Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16460 u jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjoni Marigold Foundation u/jew il-fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support u/jew lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu sena b’sena mill-2014 sad-data ta’ meta tingħata r-risposta, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Għawdex — Għasri - esproprjazzjonijiet

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17795, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Ċentrali għamilx esproprjazzjonijiet fil-lokalità tal-Għasri Għawdex, preċiżament fiż-żona ta' Triq il-Ġdida u Triq il-Qadima li kopji tal-pjanti għalihom qed jingħataw separatament? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji, possibbilment anke billi jpoġġi pjanta fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub ser jingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija – komunikazzjonijiet bil-miktub aċċessibbli għall-persuni neqsin mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu l-Ministeru tiegħu u entitajiet li jaqgħu taħtu sabiex jara li komunikazzjonijiet bil-miktub ta' kull tip li jintbagħtu bil-posta jew mezzi oħra, ikunu f'format aċċessibbli li jinqara minn persuni neqsin mid-dawl?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

L-Onorevoli interpellant għandu jkun mgħarraf li, waqt li l-ebda ministeru jew entità fi ħdan il-Gvern m’għandu aċċess għal informazzjoni dwar persuni b’diżabilità u x’tip ta’ diżabilità jsofru minnhom, hu prattikament impossibbli li kull korrispondenza li tintbagħat bil-posta tradizzjonali tkun ukoll f’format aċċessibbli li jinqara minn persuni neqsin mid-dawl. Minkejja dan, fil-każ ta’ korrispondenza diġitali, nixtieq intenni li l-entità governattiva Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġika tal-Informatika (FITA) toffri dan is-servizz lil kull individwu jew entitaijet li jitolbu din l-għajnuna biex jaqdu l-klijentela tagħhom bi spiża mħallsa mill-individwu jew l-entità. Fil-fatt dawk li, minn jeddhom jitolbu l-assistenza tal-istess Fondazzjoni, jiġu ggwidati fl-installazzjoni ta’ programm apposta (software) biex il-kompjuter personali tagħhom ikun jista’ jaqralhom kull imejl li jirċievu, inkluż bl-ilsien Malti. It-taħriġ hu bi ħlas, filwaqt li l-programm hu b’xejn. Nenfasizza li kull każ jiġi kkunsidrat fuq il-bażi individwali, inkluż biex tintuża l-aħjar teknoloġija assistiva, li tvarja minn Optical Character Recognition (OCR), Screen Reader, Braille jew anke tipa mkabbra. L-istess assistenza tvarja wkoll skont l-apparat li jkun se jintuża għal dan il-għan, bħal PC/laptop, mobile u/jew tablet, u anke skont il-platform użat, jiġifieri Windows jew MAC, Android jew Apple, eċċ.

Malta Enterprise – Proġetti f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16623 u jgħid liema kienu l-proġetti li l-Malta Enterprise rnexxielha ġġib lejn Għawdex matul is-snin 2016, 2017, 2018, 2019 u 2020?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Importazzjoni ta’ kotba – ħlas ta’ dazju

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba skont il-ftehim bejn ir-Renju Unit u ll-Unjoni Ewropea ġietx introdotta l-ħlas ta’ dazju fuq l-importazzjoni ta’ kotba?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Paralmentari lill-Ministru kkonċernat

Importazzjoni ta’ prodotti essenzjali – rati għal ħlas ta’ dazju

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba skont il-ftehim bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea kemm huma r-rati relattivi li ġew introdotti għall-ħlas ta’ dazju fuq l-importazzjoni ta’ prodotti essenzjali?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Paralmentari lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija – tender/direct orders lil kumpanija/individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu taw xi tender jew direct order lill-kumpanija jew l-individwu li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament mill-2013 sa issa? Jekk iva, jista’ jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub ser jingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija.– restrooms għal persuni bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il restroom fil-binja tal-Ministeru tiegħu hija aċċessibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ faċilitajiet fil-Ministeru.

MCA – laqgħat tal-bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat tal-Bord tal-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) mill-bidu ta’ Jannar 2020 s’issa maqsuma xahar b’xahar? F’kull każ jista’ jgħid jekk dawn sarux b’mod virtwali u jekk iva meta?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra

Ċentru Ċiviku tal-Mosta – responsabilitajiet tal-manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif tinqasam ir-responsabilità tal-manutenzjoni - upkeep - taċ-Ċentru Ċiviku tal-Mosta bejn l-entitajiet kollha li qed jagħmlu użu minn din il-binja? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra: a. il-kuntratt li l-Lands għandha mal-Kunsill Lokali tal-Mosta; b. il-kuntratt tal-Lands mal-Pulizija; c. il-kuntratt tal-Lands mad-Dipartiment tas-Saħħa; d. il-kuntratt tal-Lands mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali; u e. jekk hemm xi kuntratt ieħor ma' xi entità oħra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra

Parkeġġ ta' ħdejn il-Freeport — sular għar-residenti ta' Birżebbuġa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-parkeġġ ta' maġenb il-Freeport, li żewġ sulari minnu ser ikunu jistgħu jintużaw mill-pubbliku, jistax ikollu sular minnhom riservat ghar-residenti ta' Birżebbuġa bla ħlas?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għaddejjin diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Birzebbugia fuq dan is-suġġett.

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija – tender jew direct order lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu, tawx tender jew direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Meta ngħataw, ta’ kemm kienu u abbażi ta’ xiex?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jispeċifika t-talba tiegħu.

Ix-Xemxija – Triq Piscopo Macedonia u Triq il-Maqdex Megalitiku – studju fuq sit

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk sarx xi tip ta’ xogħol/studju/eżerċizzju nhar il-Ħamis 14 ta’ Jannar 2021 u f’xi jiem qabel fuq is-sit/wesgħa li tinsab bejn Triq Piscopo Macedonia u Triq Il-Maqdes Megalitiku fix-Xemxija limiti ta’ San Pawl il-Baħar minn entità/entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltajiet tal-Ministeru li tiegħu hu responsabbli? Jekk iva jista’ jindika dan ix-xogħol, studju jew eżerċizzju fiex kien jikkonsisti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma sarx xogħol/studju/eżerċizzju minn entità/entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltajiet tal-Ministeru.

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija — Bordijiet - Attendenza ta' Membri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17720 u 17511 u jagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tiegħu matul din il-leġiżlatura?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija – Chairpersons ta’ Bordijiet — spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17461 u jelenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħtu minn mindu ġew maħtura?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Malta Freeport – irtirar tal-kunsinni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-assigurazzjoni li l-importaturi qed jitħallew jirtiraw il-kunsinni tagħhom mill-Malta Freeport mingħajr il-ħtieġa li jqabdu burdnar u dan kif tippermetti l-liġi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Designated Date imsemmija f’Art 311(6)(a) tal-Kodiċi Ċivili (Kap 16)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-'designated date' imsemmija f'Art 311 (6) (a) tal-Kodiċi Ċivili (Kap 16), li tirregola l-bidu ta' terminu ta' 10 snin sabiex jiġu reġistrati drittijiet privati fuq l-art ta' mal-plajja, ġietx stabbilita mill-Ministru responsabbli għall-Artijiet permess ta' ordni fil-Gazzetta tal-Gvern hekk kif jgħid l-istess artiklu tal-liġi? Jekk din ġiet stabbilita, jista' jgħid liema hi din id-data, u fejn din ġiet ippubblikata?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ship-to-Shore – investimenti fil-Port Ħieles

Question

B’referenza għar-rapporti li dehru fil-media rigward l-investimenti li se jsiru fil-Port Ħieles, u partikolarment l-investiment ta’ €13-il miljun fis-ship-to-shore, jista’ l-Ministru jgħid meta dan se jkun komplut u jopera mija fil-mija?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta mogħtija f’mistoqsija parlamentari 16810.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — Ħaddiema infattati bil-Covid-19

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16830 u 17009 u jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, 19 il- ħaddiema tas-settur pubbliku li kieku infettati bil-COVID -19.

Akkwati tat-trejqa li tagħti għall-bajja ta’ Wied il-Għasri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-akkwati tat-trejqa li twassal għall-bajja ta' Wied il-Għasri hiex proprjetà privata? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi l-art privata u dik pubblika?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-medja tal-Kamra pjanta li turi l-art (singjata bl-aħmar) irreġistrata f’isem il-Gvern ta’ Malta fir-Reġistru tal-Artijiet