Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Lija – kwalità tal-Arja — Rapporti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għandhiex kwalunkwe rapport li jiddetermina l-kwalità tal-arja f’Ħal Lija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) timmaniġġja programm ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja mifrux ma’ Malta u Għawdex, li jkopri mitt sit għad-diossidu tan-nitroġenu u l-komposti organiċi volatili. Dawn il-kampjuni jittieħdu kull xahar u jiġu analizzati f’laboratorju akkreditat. Id-data minn dan it-tip ta’ monitoraġġ tiġi proċessata u hija disponibbli fuq il-website tal-ERA permezz ta’ mapep li juru d-distribuzzjoni tal-livelli ta’ tniġġiż fil-gżejjer Maltin għal dawn iż-żewġ sustanzi. Il-lokalità ta’ Ħal Lija hija koperta b’din is-sistema ta’ monitoraġġ.

Ħal Balzan – kwalità tal-Arja — Rapporti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għandhiex kwalunkwe rapport li jiddetermina l-kwalità tal-arja f’Ħal Balzan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) timmaniġġja programm ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja mifrux ma’ Malta u Għawdex, li jkopri mitt sit għad-diossidu tan-nitroġenu u l-komposti organiċi volatili. Dawn il-kampjuni jittieħdu kull xahar u jiġu analizzati f’laboratorju akkreditat. Id-data minn dan it-tip ta’ monitoraġġ tiġi proċessata u hija disponibbli fuq il-website tal-ERA permezz ta’ mapep li juru d-distribuzzjoni tal-livelli ta’ tniġġiż fil-gżejjer Maltin għal dawn iż-żewġ sustanzi. Il-lokalità ta’ Ħal Balzan hija koperta b’din is-sistema ta’ monitoraġġ.

Iklin – kwalità tal-Arja — Rapporti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għandhiex kwalunkwe rapport li jiddetermina l-kwalità tal-arja fl-Iklin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) timmaniġġja programm ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja mifrux ma’ Malta u Għawdex, li jkopri mitt sit għad-diossidu tan-nitroġenu u l-komposti organiċi volatili. Dawn il-kampjuni jittieħdu kull xahar u jiġu analizzati f’laboratorju akkreditat. Id-data minn dan it-tip ta’ monitoraġġ tiġi proċessata u hija disponibbli fuq il-website tal-ERA permezz ta’ mapep li juru d-distribuzzjoni tal-livelli ta’ tniġġiż fil-gżejjer Maltin għal dawn iż-żewg sustanzi. Il-lokalità tal-Iklin hija koperta b’din is-sistema ta’ monitoraġġ. Infurmata li fis-Sajf tal-2023, il-Kunsill Lokali tal-Iklin kien ikkummissjona rapport li janalizza l-livelli tal-benzin fost komposti organiċi volatili oħra.

Multi amministrattivi ERA

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19306, tista' l-Ministru għal kull każ elenkat, tagħti spjega aktar dettaljata dwar in-natura tal-ksur li kien jimmerita multi amministrattivi maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) lill-entitajiet tal-Gvern u Kunsilli Lokal?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ix-Xgħajra — Impjant tat-trattament tad-drenaġġ - Drenaġġ mhux trattat

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19305, tista' l-Ministru tagħti d-dati ta' meta saru l-interventi ta' manutenzjoni u d-dati ta' meta seħħew l-inċidenti msemmija fejn ħareġ drenaġġ mhux trattat fil-baħar mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ fix-Xgħajra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-imsemmija inċidenti seħħew fis-16 ta’ Jannar u fit-28 ta’ Frar rispettivament fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma aġixxiet immedjatament biex issolvi l-problema. Il-proċedura ta’ manutenzjoni saret fl-14 ta’ Marzu.

Wied Fulija — Testijiet għall-gassijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20297 dwar Wied Fulija, tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-livelli tal-gassijiet fl-aħħar testijiet li saru u tippubblika r-rapport ta' tali testijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ta’ Wied Fulija hija l-inqas miżbla li kienet attiva mqabbla mal-Magħtab u Tal-Qortin, u din issa ilha li ngħalqet madwar 30 sena. Tant hu hekk, li kien stabbilit li lanqas sistema ta’ ġestjoni ta’ gass ma kien hemm bżonn. Is-sistema ta’ capping skont ir-rekwiżiti tad-direttiva tal-landfill, f’din il-miżbla li tilfet l-attività hi biżżejjed biex tiżgura l-inqas effett possibbli fuq l-ambjent. Madankollu minħabba li r-riabilitazzjoni hi riċenti ħafna u mases ta’ materjal ta’ dan it-tip ġieli jkollhom xi ċaqliq, is-saff ta’ fuq tal-capping isirulu interventi fejn u kif ikun hemm bżonn.

Il-Magħtab — Testijiet għall-gassijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20298 dwar il-Magħtab, tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-livelli tal-gassijiet fl-aħħar testijiet li saru u tippubblika r-rapport ta' tali testijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżbla tal-Magħtab kienet l-iktar waħda kumplikata minħabba l-kobor tagħha, l-ammont ta’ skart u l-kompożizzjoni tal-iskart li ntefa’ fiha. Minħabba f’hekk, din il-miżbla għandha sistema ta’ estrazzjoni u trattament ta’ gass. Din il-miżbla tinsab f’kumpless attiv, li jinkludi żewġ miżbliet oħrajn li għadhom jintużaw, u diversi impjanti. Minħabba dan hemm sistema ta’ moniteraġġ regolari. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar riżultati minn laboratorju indipendenti tal-gassijiet fl-arja madwar il-miżbla tal-Magħtab. Intenni li r-riżultati miksuba fil-Magħtab juru livelli taħt il-limiti stipulati. Il-miżbliet ta’ Qortin u Wied Fulija kienu ferm inqas attivi u ma neċessitawx l-istess intervent u moniteraġġ li jsir fuq il-Magħtab.

Għawdex — Tal-Qortin - Testijiet għall-gassijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20299 dwar Tal-Qortin, f’Għawdex, tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-livelli tal-gassijiet fl-aħħar testijiet li saru u tippubblika r-rapport ta' tali testijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżbla tal-Qortin imqabbla mal-Magħtab u Wied fulija, għalkemm ferm inqs attiva minn dik tal-Magħtab, kellha attività iktar minn Wied Fulija għax ingħalqet ferm aktar tard. Għalhekk kienet ġiet installata sistema ta’ ġestjoni tal-gass, madankollu, illum, il-kwantità tal-gass fil-bjar hija baxxa ħafna u mhix biżżejjed biex tinħaraq. Fil-Qortin, il-WasteServ tara perjodikament il-livell tal-gass fil-bjar tal-miżbla biex tara hemmx biżżejjed biex jinħaraq bħala parti mill-operat. Is-sistema ta’ capping skont ir-rekwiżiti tad-direttiva tal-landfill, f’din il-miżbla li tilfet l-attività, hija biżżejjed biex tiżgura l-inqas effett possibbli fuq l-ambjent.

Toroq residenzjali — Distanza bejn bozza u oħra

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hi mistennija li tkun id-distanza bejn bozza u oħra fit-toroq residenzjali? Tista’ tgħid ukoll kif jiġi assigurat li din id-distanza tiġi miżmuma fejn hemm dwal pubbliċi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li biex tkun determinata d-distanza bejn bozza u oħra fit-toroq jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi. Dawn jinkludu t-tip ta’ triq (jekk hix arterjali, distributorja jew residenzjali), il-wisa’ tat-triq, l-iskop li għalih isir d-dawl (jekk hux minnhabba traffiku jew sigurtà għar-residenti), il-limitu tal-veloċità tas-sewqan (speed limit), jekk hemmx junctions u jekk tkunx żona pedonali (pedestrian area) fost oħrajn. Apparti minn hekk, l-għoli tal-bozza mill-art, it-tip ta’ bozza u l-optics tagħha ukoll jaffettwaw id-distanza li hemm bżonn bejn bozza u oħra. F’żoni residenzjali l-iskop prinċipali tad-dawl huwa biex joħloq sigurtà għar-residenti li jagħmlu użu mit-toroq, b’livell ta’ dawl komdu u bl-inqas light pollution possibbli.

San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra — Nuqqas ta’ pressa tal-ilma/pressa baxxa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li għaliha qed jiġi rrapportat nuqqas ta’ pressa tal-ilma/pressa baxxa f'San Pawl il-Baħar, inkluż f'Buġibba u l-Qawra u kemm-il rapport wasal għand il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rigward dan, matul l-aħħar sitt xhur u f’liema toroq? Tista’ tgħid ukoll x’azzjoni ttieħdet f’kull każ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fl-aħħar sitt xhur fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra daħlu 41 rapport minn 28 triq differenti. Dawn kienu jvarjaw minn problemi tekniċi żgħar li jiġu solvuti mill-ewwel min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u oħrajn li kienu ta’ natura privata. Il-Korporazzjoni għadha kemm lestiet proġett ta’ bdil ta’ mejnijiet kbar li jwasslu l-ilma mill-ġibjun tan-Naxxar sal-Qawra u Buġibba biex tassigura li l-pressa tkun adekwata. Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex jekk hi konxja ta’ xi residenzi partikolari li qegħdin jesperjenzaw nuqqas ta’ pressa tinfurmahom jagħmlu rapport biex il-Korporazzjoni tkun tista’ twettaq l-investigazzjoni tagħha. Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jistgħu jċemplu fuq 8007 6400 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku www.wsc.com.mt

Il-Mosta — Triq il-Midbaħ u Triq id-Dura - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet li xi waħda mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha twettaq xogħol fi Triq il-Midbaħ u Triq id-Dura, il-Mosta, fil-ġimgħat jew xhur li ġejjin? Jekk iva, tista' tgħid meta se jibda u meta hu ppjanat li jkun lest?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Il-Kalkara — Proġett tax-Xatt

Question

Issa li ġie fi tmiemu l-proġett tax-Xatt tal-Kalkara, tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa l-proġett u fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-pjazza u x-xatt tal-Kalkara, xogħol li twettaq mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) sar b’investiment ta’ madwar €5.5 miljun. B’dan il-proġett inħoloq spazju miftuħ għall-familji ta’ 16,500 metru kwadru fil-qalba tal-komunità, żona pedonali ta’ 3,000 metru kwadru fl-istess pjazza, promenade imsebbaħ bi street furniture u sistema ta’ dawl aħjar, bandli ġdid u sistema ġodda ta’ servizzi flimkien ma’ tħawwil ta’ siġar u arbuxelli ġodda li komplew isebbħu d-dehra tal-qalba tal-Kalkara. Dan huwa proġett importanti fost proġetti oħra ta’ kwalità li għaddejjin fil-Kottonera għax nemmnu fil-potenzjal ta’ din iż-żona. Proġett li fuq kollox ipoġġi lill-familji fil-qalba billi ngħatat pjazza oħra lin-nies u post li kien okkupat mill-vetturi issa sar spazju għat-tgawdija tal-familji u fejn ix-xatt hu isbaħ biex jitgawda minn kulħadd. L-esiġenzi kummerċjali issa qed jinqdew b’service road waqt li t-traffiku normali qed jgħaddi minn triq ġdida li nbniet aktar viċin tal-baħar. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu wkoll sistemi ġodda għas-servizzi tal-ilma u d-drenaġġ, waqt li f’parti sostanzjali taż-żona sar culvert biex minnu jgħaddu servizzi tal-elettriku. Il-promenade ġie mgħammar bi street furniture, railing, sistemi tad-dawl ġodda, bankijiet kif ukoll saret sistema ta’ irrigazzjoni għat-tisqija tas-siġar u l-arbuxxelli li tħawlu, waqt li l-pjazza ġiet attrezzata wkoll b’sistema ta’ CCTv cameras. Dan hu proġett ewlieni li permezz tiegħu il-Kalkara sbieħet, is-servizzi ġew immodernizzati u ngħata spazju li permezz tiegħu ċ-ċentru tal-lokalità sar tassew il-qalb tal-Kalkara. Proġett li huwa wkoll simbolu tal-impenn tagħna li nkomplu noħolqu aktar spazji miftuħa, fejn il-komunità, il-familji u n-nies jistgħu jiltaqgħu; fejn bl-attivitajiet ekonomiċi u kulturali, noffru mumenti ta’ serħan għar-residenti u anke lil min iżur il-gżejjer tagħna.

Ir-Rabat, Malta — Wied il-Qlejgħa - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta beda x-xogħol f’Wied il-Qlejgħa, fil-limiti tar-Rabat, Malta? Tista’ tgħid ukoll: i. X’sar s’issa? ii. Meta se jkun komplut dan il-proġett? iii. Kemm se jiswa? iv. Jekk hux minnu li x-xogħol ilu wieqaf? Jekk iva, għaliex? v. Meta se jitkompla?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fi proġetti ta’ restawr ekoloġiku u riabilitazzjoni ta’ siti sensittivi, bħalma hu l-każ ta’ Wied il-Qlejgħa, l-interventi li jsiru jridu jkunu sostnuti fuq numru ta’ snin b’mod li jirrispettaw l-esiġenzi staġjonali tas-sit. Fejn jikkonċerna l-parti ta’ fuq ta’ Wied il-Qlejgħa, l-ewwel interventi bdew fis-sena 2019 u x-xogħlijiet tlestew is-sena oħra. Il-proġett kien jinvolvi restawr ekoloġiku mifrux fuq tul ta’ madwar żewġ kilometri tal-wied, jiġifieri medda ta’ madwar 35,000 metru kwadru. Ix-xogħol li sar inkluda t-tneħħija ta’ materjal li nġema’ fil-wied matul is-snin, it-tneħħija ta’ flora u fawna invażivi, ir-ripristinar tal-ħażna tal-ilma wara kull waħda mit-tliet ilqugħ (dams) li għandu l-wied u t-tiswija ta’ ħitan tas-sejjieħ. Il-proġett ħa ħsieb ukoll l-element edukattiv, hekk kif fil-wied twaħħlu għadd ta’ panelli informattivi u ġie restawrat is-sit magħruf bħala Fiddien Box li llum jista’ jservi bħala Ċentru Edukattiv. Sadanittant minħabba ċediment li kien hemm fit-triq matul l-ilqugħ prinċipali ta’ Wied il-Qlejgħa, fl-2023, inbdew ukoll xogħlijiet biex din it-triq tinbena mill-ġdid. Dawn ix-xogħlijiet, li qed isiru bis-sehem ta’ Infrastructure Malta, jinvolvu l-bini ta’ struttura intensiva ta’ piles sabiex jankraw it-triq mal-blat u b’hekk din ikollha pedamenti sodi. Dawn ix-xogħlijiet jinsabu fi stadju avvanzat. Komplessivament, il-proġett ta’ riabilitazzjoni tal-parti ta’ fuq ta’ Wied il-Qlejgħa ġie jiswa €5 miljun, b’kofinanzjament mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew (ERDF). Imbagħad, mat-tlestija tiegħu, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ffirmaw management agreement mal-għaqda volontarja Nature Trust Malta biex din tissokta bil-manutenzjoni ekoloġika tas-sit. Dan il-ftehim wassal biex fl-2023 tneħħew 14-il tip ta’ speċi invażivi, inklużi madwar 2,000 pjanta invażiva, 2.5 tunellati ta’ qasab u aktar minn 1,000 eżemplari tal-crayfish. Fis-sit tħawlu wkoll 20 speċi ta’ siġar u arbuxelli indiġeni li jammontaw għal madwar 150 pjanta. Minbarra l-interventi li saru fil-parti ta’ fuq tal-wied, f’Wied il-Qlejgħa issa se jinbdew xogħlijiet fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Speranza li tinsab ħdejn ir-roundabout ta’ Buqana. Hawnhekk se jitneħħew ukoll għadd ta’ speċi invażivi, fosthom il-qasab li qed jikkawża għargħar fl-għelieqi tal-madwar u qed iwassal ukoll biex jintilef ħafna ilma. Se jsiru wkoll interventi meqjusa ta’ tħammil minn wara l-iskontru biex tiżdied il-ħażna tal-ilma, jkun hemm perkolazzjoni akbar ta’ ilma tal-pjan u jiġi evitat għargħar viċin it-taħwil ġdid li se jsir matul il-wied. Dan l-intervent hu stmat li se jlaħħaq il-€1.6 miljun u hu mistenni li jkun lest is-sena d-dieħla.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir - Press conferences

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru press conferences mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tagħha minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, tista’ tgħid ukoll: (i) x’kienet it-tema; (ii) kemm ġiet tiswa din il-press conference; (iii) kif intefqu l-flus (eż. post, catering, backdrop, sound, dawl, eċċ.); (iv) min kienu l-kuntratturi u/jew l-individwi li għamlu x-xogħol; (v) kemm minn din in-nefqa kienet permezz ta’ direct order u kemm kienet permezz ta’ sejħa pubblika?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li biex tinġabar din l-informazzjoni kif mitluba tinqabeż l-advisory cost.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Promozzjonijiet/żidiet fl-iskali tal-ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il promozzjoni jew żieda fi skala ngħatat lill-ħaddiema mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2024 u t-8 ta' Ġunju 2024? F'liema grad/skala kienu u f'liema grad/skala tpoġġew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Balzan — Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ix-xogħlijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha fit-toroq ta' Ħal Balzan hux se jkunu lesti kompletament qabel tkun iċċelebrata l-festa f'din il-lokalità, bħalma kienet affermat mal-Kunsill Lokali f'komunikat b'email?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet tat-tqegħid tal-cables fit-toroq tlestew u t-trinek imtlew bil-konkos kif intqal mill-Enemalta fl-email li qed issir referenza għaliha. Kif spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 20126, iridu jsiru t-testijiet neċessarji li jieħdu madwar xahar, waqt li x-xogħlijiet min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se jissuktaw wara li tkun iċċelebrata l-festa fil-lokalità. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 3971 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 254 ta' nhar l-Erbgħa 3 ta' Lulju 2024)

Wied il-Qlejgħa — Xogħlijiet ta' tiswija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu x-xogħlijiet ta' tiswija f'Wied il-Qlejgħa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi għall-ispjega li tajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14426, ninsab infurmata li x-xogħol baqa’ għaddej b’mod konsistenti u s’issa saru 141 pile tul ta’ 13-il metru l-wieħed. Il-pjan hu li x-xogħol jibqa’ għaddej fix-xhur tas-sajf.

Ir-Rabat Malta — Wied ta’ Santa Katerina - Xogħol ta’ tindif

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se tibda tiġi mnaddfa l-muntanja ta' terrapien li ffurmat fiż-żona tal-Wied ta' Santa Katerina, fir-Rabat, fejn hemm il-barriera?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.