità tqis li d-djalogu dirett u kontinwu mal-Kunsilli Lokali jipprovdi mezz effettiv biex jiġu diskussi u indirizzati l-materji ta’ tħassib li jaffettwaw lir-residenti.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet fuq stabbilimenti li jistgħu jipproduċu jew jużaw skart likwidu ta’ natura kimika jew tossika, matul l-aħħar tliet snin? Tista’ tgħid ukoll kemm ġew identifikati każijiet ta’ ksur u x’azzjoni ttieħdet mill-awtoritajiet f’kull każ?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 2461,
ninsab infurmata li matul l-aħħar tliet snin (2023-2025) saru 13,695 spezzjoni fi stabbilimenti kummerċjali u industrijali mis-sezzjoni tad-Discharge Permitting fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Minn dawn inħarġu 760 Notices to Comply u 110 Ittri Legali biex jiġu regolarizzati nuqqasijiet li jvarjaw minn nuqqas ta’ dokumentazzjoni għal rimi ta’ trade effluent b’parametri kimiċi ogħla minn dak stipulat fil-liġi.
Sistema tad-drenaġġ – Miżuri ta’ kontroll u monitoraġġ għal sustanzi tossiċi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri ta’ kontroll u monitoraġġ hemm biex jiġi identifikat jekk sustanzi bħaż-żjut, kimiċi, deterġenti industrijali u materjali oħra potenzjalment tossiċi humiex qed jidħlu fis-sistema tad-drenaġġ, fejn jispiċċaw sussegwentement, u jekk il-faċilitajiet tat-trattament tad-drenaġġ humiex mgħammra biex jittrattaw dawn it-tip ta’ sustanzi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 2461.
Stabbilimenti industrijali u kummerċjali – Rimi ta’ sustanzi tossiċi – Kontrolli
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern, permezz tal-awtoritajiet kompetenti, iwettaqx kontrolli regolari fuq stabbilimenti industrijali, fabbriki, ristoranti, lukandi u stabbilimenti kummerċjali oħra sabiex jiġi żgurat li sustanzi bħaż-żjut, kimiċi, deterġenti industrijali u materjali oħra potenzjalment tossiċi jew ta’ ħsara għall-ambjent ma jkunux qed jintremew direttament fis-sistema tad-drenaġġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Is-sezzjoni tad-Discharge Permitting fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tinforza r-regolamenti dwar ir-rimi ta’ skart likwidu fid-drenaġġ permezz ta’ spezzjonijiet fi stabbilimenti industrijali u kummerċjali u l-ġbir ta’ kampjuni ta’ trade effluent sabiex jiġi verifikat li l-parametri kimiċi jkunu konformi mal-limiti stabbiliti mil-liġi. Waqt dawn l-ispezzjonijiet jiġi wkoll verifikat li sustanzi tossiċi jew perikolużi jiġu maniġġjati u mormijin skont il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar l-iskart, u li tkun disponibbli d-dokumentazzjoni neċessarja li turi li tali materjal ingħata lil operaturi awtorizzati għall-immaniġġjar u r-rimi tiegħu.
Sustanzi li huma permessi li jidħlu fis-sistema tad-drenaġġ fil-limiti stabbiliti mil-liġi jiġu trattati permezz tas-sistema tad-drenaġġ u tal-faċilitajiet tat-trattament tal-Korporazzjoni. Min-naħa l-oħra, sustanzi perikolużi li ma jistgħux jiġu rilaxxati fid-drenaġġ għandhom jiġu maniġġjati u mormijin permezz ta’ sistemi awtorizzati għall-immaniġġjar tal-iskart skont il-liġi.
Il-faċilitajiet tat-trattament tad-drenaġġ huma operati skont il-parametri u l-kundizzjonijiet regolatorji applikabbli. Għalhekk, il-kontrolli, il-monitoraġġ u r-rekwiżiti imposti fuq ir-rimi fid-drenaġġ huma maħsuba biex jiżguraw li l-effluwent li jidħol fis-sistema jkun kompatibbli mal-proċessi ta’ trattament.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33419 tal-leġislatura preċedenti, tista’ l-Ministru tispjega kif s’issa għadu ma sar l-ebda xogħol fuq il-parti minn Wied Speranza li kienet ċediet mal-ewwel xita, wara li kien għadu kif ġie rinovat u inawgurat, u li kellu jiġi rranġat f'Mejju 2026?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, wara li ċediet parti mill-ħajt f’Wied Speranza, u minħabba l-valur ekoloġiku tas-sit, Project Green ingaġġat espert sabiex tiġi stabbilita l-kawża tal-ħsarat u l-aħjar mod kif isiru x-xogħlijiet meħtieġa. L-ispezzjoni setgħet issir biss wara li niżel il-livell tal-ilma fil-wied. Konsegwentement, mill-istħarriġ li sar irriżulta li l-ħajt ċeda minħabba numru ta’ fatturi fosthom il-kundizzjonijiet tas-sit, il-ħamrija li żammet ħafna ilma iżjed minn dak previst u pressjoni tal-ilmijiet fuq il-ħajt, li ma kienux taħt il-kontroll ta’ Project Green jew il-kuntrattur.
Ġie deċiż li minflok il-ħajt jerġa’ jinbena bl-istess metodu oriġinali, titħejja soluzzjoni aktar adattata għall-kundizzjonijiet tas-sit. Project Green, flimkien mal-espert, ħejjiet disinji ġodda li ġew ippreżentati lill-entitajiet konċernati, fosthom l-ERA u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, u dawn ġew approvati. Peress li dawn ix-xogħlijiet huma aktar estensivi u profondi minn dawk li kienu ppjanati oriġinarjament, kien meħtieġ ukoll finanzjament addizzjonali. Minħabba n-natura ambjentali tal-wied, ix-xogħlijiet jistgħu jsiru biss matul ix-xhur meta ma tkunx ix-xita.
Project Green flimkien mal-kuntrattur qed tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex iż-żona tinżamm sigura għal dawk li jaċċessawha.
Tista’ l-Ministru tagħti aġġornament dwar il-progress li għamlet il-Climate Action Authority fir-rigward tad-69 charging pillar li qabel kienu mmexxija mill-kumpanija GOTO? Tista’ tgħid ukoll kemm minnhom jinsabu operattivi sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 104 charging points, li kienu tal-GoTo qegħdin joperaw taħt is-sistema ChargeMyRide.
Tas-Sliema, San Ġiljan, is-Swieqi, Pembroke, Gżira u n-Naxxar - Żieda ta’ Charging pillars għall-vetturi elettriċi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ippjanat li matul l-2026 u l-2027 jiżdiedu ċ-charging pillars pubbliċi għall-vetturi elettriċi f’Tas-Sliema, San Ġiljan, is-Swieqi, Pembroke, il-Gżira u n-Naxxar? Jekk iva, kemm ser jiżdiedu f’kull lokalità u fejn huma ppjanati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalitajiet imsemmija, din is-sena ġew miżjuda 34 charging point, li jinsabu fi Triq Ċensu Xerri, Triq Sir Adrian Dingli, Triq ix-Xatt c/w Triq Bisazza u Għar id-Dud f’Tas-Sliema; fil-Pjazza tal-Balluta u Tigullio Parking f’San Ġiljan; fi Triq Slielam Triq il-Keffa fis-Swieqi; fi Triq Testaferrata, Triq Edgar Bernard, Pjazza Meme Scicluna, Triq ta’ Bieb it-Torri, Vjal De La Salle u Triq tas-Sliema (Parking Lot) fil-Gżira; u fi Vjal il-21 ta’ Settembru, Triq Luqa Briffa u Baħar iċ-Ċagħaq fin-Naxxar.
Bħalissa għaddej il-proċess ta’ identifikazzjoni u prijoritizzazzjoni tal-postijiet fejn ser jiġu installati charging pillars addizzjonali skont il-ħtiġijiet tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm charging pillars pubbliċi għall-vetturi elettriċi fin-Naxxar? Kemm minnhom huma operattivi u fejn jinsabu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità tan-Naxxar hemm 16-il charging point, li jinsabu fi
Triq V. Boron, Xatt il-Palm, Triq il-Forga, Triq il-Ġiżwiti, Triq il-Ġdida, Vjal il-21 Ta’ Settembru, Triq Luqa Briffa u tul il-kosta c/w Baħar iċ-Ċagħaq.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm charging pillars pubbliċi għall-vetturi elettriċi fil-Gżira? Kemm minnhom huma operattivi u fejn jinsabu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità tal-Gżira hemm 14-il charging point, li jinsabu fi Triq l-Imsida, Triq Testaferrata, Pjazza Meme Scicluna, Triq Edgar Bernard,
Triq ta' Bieb it-Torri (Triq Gerry Zammit), Vjal De La Salle u Triq tas-Sliema (Parking Lot).
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm charging pillars pubbliċi għall- vetturi elettriċi f’Pembroke? Kemm minnhom huma operattivi u fejn jinsabu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Pembroke hemm 8 charging points, li jinsabu fi Triq Misraħ il-Fortizza, Trejqet Giuseppe M. Letard, Triq L.V. Farrugia u Triq Napuljun Tagliaferro.
San Pawl il-Baħar – Inħawi ta’ Kennedy Grove – Ħsarat
Question
Tista' l-Ministru tgħid xi ħsarat hemm preżentement fl-inħawi ta' Kennedy Grove f'San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll meta saru l-aħħar spezzjonijiet u xi ħsarat irriżultaw? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li dawn il-ħsarat jissewwew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ambjent Malta twettaq spezzjonijiet regolari u monitoraġġ kontinwu fil-Park Nazzjonali tas-Salina, inkluż l-inħawi ta’ Kennedy Grove. Matul dawn l-ispezzjonijiet ġew identifikati diversi elementi li kienu jeħtieġu manutenzjoni, tiswija jew titjib, fosthom partijiet mis-sistema tat-tisqija u tad-dawl li kienu ġarrbu vandaliżmu, karatteristiċi tal-ilma li kienu jeħtieġu manutenzjoni, infrastruttura tal-park li kienet teħtieġ interventi ta’ tiswija, kif ukoll tagħmir tal-logħob li huwa skedat li jiġi sostitwit.
Matul dawn l-aħħar xahrejn twettqu diversi interventi, li kienu jinkludu l-ħsad u t-tindif tal-park kollu, inkluża ż-żona tal-pikniks; it-tneħħija ta’ blat minn żoni b’inklinazzjoni; tisqija u manutenzjoni kontinwa tas-siġar; tindif u manutenzjoni ta’ karatteristiċi tal-ilma; tiswija tas-sistema tat-tisqija u ta’ bollards tad-dawl li kienu ġew vandalizzati; installazzjoni ta’ barrieri protettivi u railings f’żoni partikolari tal-park; u manutenzjoni oħra relatata mal-pajsaġġ u t-titjib ġenerali tal-ispazju.
Fir-rigward tat-tagħmir tal-logħob, kif diġà kont spjegajt fi tweġibiet li tajt għal mistoqsijiet parlamentari preċedenti, Ambjent Malta ħarġet sejħa għall-offerti sabiex dan jiġi sostitwit. Il-proċess ta’ akkwist kien suġġett għal proċeduri ta’ appell li issa ġew konklużi u Ambjent Malta qed tkompli bil-passi meħtieġa sabiex jitwettaq il-proġett.
Barra minn hekk, bħalissa għaddejjin xogħlijiet fuq il-parti prinċipali tal-ġnien, inkluż intervent fuq il-funtana prinċipali, it-tibdil tat-turf artifiċjali u xogħlijiet oħra ta’ rinnovazzjoni. Ambjent Malta ser tkompli twettaq l-interventi meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-elementi li għadhom jeħtieġu xogħol, bil-għan li dawn jitlestew skont il-programm ta’ ħidma u l-proċeduri applikabbli.
Santa Luċija – Triq il-Bruka – Problemi ta’ vultaġġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq il-Bruka, Santa Luċija, qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ fil-provvista tal-elettriku? Tista' tgħid ukoll kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-1 ta’ Jannar 2024 sad-data tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsija parlamentari ġew reġistrati żewġ rapporti. L-investigazzjonijiet li saru mill-Enemalta ma indikawx problema fil-provvista tal-elettriku f’dawn l-inħawi. Madankollu, bħala parti mill-programm kontinwu tagħha, Enemalta qed tippjana aktar investimenti fl-infrastruttura li sservi ż-żona biex issaħħaħ aktar il-kwalità u l-affidabbiltà tas-servizz.
Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq il-Fikus, Ħ’Attard, qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ fil-provvista tal-elettriku? Tista' tgħid ukoll kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Intelpellant li bħala parti mit-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elttriku fil-lokalità ta’ Ħ’Attard, Enemalta għadha kif ikkummissjonat substation ġdida li tforni ż-żona indikata. Għaldaqstant, is-servizzi lir-residenti ta’ din it-triq ġew imqabbdin ma’ din is-substation ġdida biex kompliet tissaħħaħ il-provvista.