Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #18149 Sitting 418 2021-01-20 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Rapport tal-Awditur Ġenerali – nuqqasijiet fl-MCAST

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17839 u n-nuqqasijiet li nstabu fl-MCAST u b’referenza għal nuqqasijiet oħra li nstabu fl-aħħar snin, tista’ l-Ministru tkun aktar speċifika u tgħid liema huma l-passi li ttieħdu biex jissaħħu l-istrutturi ta’ governanza fl-MCAST? Liema passi baqa’ jittieħdu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-MCAST implimenta l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet tan-NAO għas-sena 2019 (minn Jannar sa Diċembru tal-2019). Dawn kienu jirrigwardaw l-immaniġġjar aħjar tal-work resources allowance tal-għalliema, diskrepanzi dwar xi salarji, il-moniteraġġ aħjar ta’ fondi li l-impjegati huma intitolati għalihom jew meta jkun hemm il-ħtieġa li jagħtu xi fondi lura meta jitilqu mill-MCAST, nuqqas ta’ segregazzjoni ta’ responsabbiltajiet, xi nuqqasijiet fejn tidħol l-osservanza tal-core hours mill-għalliema, xi pagamenti li ma kenux korretti, nuqqas ta’ policy għall-ivvjaġġar, u nuqqas ta’ rati uniformi għal min juża mezz ta’ trasport privat tiegħu/tagħha għal xogħol mitlub mill-MCAST. Il-bqija tar-rakkomandazzjonijiet ser ikunu implimentati fl-ewwel kwart ta’ din is-sena (2021) kif maqbul man-NAO.
Leg 13 PQ #18150 Sitting 418 2021-01-20 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Skejjel tal-istat – supply teachers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm supply teachers fl-iskejjel tal-istat,f’liema suġġetti huma u f’liema skejjel huma assenjati?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli interpellant hu kif muri fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #18151 Sitting 418 2021-01-20 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ministeru għal Edukazzjoni – nefqa fuq komunikazzjoni, informazzjoni u propoganda

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17390, tista’ l-Ministru tgħid kemm nefaq flus il-Ministeru tal-Edukazzjoni inkluż id-direttorati u l-entitajiet f’komunikazzjoni, informazzjoni u propaganda? Tista’ tagħti rendikont dettaljat ta’ fiex intefqet l-ispiża? Tista’ tgħid x’kien il-materjal li ġie mxandar jew imqassam? Tista’ tgħid min għamel dan ix-xogħol? Kemm minn dan ix-xogħol sar minn ħaddiema tal-gvern u kemm sar minn kumpaniji jew individwi privati? Fil-każ ta’ kumpaniji privati min kienu dawn il-kumpaniji, kemm ingħataw xogħol u ħlas, u b’liema tip ta’ sejħa ħadu dan ix-xogħol (tender jew direct order)? Tista’ tagħti dawn n-neqfiet sena b’sena mill-2013 sal-lum?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Filwaqt li ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li tlabt biex jinġabar it-tagħrif, kif dan it-tagħrif ikun disponibbli nkun nista' nqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #18152 Sitting 418 2021-01-20 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ministeru għall-Edukazzjoni – postijiet vakanti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-vakanzi kollha li hemm pendenti bħalissa fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-entitajiet li jagħqu taħtha? Minn meta ilhom vakanti dawn il-postijiet? Meta ħarġu s-sejħiet biex jimtlew dawn il-vakanzi? Sa meta hu ppjanat li jimtlew?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant li tirrifletti s-sitwazzjoni sad-data ta' meta l-informazzjoni qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #18153 Sitting 418 2021-01-20 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Studenti barranin jistudjaw f’Malta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm studenti barranin jistudjaw f’Malta? Minn fejn ġejjin dawn l-istudenti? X’korsijiet qed isegwu? Ma’ liema istituzzjonijiet qed jistudjaw?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-Malta Further and Higher Education Authority (MFHEA) ġabret l-istatistika għas-sena 2019/2020 u qed isir il-proċess ta’ data cleaning u analiżi ta' din id-data.
Leg 13 PQ #18154 Sitting 418 2021-01-20 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Skejjel – textbooks

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 17387 u 16232, tista’ l-Ministru tgħid kemm inxtraw liċenzji għall-materjal diġitali edukattiv minflok kotba u workbooks? Tista’ tgħid liema huma? Kemm swew? Minn min qed jintużaw? Tista’ tgħid jekk il-Gvern jaqsamx dawn ir-riżorsi ma’ skejjel tal-Knisja u Indipendenti? Jekk le għaliex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li nxtraw 15,000 liċenzja għal kotba diġitali bil-Malti u 17,000 għal kotba tal-qari bl-Inġliż u kontenut diġitali marbut ma’ Xjenza, kitba kreattiva u Coding. Il-liċenzji huma għal Octavo Qari għal Qalbi, Scholastic Literacy Pro, Brainpop, Author Premium, Kerboodle u J2Code fejn swew €357,394. Dawn ir-riżorsi kollha huma parzjalment iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea mill-Program ESF03.059. Dawn ir-riżorsi qed jintużaw mill-istudenti u l-għalliema tar-4, 5, u s-6 sena fl-iskejjel kollha tal-Istat u anke fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti. Ċertu riżorsi huma wkoll aċċessibbli għal studenti oħra ta’ snin oħra. Inxtrat ukoll liċenzja għas-suġġetti tal-Physics/Biology/Chemistry (Kerboodle) bin-nefqa tkun ta’ €10,703.23. F’dawn l-aħħar erba’ (4) snin investejna €1,569,862 f’software u kontenut diġitali. Barra minn dan, irrid insemmi l-ftehim milħuq mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fejn qed jingħataw fondi fis-sena bħala dritt lill-awturi Maltin. Is-somma fis-sena kurrenti 2021 hija ta’ €100,000.
Leg 13 PQ #18213 Sitting 418 2021-01-20 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ministeru għall-Edukazzjoni – tender jew direct order lil kumpanija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha jew xi entità li taqa’ taħtha, tawx tender jew direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Meta ngħataw, ta’ kemm kienu u abbażi ta’ xiex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika t-talba tiegħu.
Leg 13 PQ #18143 Sitting 417 2021-01-19 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Bidu tal-iskola u l-mid term – żieda fl-infezzjonijiet

Question

B’referenza għall-istrajk tal-edukaturi nhar is-7 u t-8 ta’ Jannar u d-dikjarazzjoni tal-Ministru u tal-Gvern li l-iskola hija essenzjali biex tikkontjeni l-pandemija, tista’ l-Ministru tagħti spjegazzjoni kif bejn Settembru meta bdiet l-iskola u l-mid-term kien hemm l-għola żieda fl-infezzjonijiet?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nerġa’ nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 18139. Fir-rigward tal-ispjegazzjoni mitluba, nitolbu jirreferi lill-Ministeru konċernat.
Leg 13 PQ #18144 Sitting 417 2021-01-19 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Pagamenti tal-istipendju

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm studenti li f’din is-sena skolastika kellhom dritt għal stipendju minn Ottubru li għadda u ma ħaduhx fil-ħin? Meta ħadu l-istipendju dawn l-istudenti? Għad baqa’ pagamenti b’lura xi jsiru? Ta’ kemm student u ta’ kemm-il xahar?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għotjiet ta’ manteniment jitħallsu b’lura kull erba’ ġimgħat. Sabiex l-istudenti jirċevu l-għotjiet ta’ manteniment iridu: · jkunu applikaw għall-Għotjiet ta’ Manteniment skont il-provvedimenti tal-Avviż Legali 308 tal-2016; · jinstabu eliġibbli għall-Għotjiet tal-Manteniment mill-istituzzjoni rispettiva fejn ikunu qegħdin isegwu programm ta’ studju magħha skont il-kriterji indikati fl-istess Avviż Legali 308 tal-2016; · jkunu kkonfermaw l-applikazzjoni tagħhom. Dawk l-istudenti li l-applikazzjoni tagħhom għall-Għotjiet tal-Manteniment tkun ġiet aċċettata jiġu mitluba jikkonfermaw l-applikazzjoni tagħhom permezz ta’ ijmejl. Hekk kif jikkonfermaw, dawn l-istudenti jidħlu awtomatikament fil-proċess tal-ħlas. Dan ifisser li dawk l-istudenti li kkonfermaw l-applikazzjoni tagħhom sal-15 ta’ Diċembru 2020, irċevew il-ħlas tal-istipendju għax-xhur ta’ Ottubru u Novembru 2020. Infurmata li dawn kienu jammontaw għal 13,306. Bejn Ottubru 2020 u Jannar 2021, il-Ministeru għall-Edukazzjoni rċieva ‘l fuq minn 17,193 applikazzjoni għall-Għotjiet ta’ Manteniment. Sal-15 ta’ Jannar 2021 kien hemm:- - 15,073 applikazzjonijiet li diġà ġew ikkonfermati; - 649 student li reġgħet infetħitilhom l-applikazzjoni biex jaġġornaw l-applikazzjoni tagħhom, bħal pereżempju l-isem tal-kors jew in-numru tal-IBAN relatat mal-kont bankarju tagħhom li jkunu indikaw biex fih jirċevu l-Għotjiet tal-Manteniment imma li sal-lum xorta baqgħu ma aġġornawx l-applikazzjoni tagħhom; - 887 applikazzjoni ma jistgħux jiġu milqugħa minħabba li ma jissodisfawx il-kriterji elenkati fl-Avviż Legali 308 tal-2016; - 50 applikant irtiraw l-applikazzjoni tagħhom minħabba diversi raġunijiet fosthom li jkunu bdew jattendu f’kors jew istituzzjoni edukattiva oħra jew minħabba raġunijiet ta’ natura personali; - 367 applikant jonqoshom jipprovdu dokumenti li huma mandatorji li ma tellgħux meta ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom; - 321 fetħu applikazzjoni imma finalment ma ssottomettewx applikazzjoni kompluta biex tiġi pproċessata. Dan ifisser li l-għadd ta’ studenti li għadhom ma ħadux l-Għotjiet ta’ Manteniment u li ssottomettew applikazzjoni huwa 367. F’każ li dawn jinstabu eliġibbli skont il-provvediment tal-A.L. 308 tal-2016, dawn se jkunu qed jitħallsu Għotjiet tal-Manteniment dovut lilhom fi Frar li ġej minħabba li dawn l-għotjiet jitħallsu b’lura. B’hekk dawn l-istudenti jkunu qed jitħallsu erba’ stipendji f’daqqa u li jkopru l-attendenza tax-xhur ta’ Ottubru, Novembru, Diċembru u Jannar.
Leg 13 PQ #18145 Sitting 417 2021-01-19 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

AUM – ftehim

Question

Wara li l-media indipendenti ħarġet rapport dwar telf kbir ta’ aktar minn 11-il miljun mill-AUM, l-hekk msejjħa Università Amerikana ta’ Malta (https://www.independent.com.mt/articles/2020-12-13/local-news/AUM-racks-up-11-2-million-in-losses-in-two-years-6736229393) tista’ l-Ministru tippubblika l-ftehim li hemm bejn il-gvern u l-grupp li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fl-integrità tiegħu u tgħid jekk din l-università hiex konformi ma’ dak il-ftehim?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim, li qed jirreferi għalih, ġie diskuss fil-Parlament fl-14 ta’ Diċembru tal-2015 fejn ukoll tpoġġiet kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra. Għad-dettalji tiegħu jista’ wkoll jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16416.
Leg 13 PQ #18146 Sitting 417 2021-01-19 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

American University of Malta – kundizzjonijiet u timeline

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16416 u l-American University of Malta tista’ l-Ministru tippubblika r-rapport tal-eżerċizzju ta’ assikurazzjoni esterna tal-kwalità mill-Kummisjoni għall-Edukazzjoni Ogħla (NCFHE) hekk kif stabbilità fil-kundizzjonijiet għal-liċenzja lill-AUM?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

L-eżerċizzju ta’ assikurazzjoni esterna tal-kwalità mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) għadu għaddej. L-Onorevoli interpellant għandu jkun mgħarraf li l-Gvern hu impenjat li jara li l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt mal-AUM ikunu osservati fl-intier tagħhom.
Leg 13 PQ #18147 Sitting 417 2021-01-19 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ministeru għall-Edukazzjoni — konsulenti

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16410 u16099 b’mod sħiħ u d-diversi domandi li saru, inkluż din l-istess domanda, li qed nitlob biex tgħid minn meta ġie fdat bid-dekasteru tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol il-Ministru Bonnici, min kienu dawk il-konsulenti kollha mingħajr ebda esklużjoni, inkluż dawk fuq position of trust, contract of service u contract for service, u li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru tiegħu inkluż is-Segretarju Parlamentari, is-Segretarju Permanenti, id-direttorati u l-bordijiet, kunsilli u awtoritajiet, li spiċċaw mill-kariga u min kienu dawk li bdew, kemm kien ilu Ministru hu? Għal kull wieħed minnhom, jista’ jgħid x’tip ta’ konsulenza/xogħol qed jagħmel? Xi kwalifiċi u esperjenza għandu? X’pakkett finanzjarju, inkluż perkaċċi, ingħata? Kemm-il siegħa mistennija li jaħdmu f’kull każ? Meta bdew, meta spiċċaw u għal-liema tul ta’ żmien ġie mogħti lilhom il-kuntratt? Peress li l-Ministru ta l-impressjoni waqt id-diskors tal-budget li diġà pprovda din l-informazzjoni jista’ ġentilment jindika fejn għamel dan? Tista’ l-Ministru tgħid ukoll minn kemm ilha Ministru x’tibdiliet saru fil-konsulenzi? Min kienu dawk ġodda li bdew u liema kienu dawk li spiċċaw?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #18148 Sitting 417 2021-01-19 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Rapport tal-Awditur Ġenerali — nuqqasijiet fl-għoti tal-kuntratti ta’ xogħol tal-bini tal-iskola primarja ta’ Marsaskala

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17838 u r-rapport tal-Awditur Ġenerali u n-nuqqasijiet li sab fl-għoti tal-kuntratti ta’ xogħol tal-bini tal-Iskola Primarja ta’ Marsaskala tista’ l-Ministru tispeċifika liema huma “l-azzjonijiet neċessarji skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess rapport” li qed tieħu? Tista’ tgħid jekk hux isir tisħiħ ieħor, lil hinn mir-rapport, biex jiġi assigurat governanza tajba fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-azzjonijiet speċifiċi li qed tieħu l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) huma dawk li tindirizza u timplimenta r-rakkomandazzjoni tar-rapport. B’mod aktar wiesgħa qed jiġu addottati proċeduri standard ta’ operat (SOPs) u jsir tibdil amministrattiv li jassigura li r-regoli ta’ procurement, kif ukoll prinċipji ta’ governanza tajba, jkunu osservati.
Leg 13 PQ #18139 Sitting 416 2021-01-18 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Strajk tal-edukaturi – korrispondenza

Question

B’referenza għall-istrajk tal-edukaturi nhar is-7 u t-8 ta’ Jannar u issa li sirna nafu li l-Unions u l-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti kellhom f’idejhom korrispondenza minn espert tas-saħħa u koordinaturi tal-COVID team tal-gvern dwar il-gravità tal-pandemija fil-perjodu li seħħ l-istrajk, u issa li sirna nafu wkoll li l-Ministeru tal-Edukazzjoni kellu din l-informazzjoni imma kien qed iżommha mistura għalih u fl-għami tal-unions, it-tmexxija tal-iskejjel, l-għalliema u l-ġenituri u l-istudenti, tista’ l-Ministru tippubblika l-korrispondenza msemmija?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parir pubbliku f’dan ir-rigward mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika kien ċar biżżejjed, jiġifieri li l-iskejjel għandhom jinfetħu. Dan ukoll fuq il-bażi li l-miżuri li ttieħdu fil-bidu tas-sena skolastika ħadmu tajjeb ħafna. L-ogħla awtorità tas-saħħa f’pajjiżna saħansitra indikat li hi tal-fehma li l-ftuħ tal-iskejjel iwassal għal tnaqqis fil-każi pożittivi.
Leg 13 PQ #18140 Sitting 416 2021-01-18 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Strajk tal-edukaturi

Question

B’referenza għall-istrajk tal-edukaturi nhar is-7 u t-8 ta’ Jannar u issa li sirna nafu li l-unions u l-iskejjel tal-knisja u indipendenti kellhom f’idejhom l-istess informazzjoni li kien qed iżomm għalih il-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar il-gravità tal-pandemija fil-perjodu li seħħ l-istrajk, tista’ l-Ministru tgħid għadhiex issostni li dan l-istrajk tal-edukaturi kien wieħed illeġittimu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18139.
Leg 13 PQ #18141 Sitting 416 2021-01-18 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

COVID team – tneħħija tal-koordinatur

Question

B’referenza għall-istrajk tal-edukaturi nhar is-7 u t-8 ta’ Jannar u issa li sirna nafu li l-unions u l-iskejjel tal-knisja u indipendenti kellhom f’idejhom l-istess informazzjoni li kien qed iżomm għalih il-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar il-gravità tal-pandemija fil-perjodu li seħħ l-istrajk, tista’ l-Ministru tgħid taqbilx li l-koordinatur tal-COVID team tal-Gvern li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li ta l-informazzjoni dwar il-gravità tal-pandemija lill-Ministeru tal-Edukazzjoni kellu jitneħħa?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Infakkar lill-Onorevoli interpellant li, kontra l-prerogattiva żbaljata li qed jibbaża l-mistoqsija tiegħu, fil-jiem li għaddew ingħatat spjegazzjoni għall-każ tal-persuna li qed jirreferi għaliha. Peress li l-imsemmi individwu mhuwiex impjegat fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, nitolbu jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 13 PQ #18142 Sitting 416 2021-01-18 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Skejjel tal-Istat – tagħlim online

Question

B’referenza għall-istrajk tal-edukaturi nhar is-7 u t-8 ta’ Jannar u issa li sirna nafu li l-unions u l-iskejjel tal-knisja u indipendenti kellhom f’idejhom l-istess informazzjoni li kien qed iżomm għalih il-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar il-gravità tal-pandemija fil-perjodu li seħħ l-istrajk, tista’ l-Ministru tgħid għaliex l-iskejjel indipendenti u tal-knisja kienu lesti biex jgħallmu online imma l-iskejjel tal-istat ma kienux preparati għal dan? Tista’ tgħid x’inhuma l-passi li qed jittieħdu sabiex għalliema u studenti tal-Istat ikunu biżżejjed preparati għal tagħlim online live f’każ li jkun hemm il-bżonn li għal xi żmien l-iskejjel jinżammu magħluqin?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li, fuq il-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa, il-Gvern minn dejjem kien determinat li t-tagħlim isir fil-klassijiet u mhux b’mod virtwali. Minkejja dan, l-iżvilupp tat-tagħlim online hu proċess kontinwu u, kif diġà semmejt pubblikament, attwalment qed isir eżerċizzju intern biex naraw kif is-sistema tissaħħaħ u tkompli titjieb. Kif jitlesta dan l-eżerċizzju, jittieħdu l-passi neċessarji.
Leg 13 PQ #17807 Sitting 414 2021-01-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Rabat Għawdex – Skola sekondarja – car park u ground

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-car park tal-karozzi li jinsab taħt l-Iskola Sekondarja u l-ground tal-istess skola ġewwa r-Rabat Għawdex, għadux taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u jekk iva x'inhi r-raġuni li f'dawn l-aħħar xhur tqabdet kumpanija tas-sigurtà permezz ta' direct order mill-Ministeru għal Għawdex biex tagħmel xogħol ta' sigurtà f'dan l-imsemmi car-park?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-car park tal-iskola sekondarja hi taħt l-MFED.
Leg 13 PQ #17808 Sitting 414 2021-01-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Għawdex – Skejjel Primarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm skejjel primarji f'Għawdex, kemm dawk tal-Gvern, kemm dawk tal-Knisja kif ukoll dawk Indipendenti u fejn jinsabu? Tista' tgħid kemm kien hemm studenti f'kull skola fl-aħħar ta' Ottubru 2020 u kemm minn dawn kienu ta' nazzjonalità barranija? Tista' tgħid kemm kien in-numru ta' għalliema f'kull skola primarja kif ukoll in-numru ta' LSAs f'kull skola?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif muri fit-tabelli li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #17721 Sitting 413 2021-01-11 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ministeru għall-Edukazzjoni — Bordijiet - Attendenza ta' membri

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17512 u tagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tagħha matul din il-leġiżlatura?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.