Legislature:
Category:
Reset
Active:

Maturity student — nursing

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ma ġewx aċċettati l-istudenti kollha li applikaw biex jidħlu jagħmlu in-nursing kors, każ tipiku huma l-mature students li dawn suppost ukoll għandhom dritt biex jidħlu jagħmlu l-korsijiet li huma jixtiequ jistudjaw, imma jidher li għall-kors tan-nursing dan id-dritt tneħħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru massimu ta’ studenti li setgħu jiġu ammessi għall-korsijiet ta’ qabel ir-reġistrazzjoni fin-nursing kien iffissat għal 140 minħabba l-postijiet disponibbli għal esperjenza prattika fi ħdan is-servizz tas-saħħa. Il-postijiet għall-placements f’ċertu wards tal-isptar huma limitati minħabba n-numru ta’ pazjenti. Biex jiżdiedu l-placements ġie miftiehem li s-sistema ta’ placement għal esperjenza prattika tiġi estiża biex tinkludi il-perjodi tal-btajjel tal-Milied u tal-Għid, kif ukoll bil-lejl fejn dan hu possibli, u l-weekends. Wara diskussjonijiet bejn it-Taqsima tas-Saħħa u l-Ministeru għall-Edukazzjoni intlaħaq ftehim li minħabba n-numru kbir ta’ applikazzjonijiet għall-kors ta’ diploma fin- nursing u għall-kors ta’ lawrja fin- nursing u n-nuqqas ta’ infermiera li qed jingħad li hemm bħalissa, l-applikanti kollha li kienu ġabu l-kwalifiki meħtieġa biex jidħlu sal-aħħar t’Awwissu 2009 se jiġu aċċettati. B’riżultat ta’ dan ġew aċċettati total ta’ 166 applikant. Applikanti li applikaw permezz tal-klawsola ta’ maturità u li ma kellhomx il-kwalifiki meħtieġa biex jidħlu konsegwentement ma ġewx aċċettati. Sitt applikanti li applikaw permezz tal-klawsola ta’ maturità, u li kellhom il-kwalifiki neċessarji biex jidħlu ġew aċċettati għall-kors ta’ diploma fin- nursing . Applikanti li japplikaw permezz tal-klawsola ta’ maturità m’għandhomx dritt awtomatiku biex jidħlu għall-kors ta’ studji, imma jistgħu jiġu aċċettati wara li jiġi kkonsidrat kemm huma adattati biex isegwu l-kors ta’ studji li għażlu li jsegwu u jiswielhom ta’ ġid. Dawn l-applikanti se jiġu msejħa fil-ġimgħat li ġejjin sabiex jiġi assessjat kemm huma adattati biex isegwu korsijiet bħal dawn fil-futur. Li jiġu aċċettati applikanti li m’għandhomx l-abbiltà biex isegwu korsijiet bħal dawn u jieħdu ġid minnhom ma jkunx ġust ma’ dawn l-individwi.

Studenti tal-B.Educ — teraching practice - laptop

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu passi biex f’kull skola fejn studenti tal-B.Educ ikunu qed jagħmlu t-teaching practice tagħhom ikun hemm laptop għad-dispożizzjoni tagħhom biex ikunu jistgħu jużawhom għal-lezzjonijiet tagħhom ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-laptops li għandna fl-iskejjel għall-għalliema huma kollha leased u dawn qegħdin hemm biex jintużaw fil-klassijiet. Ħafna mill-istudenti universitarji jkollhom laptop għaliex jixtruh bl-iSmart Card u hekk jistgħu jaħdmu u jippreparaw ix-xogħol tagħhom. Dan il-laptop jista’ jintuża fl-iskejjel anke għal preżentazzjonijiet però ma jkunx jista’ jitqabbad man-network. F’każ li l-istudenti tal-B.Educ ikollhom bżonn l-internet għal-lezzjonijiet, jistgħu jistaqsu lill-għalliema u jisselfu l-laptop tagħhom għal dak il-ħin.

Università ta' Malta — studenti f'kull fakultà

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm daħlu studenti f'kull fakultà f'Ottubru 2009 ġewwa l-Università ta' Malta? Tista' tgħid kemm applikaw studenti biex jidħlu f'kull kors li l-istess università tipprovdi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel tal-Knisja — somma globali mogħtija lill-awtoritajiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm matul din is-sena finanzjarja se tkun is-somma globali mogħtija lill-awtoritajiet tal-Knisja għall-iskejjel tagħha taħt il-ftehim eżistenti? Kemm minn dan kien għall-pagi tal-għalliema u staff ieħor? Jingħataw flus għal xi affarijiet oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-somma globali mogħtija din is-sena lill-awtoritajiet tal-Knisja għall-iskejjel tagħha se tkun €34,500,000. Minn dan l-ammont, €31,363,636 huma għall-pagi tal-għalliema u staff ieħor, filwaqt li €3,136,364 huma għall-ispejjeż ġenerali.

Teatru Manoel — security guard services - kwestjoni fuq ħaddiema

Question

B’referenza għas-security guard services privati li ser jibdew jiġu provduti għat-Teatru Manoel, tista' l-Ministru tikkonferma li t-tender li intrebħet minn ħaddiem li kien jaħdem part time fl-istess xogħol mal-kumpanija CT Park, issa ser jiġi provdut minn part-timers li għandhom impjieg full-timerispettivament wieħed bħala xufier tad-direttur tar-Residenza San Vincenz de Paule, ieħor impjegat f'Kastilja, kif ukoll ħaddiem li jaħdem full-time fl-Isptar Mater Dei? Billi qabel dan ix-xogħol kien isir minn roster ta’ żewg full-timers u żewg part-timers, tħoss il-Ministru li dan huwa arrangament xieraq u ġust?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-sejħa għal-offerti għal security guard services ġewwa t-Teatru Manoel kienet waħda pubblika. Wara l-konsiderazzjoni li saret tal-offerti ġie magħżul dak li ekonomikament kien l-aktar vantaġġuż wara li l-offerti kollha kienu teknikament konformi ma dak li intalab. Il-Bord aġġudikattiv ma joqgħodx jara l-persuni li qed joffru s-servizz mnejn jiġu jew fejn jaħdmu għaliex dik ma kenitx kriterju. Għall-informazzjoni ta’ din il-Kamra nikkonferma li l-persuni li intgħażlu jaħdmu kif suġġerit mill-Onorevoli Interpellant. Il-Ministeru ma jidħolx fl-aġġudikazzjoni sakemm din tkun saret skont ir-regolamenti u proċeduci.

Qawra- pjanijiet għal kumpless sportiv

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar fiex waslu l-pjanijiet biex jinbena l-kumpless sportivi fil-Qawra? Tista' tagħti tagħrif dwar jekk il-brief għal dan il-kumpless huwiex lest?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-technical and specification brief tal-proġett tlesta. Bħalissa qed jiġi abbozzat il-kunċett li bih ser toħroġ is-sejħa biex jinstab sieħeb strateġiku għal dan il-proġett.

Eżami tal-Junior Lyceum tal-Matematika

Question

Tista’ l-Ministru tivverifika l-ilmenti li wasluli minn ġenituri u għalliema li l-eżami għad-dħul fil-Junior Lyceum tal-Matematika ta’ din is-sena kien ferm itqal mis-soltu u ħalla effett demoralizzanti fuq it-tfal fi żmien meta tant semgħu li qed jittieħdu passi biex jitnaqqas l-istress esaġerat u bla sens fis-sistema edukattiva tagħna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull sena waqt it-tfassil tal-karta tal-eżami tal-Matematika, l-bord tal-eżaminaturi jieħu ħsieb jara li l-livell tat-toqol tal-mistoqsijiet ikun komparabbli ma’ tas-snin ta’ qabel. Hekk sar ukoll din is-sena. Din l-analiżi, bħal kull sena, tkun ippubblikata f’Diċembru meta joħroġ ir-Rapport Uffiċjali fuq l-Eżamijiet għad-dħul fil-Junior Lyceum. Anke din is-sena, l-mistoqsijiet kienu graded f’dak li jissejjaħ difficulty level u l-mistoqsijiet kienu mmirati biex jassessjaw il-firxa ta’ ħiliet matematiċi li jkunu akkwistaw it-tfal fi tmiem l-edukazzjoni primarja tagħhom.

Sistema tal-eżamijiet tal-Matsec

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu passi biex tiġi msaħħa s-sistema tal-eżamijiet tal-Matsec biex ikollha riżorsi adegwati biex dak li ġara din is-sena fl-Ingliż fejn ġie ripetut itemli kien sar diġà fis-snin li għaddew ma jerġax jiġri suġġetti oħra għax meta jiġri hekk jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-eżami?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Diġa’ bdew jittieħdu passi biex tiġi msaħħa s-sistema tal-eżamijiet tal-MATSEC. L-ewwelnett diġà mtlew il-postijiet vakanti li kien hemm fil-MATSEC Support Unit u b’hekk għandu jitjieb il-proċess kollu tal-eżamijiet. It-tieni, qed isiru laqgħat biex jingħarfu aħjar l-azzjonijiet li jridu jittieħdu biex tissaħħaħ is-sistema u biex l-eżamijiet ikunu iktar addattati biex jintlaħqu l-għanijiet tal-edukazzjoni għall-istudenti kollha fil-livell sekondarju u post-sekondarju.

Skejjel tal-Knisja tas-subien — dħul fl-iskejjel sekondarji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fejn waslu t-taħditiet mal-iskejjel tal-Knisja tas-subien dwar dħul fl-iskejjel tagħhom sekondarji u x’tip ta’ feeder schools primarji se jkollhom? Jekk se jkollhom jiżviluppaw is-settur primarju tagħhom, kemm qed jaħsbu li tkun il-popolazzjoni tagħhom u jekk se jkollhom settur primarju hux se jkun għas-subien biss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-taħdidiet mal-awtoritajiet tal-iskejjel tal-Knisja għadhom għaddejjin.

Studenti Universitarji Maltin — Programm Erasmus

Question

Tista' l-Ministru tgħid fl-aħħar ħames snin, sena b’sena, kemm kien hemm studenti Universitarji Maltin li ħadu sehem fil-programm Erasmus u qattgħu xi żmien jistudjaw f’universitajiet Ewropej? X'suġġetti kellhom dawn l-istudenti? F’liema universitajiet marru? Liema minnhom kellhom problemi ta’ credit transfer bejn l-università li marru fiha u l-Università ta’ Malta? X’passi qed jittieħdu biex ma jibqax ikun hemm problemi ta’ credit transfer f’dan il-programm Erasmus ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pixxina Nazzjonali f' Tal-Qroqq — xogħol ta' manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal kemm żmien ingħalqet il-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq? X’inhu x-xogħol ta’ manutenzjoni li qed isir? Kemm se jiswa? Meta hemm il-ħsieb li dan ix-xogħol jitlesta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Pixxina Nazzjonali fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq għadha ma ngħalqitx. Dettalji dwar ix-xogħlijiet ingħataw fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 12259.

Kunsill Malti tal-Isports — kirjiet tal-Pixxina Nazzjonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm idaħħal il-Kunsill Malti għall-Sport mill-kirjiet fil-bini tal-Pixxina Nazzjonali? Lil min huma mikrija u x’kera titħallas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ammont li l-Kunsill Malti għall-Isport idaħħal mill-kirjiet fil-bini tal-Pixxina Nazzjonali huwa ta’ €24,309.29 minn dawn id-diversi entitajiet: Malta Handball Association, Malta Dance and Dance Sport Council, Industries Soccer Association, Dance Workshop Ltd, Pat Bonello, Aquatic Sports Association of Malta, Vodafone Ltd, Malta Netball Association, Malta Olympic Committee, John Xerri De Caro, Malta Karate Federation, Edwards Sports Ltd, Elena Lautrup, Inizjamed u Water Polo Referees Association. L-aħħar parti tal-mistoqsija hija ta’ natura kummerċjali, għaldaqstant ma tistax tingħata tweġiba.

Mellieħa football ground — wiċċ sintetiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa’ l-wiċċ sintetiku fil-football ground tal-Mellieħa u min se jħallas għalih? Minn min sar ix-xogħol u jekk dawk li għamlu x-xogħol tħallsux? Jekk ħariġx iċ-ċertifikat li x-xogħol sar kif kellu jsir skond l-ispeċifikazzjonijiet tat-tender?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-wiċċ sintetiku fil-football ground tal-Mellieħa ġie jiswa €233,106.25. Ix-xogħol li sar minn All Sports International Ltd tħallas kollu barra ir-retention li tammonta għall- €11,655.31. Il-fondi għal dan il-proġett bi qbil mad-Direttorat ta’ l-Edukazzjoni u mall- Kunsill Malti għall-Isports, inħarġu mill- Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada biex b’hekk ‘il fuq minn 450 student li jattendu l-iskola primarja tal-Mellieħa ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din il-faċilità sportiva. Dan il-proġett ġie ċċertifikat skont l-ispeċifikazzjonijiet tat-tender kif ġie mitlub.

Skejjel primarji f'Għawdex — tfal li qagħdu għall-eżami tal-Junior Lyceum

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm tfal qagħdu għall-eżami tal-Junior Lyceum fl-aħħar tliet snin f'kull skola primarja f'Għawdex separatament u kemm għaddew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel Primajri f'Għawdex — ċaqliq ta' tfal minn skola għall-oħra

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm tfal li f'dawn l-aħħar tliet snin iċċaqalqu minn skola primarja għal oħra f'Għawdex u x'kienet ir-raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST ta' Għawdex — intake ta' studenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm intake ta' studenti fl-MCAST ta' Għawdex f'dawn l-aħħar sentejn għal kull kors separatament u tgħid kemm kien hemm drop outs f'kull kors separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — ħaddiema barranin b'kuntratt mal-Gvern Malti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' barranin li fil-preżent jaħdmu b'kuntratt mal-Gvern Malti llum taħt il-Ministeru u/jew dekasteri, entitajiet oħra li jaqgħu taħtha? X'salarju għandhom? X'nazzjonalità huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Support services lil student

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tattendi year3 fl-iskola Sir Arturo Mercieca, Rabat Għawdex tingħata is-support services li tant teħtieġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iSatementing Moderating Panel ra lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tattendi Year 3 fl-iskola Sir Arturo Mercieca, Rabat, Għawdex, f’Ottubru 2009 u għamel rakkmandazzjonijiet li għandha bżonn. Fil-preżent qiegħda tibbenefika minn complementary teachers fuq bażi regolari. Saret ukoll applikazzjoni għall-programm NWAR għas-sena d-dieħla. Il-ġenituri, skont l-iskola jidhru kuntenti bl-andament tat-tifla fl-iskola.