Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — tender/direct order lill-kumpanija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18205, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu tawx tender jew direct order lil kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 sissa? Jekk iva, jista' jagħti l-informazzjoni sena b’sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-2013 sal-lum, il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma taw l-ebda tender jew direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatement u għaldaqstant ir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari hija nil.

'Works Tender for the Upgrading of the Former Qortin Landfill, in Xagħra, Gozo

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender 'Works Tender for the Upgrading of the Former Qortin Landfill, in Xagħra, Gozo [CT2022/2019]' u jgħid fiex wasal il-proċess biex din l-imsemmija tender tiġi awarded u jinbeda x-xogħol rikjest minn din l-imsemmija tender? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub (sena u xahar) li dan is-sit jinfetaħ bħala park għall-familji kif imwiegħed mill-Gvern?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-evalwazzjoni tat-tender tax-xogħlijiet ġiet konkluża u mistenni li fil ġimgħat li ġejjin jiġi ffirmat il-kuntratt. Ix-xogħlijiet involuti huma kollha relatati ma’ miżuri ta’ saħħa u sigurtà fuq is-sit u jinkludu l-installazzjoni ta’ xatba f’kull entratura tas-sit, railings u tabelli tas-sigurtà, mili tal-ħofra tal-miżien li kien jintuża fuq il-post fil-passat u tindif ġenerali. Għaldaqstant id-dipartiment tal-kuntratti bagħat jinnotifika lill-kuntrattur biex jiġbor il-kuntratt ħalli jiffirmah u jkun jista’ jinbeda x-xogħol. Huwa maħsub li x-xogħol jibda għall-bidu ta’April 2021 u jitlesta fi żmien erba’ xhur. Is-sit għandu jkun miftuħ għall-pubbliku għal Awwissu 2021.

Kennedy Grove – enforcement fuq caravans mingħajr faċilitajiet sanitarji jew rimi ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’permessi nħarġu u x’enforcement qed issir fl-inħawi ta’ Kennedy Grove fir-rigward ta’ caravans mingħajr faċilitajiet sanitarji jew ta’ rimi ta’ skart?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ma ħarġu l-ebda permessi rigward caravans fl-inħawi ta’ Kennedy Grove u lanqas jirriżulta li hemm bżonn azzjoni ta’ infurzar għax ninsab infurmat li l-caravans in kwistjoni tneħħew.

Dwejra Malta – konkos fit-triq prinċipali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn sar il-konkos fit-triq prinċipali tad-Dwejra f'Malta? Min talab li dan isir? Kien hemm il-permessi meħtieġa mill-PA u tal-ERA għal dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Jien infurmat li x-xogħlijiet imsemmija ma jeħtiġux permess peress li huma eżenti skont Klassi 3 tal-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar żvilupp (L.S. 552.08), waqt liż-żona affettwata wkoll ma taqax taħt il-protezzjoni tal-liġijiet ambjentali. Minbarra hekk, nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-PQ19098.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — entitajiet li għandhom ftehim kollettiv skadut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li għandhom bħalissa ftehim kollettiv li skada? Jista’ għal kull każ jgħid meta skada?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fil-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, l-ebda entità ma għandha Ftehim Kollettiv skadut u għaldaqstant it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari hija nil.

Awtorità tal-Artijiet — rapport

Question

Fil-laqgħa tad-19 ta’ Frar 2018, il-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp iddeċidiet li ma kienx hemm informazzjoni preċiża biżżejjed rigward it-titli u s-sidien tal-proprjetajiet proposti biex ikunu klassifikati fid-demanju pubbliku fir-rapport tal-Awtorità tal-Ippjanar bit-titlu PL 408 Sites to be designated as Public Domain 2017 u peress li dan ir-rapport intbagħat lill-Awtorità tal-Artijiet għal iktar verifiki, jista’ l-Ministru jippreżenta rapport aġġornat (wara tliet snin) lill-Kamra?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitolob lill Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill Ministru kkonċernat

Awtorità tal-Ippjanar – kopji tar-rapport tal-Kunsill Eżekuttiv rigward żoni

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta kopji tar-rapport tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar tas-sena 2018 u 2019 rigward iż-żoni u/jew siti li ġew nominati biex ikun ikkunsidrati biex ikunu klassifikati bħala demanju pubbliku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li r-rapporti in kwistjoni isiru biex ikunu pprezentati lill-Awtorita’ tal-Artijiet ghall-kunsiderazzjoni ulterjuri,kif fil-fatt sar. Ghaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Ministru konċernat.

Għawdex – Għasri – Triq il-Lanterna – xogħlijiet — permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet kollha li bdew f'dawn l-aħħar xhur fil-parti ta' fuq ta' Triq il-Lanterna, it-triq li twassal għall-Fanal tal-Ġordan ġewwa l-Għasri Għawdex, għandhomx il-permessi kollha meħtieġa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u jekk iva jista’ jgħid meta nħarġu dawn il-permessi u jpoġġihom kollha fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fuq it-triq li twassal għall-Fanal tal-Ġordan jikkonsistu minn rikostruzzjoni ta’ triq eżisteni fejn tali xogħol huwa meqjus bħala żvilupp permess skont Klassi 3 fl-Ewwel Skeda tal-Liġi Sussidjaraja numru 552.08. Għall-kwalunkwe informazzjoni ulterjuri dwar dawn ix-xogħlijiet nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — konsulenti maħtura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' servizzi, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s’issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistqosija Parlamentari 104 (Written). Minn dakinhar sal-lum kien hemm konsulent (1) full-time u tliet (3) konsulenti part-time li ma baqgħux ingaġġati mal-Ministeru u minflokhom ġew ingaġġati żewġ (2) konsulenti full-time li jitħallsu salarju fuq Skala 3 skont il-provvedimenti tal-manwal pertinenti. Sadanittant, minħabba l-bidla fil-portafoll tal-Ministeru u ż-żieda ta’ Segretarjat Parlamentari, ġie jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħi konsulenti ieħor part-time b’salarju marbut ma’ skala 3. Fl-aħħarnett, fil-Ministeru tiegħi hemm ingaġġati wkoll żewġ Advisors full-time – wieħed marbut ma’ skala 3 u l-ieħor ma’ skala 5.

Park tal-Majjistral – allokazzjoni diretta mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-allokazzjoni diretta mill-Gvern għall-Park tal-Majjistral fis-snin 2018, 2019, 2020 u kemm hi għas-sena 2021?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-mistoqsija parlamentari 14612 fejn kont tajt spjegazzjoni fid-dettal, ankè permezz ta’ dokumenti li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra, dwar l-allokazzjoni annwali u appoġġ finanzjarju ieħor li jagħti l-Gvern. Infakkar li l-allokazzjoni annwali jipprovdi għaliha l-Ftehim ta’ Ġestjoni bejn il-Gvern u l-Heritage Parks Federation, liema ftehim jibqa’ validu sa Jannar 2023.

Siti ta’ Natura 2000 – allokazzjoni diretta mill-Gvern għal xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-siti ta’ Natura 2000 f’Malta u Għawdex u jindika wkoll kemm kienet l-allokazzjoni diretta mill-Gvern sabiex isir xogħol f’dawn il-postijiet kif ukoll sabiex jinżammu fl-aħjar stat possibbli fis-snin 2018, 2019, 2020 kif ukoll għas-sena li ninsabu fiha 2021?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tas-siti Natura 2000 fil-Gżejjer Maltin. Din tinkludi kemm is-siti terrestri kif ukoll dawk tal-baħar. Ngħarrfu li fuq medda ta’ erba’ snin, mill-2018 sal-2021, il-Gvern alloka somma ta’ kważi erbgħa punt tmien miljun ewro (EUR 4.8m) għall-ħarsien u ż-żamma ta’ dawn is-siti. Dan il-figura teskludi pagi ta’ ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru u li jwettqu dmirijiet relatati direttament mas-siti msemmija.

Environmental Rangers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati s’issa Environmental Rangers, u fejn dawn qegħdin stazzjonati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħala parti mill-proġett pilota tal-Environmental Rangers li kont ħabbart f’Diċembru li għadda, sa issa ġew impjegati tliet uffiċjali. Dawn joperaw mill-uffiċini ċentrali ta’ Ambjent Malta għalkemm xogħolhom imbagħad ikun jinvolvi li jwettqu rondi f’diversi siti Natura 2000. Sadanittant, is-sejħa pubblika għall-ingaġġ ta’ Uffiċjali Pubbliċi li jwettqu xogħol bħala Environmental Rangers se terġa’ tinħareġ fil-jiem li ġejjin; b’hekk il-firxa u l-frekwenza tar-rondi jkunu jistgħu jiżdiedu u l-inizjattiva tkompli tissaħħaħ.

Environmental Ranger — kwalifiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kwalifiki biex wieħed ikun jista’ japplika għall-impjieg ta’ Environmental Ranger?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, sabiex tiġi impjegata fis-Servizz Pubbliku biex twettaq xogħol ta’ Environmental Ranger, persuna jeħtieġ li jkollha mill-inqas ħames (5) passes fil-Livell Ordinarju li jkunu jinkludu l-Malti, l-Ingliż u żewġ (2) suġġetti tax-Xjenza.

Environmental Rangers — ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min u b’liema mod saret jew qiegħda ssir l-għażla sabiex jiġu ingaġġati Environmental Rangers?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-uffiċjali li ġew ingaġġati bħala parti mill-Proġett Pilota tal-Environmental Rangers daħlu fis-Servizz Pubbliku wara sejħa pubblika li kienet dehret fil-Gazzetta tal-Gvern tal-10 ta’ Lulju 2020. Il-proċess tal-għażla sar skont ir-regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

Environmental Rangers – kundizzjonijiet tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol (pagi inklużi)li għandhom illum l-Environmental Rangers f’pajjiżna?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni ngaġġati sabiex jagħmlu xogħol ta’ Environmental Rangers huma Uffiċjali Pubbliċi u għaldaqstant il-kundizzjonijiet tagħhom huma dawk stabbiliti fil-Public Service Management Code. Kif anke kienet tindika s-sejħa pubblika li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern tal-10 ta’ Lulju 2020, il-paga ta’ dawn l-uffiċjali tibda minn Skala 16 tal-iskali ta’ salarju tas-Servizz Pubbliku u, jekk persuna tkun qdiet dmirha b’mod sodisfaċenti, din tavvanza għal skala 15 wara ħames (5) snin u għal skala 14 wara għaxar (10) snin servizz fil-grad.

Fomm ir-Riħ – konċessjoni rigward il-bajja u l-madwar

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi kopji ta' kull kuntratt ta’ bejgħ/ċens/kera/encroachment u/jew konċessjoni oħra li hemm rigward il-Bajja ta’ Fomm ir-Riħ u d-dintorni sa żona ta’ elf metru kwadru madwar il-bajja? Jista' jispeċifika x'passi ħa tieħu l-Awtorità tal-Artijiet sabiex ikunu mħarsa d-dritt ta’ passaġġ u aċċess għall-bajja għall-pubbliku u dan skont l-obbligi naxxenti mill-Kodiċi Ċivili peress li l-bajja hi fid-demanju pubbliku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Infakkar l-Onorevoli Interpellant li l-Awtoritá tal-Artijiet taqa' taħt ir-responsabbiltà ta’ Ministeru ieħor u b’hekk huwa mitlub jirreferi d-domandi tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Infakkru ukoll li l-Gvern ikkommetta li mhux se jċedi d-dritt għal aċċess għall-bajja.

Rural Policy and Design Guidance 2020

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17218 fis-seduta tas-17 ta' Novembru 2020, jista' l-Ministru jgħid meta ser jiġi konkluż l-analiżi tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar is-sottomissjonijiet tal-pubbliku wara l-ewwel abbozz tar-Rural Policy and Design Guidance u meta ser issir il-konsultazzjoni pubblika finali? Ngħid sew illi l-proċess ta' reviżjoni ta' din il-policy jinsab wieqaf?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ reviżjoni tar-Rural Policy and Design Guidance 2020 qatt ma’ waqaf. Wara l-ewwel abbozz, l-analiżi tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar is-sottomissjonijiet tal-pubbliku ġie konkluż u qed jiġu ppreparati emendi għall-abbozz biex jindirizzaw punti mqajjma mill-pubbliku.

Applikazzjoni għal Hotel

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17989 li oriġinarjament saret lill-Ministru tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jinforma l-Kamra x’passi qed jittieħdu sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni pendenti fix-Xatt tal-Birgu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat illi l-Awtoritá ta' l-Ippjanar m’għandha l-ebda applikazzjoni quddiemha biex tiproċessa proposta hekk kif indikata mill-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija parlamentari numru 16374 li tinvolvi bini ta' lukanda fix-Xatt tal-Birgu fejn dak li kien Casino di Venezia.

Iż-Żurrieq — Wied Fulija - għoli tal-landfill

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17950, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-għoli tal-wiċċ tal-landfill ta’ Wied Fulija mil-livell tal-baħar fl-aktar post baxx tagħha qabel ma’ beda x-xogħol ta’ riabilitazzjoni u restawr fuqha u kemm ġie l-għoli tal-istess landfill fl-għola post tagħha mil-livel tal-baħar issa meta x-xogħol neċessarju kważi lest?

Response (FARRUGIA, AARON)

M’għandix x’inżid mar-risposta li diġà tajt għall-mistoqsija 17950.