Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korrispondenza rigward skart tal-iskart

Question

Jista' l-Ministru jara li fil-Mosta tasal il-korrispondenza meħtieġa rigward is-separazzjoni tal-iskart li għanda tibda l-Erbgħa, 31 ta' Ottubru 2018 fejn tali bidla se tibda bla preparazzjonijiet meħtieġa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill rigward l-introduzzjoni tal-borża l-bajda saret nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Settembru, fejn flimkien mas-Sindku, Segretarju Eżekuttiv u rappreżentant tal-MESDC ġie spjegat li l-ġbir tal-borża l-bajda kien ser isir mill-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex kollha nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa. Il-Kunsill ma wera l-ebda oġġezzjoni għal dan l-arranġament, filwaqt li saħaq dwar l-importanza tal-infurzar. Wara din il-laqgħa ntbagħtet email bid-detall diskuss. Fis-16 ta’ Settembru il-Wasteserv għan-nom tal-Ministeru u l-ERA talab lill-Kunsill għal lista ta’ ħames toroq problematiċi fir–raħal tagħhom għal skop ta’ infurzar. Fl-20 ta’ Settembru ntbagħat komunikat lill-Kunsill fejn tlabniehom biex jikkonfermaw l-iskeda l-ġdida tal-ġbir ta’ skart, liema skeda giet ikkonfermata fil-25 ta’ Settembru. Il-Kunsill infurmana wkoll li minn dakinhar kien qed ixandar l-iskeda l-ġdida applikabbli mill-31 ta’ Ottubru li kienet tinkludi l-ġbir tal-borża organika.

Boroż taż-Żibel — bar codes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li l-boroz taż-żibel jiġu bar coded u mqassma mill-Kunsilli Lokali sabiex l-awtoritajiet jkunu jistgħu jinfurzaw il-liġi fuq min joħroġ il-boroz fi ġranet jew ħinijiet li mhux suppost?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema ta’ barcoding hija waħda oneruża u tinvolvi piż li għalissa huwa kbir wisq għas-sistema ta’ ġbir ta’ skart preżenti, partikolarment wara żviluppi reċenti li qed naħdmu bi sħiħ fuqhom, bħall-introduzzjoni tal-ġbir ta’ skart organiku separat. La l-Kunsilli Lokali u lanqas il-kolletturi m’huma attrezzati preżentament għall-introduzzjoni tal-barcoding. Ikun prudenti li għalissa nħallu s-sistema bl-inizzjattivi ġodda li daħħalna tindara u tistabbilixxi ruħha u nerġgħu neżaminaw il-potenzjal tal-borcoding fi żmien ieħor.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – servizzi ta’ konsulenza minn individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'impjieg, servizzi ta' konsulenza jew xort'oħra kellu jew għad għandu l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, mal-Ministeru tiegħu u mal-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll, sena b'sena, kemm tħallas dan l-individwu għas-servizzi tiegħu? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe kuntratt iffirmat bejn il-Ministeru tiegħu u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu u l-individwu msemmi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2013 sal-31 ta’ Ottubru 2018, ma kien hemm ebda mpjieg, servizzi ta' konsulenza jew xort'oħra mill-Ministeru tiegħi lill-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament.

Inkjesti dwar nirien li ħakmu l-Impjant ta’ Sant’Antnin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux inkjesti, ta’ kwalsiasi xorta, wara nirien li ħakmu lill-Impjant ta’ Sant’Antnin f’iktar minn okkażjoni waħda wara l-2013? Jekk iva, min għamel tali inkjesta u x’kien ir-riżultat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsijiet Parlamentari 988 u 3415.

Wasteserve – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjegat ġdid assumiet il-Wasteserve (anke tramite sub contracting) taħt kwalsiasi titlu, terminu jew grad, full-time u part-time, mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-1 ta’ Jannar 2018, xahar b’xahar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari 2617 li tagħti rendikont ta’ impjegati ġodda sat-30 ta’ Novembru 2017. Għal fini ta’ korrettezza, il-Wasteserve (anke tramite sub contracting) assumiet żewġ impjegati ġodda mit-30 ta’ Novembru 2017 sal-1 ta’ Jannar 2018.

ERA – State of the Environment Report

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta kien l-aħħar li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ppubblikat State of the Environment Report? Meta jmiss joħroġ rapport ieħor?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (CAP 549) dan ir-rapport irid jiġi ppublikat kull erba’ snin. L- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), li ġiet imwaqqfa fl-2016, ser tippublika l-ewwel State of the Environment Report din is-sena.

Xagħra Għawdex – Park tal-Familja fil-Qortin – xogħol

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5887, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-Park tal-Familja fil-Qortin fix-Xagħra Għawdex fejn qabel kien hemm il-miżbla u li din ġiet magħluqa u rijabilitata? Jista' jgħid jekk inħarġux il-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar u jekk inħarġux it-tenders biex isir ix-xogħol fuq dan il-Park tal-Familja? Jista' jgħid ukoll jekk dan il-park hux ser ikun aċċessibbli u lest għall-familji Għawdxin matul is-sena 2018?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għax-xogħol fuq il-landfill tal-Qortin ġiet ippublikata, filwaqt li l-applikazzjoni għal-permess tax-xogħlijiet għada fil-proċess tal-Planning Authority. Madankollu l'ebda offerta ma daħlet għas-sejħa tax-xogħlijiet u b'hekk ma jistax jiġi garantit li l-park se jkun miftuħ għal pubbliku sal-aħħar ta' 2018. Is-sejħa tax-xogħlijiet se terġa’ toħroġ fuq is-suq sakemm ikun hemm kuntrattur disponibbli.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — konsulenti - għaqdiet ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma, jekk hemm, il-konsulenti li l-Ministeru għandu kuntratt magħhom ta’ konsulenza minn fost l-għaqdiet ambjentali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratti/ftehim li l-Ministeru jidħol għalihom ma’ għaqdiet ambjentali ma jirrigwardjawx konsulenza iżda, b’mod ġenerali, kuntratti/ftehim li jipprovdu għat-tmexxija ta’ siti protetti jew għall-iffinanzjar ta’ proġetti ambjentali.

Pjazza ta’ Raħal il-Ġdid – studji dwar il-kwalità tal-arja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar sentejn u nofs sarux studji dwar il-kwalità tal-arja madwar il-Pjazza ta’ Raħal Ġdid kemm ilu għaddej ix-xogħol fil-Pjazza msemmija?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi ilha tagħmel monitoraġġ tal-kwalità tal-arja f’diversi lokalitajiet, inkluż il-Pjazza ta’ Raħal Ġdid u dan il-monitoraġġ ilu għaddej mill-2014.

Il-Fgura – Triq il-Merħba – każ ta’ ħruq ta’ green area

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jinvestiga l-każ ta’ ħruq fi Triq il-Merħba l-Fgura, liema green area fiha l-ħarrub miżrugħ fiha?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ERA ma kinitx infurmata fuq dan il-każ. Madankollu, uffiċjali tal-ERA għamlu spezzjoni fuq il-post indikat fil-Mistoqsija Parlamentari u ma sabu l-ebda sinjali ta’ ħruq. L-ispezzjoni saret fl-għelieqi li jmissu ma’ Triq il-Merħba minħabba li l-informazzjoni mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari hija vaga u ma tindikax post eżatt. Huwa ġentilment mitlub li tingħata aktar informazzojoni dettaljata fuq il-każ sabiex L-ERA tkun tista' tindirizza l-każ skont il-parametri tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent. F’każi bħal dawn, il-pubbliku huwa mħeġġeġ li jagħmel kuntatt dirett mal-Awtorità fuq in-numru ta’ emerġenza li jisab fuq is-sit elettroniku tal-ERA 99210404 sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni f’waqtha.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – environment inspector

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il environment inspector għandu l-Ministeru? Xi kwalifiki għandhom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima għandu ħames (5) uffiċjali li jappartjenu għall-Inspectorate Stream tal-Klassi Ambjentali u għaldaqstant il-kwalifiċi tagħhom huma dawk li joħorġu minn dan l-istess ftehim. Erbgħa minn dawn l-uffiċjali jwettqu dmirijiet relatati mat-tmexxija ta’ siti protetti u r-responsabbiltajiet ta’ Ambjent Malta b’mod ġenerali, filwaqt li l-ħames uffiċjal huwa rilaxxat mal-għaqda volontarja Nature Trust Malta skont il-provvedimenti tat-Taqsima 4.2 tal-Manual on Special Leaves tas-Servizz Pubbliku. Barra minn hekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi għandha wkoll Direttorat għall-Konformità u Infurzar li fil-preżent għandu ngaġġati miegħu sebgħa u għoxrin (27) uffiċjal f’pożizzjonijiet differenti. Fil-każ tagħhom il-kwalifiċi huma skont il-benchmarks li jappartjenu għall-pożizzjonijiet rispettivi.

Ħamrija skavata minħabba l-bini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema hu d-dipartiment li jieħu ħsieb li l-ħamrija li tiġi skavata minħabba bini, tintefa’ f’postijiet ta’ ħażna? Kemm-il tunnellata ħamrija ntefgħet fuq raba’ qasbija?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tal-Agrikoltura huwa responsabbli li jilqa’ t-talbiet għall-permessi biex ħamrija tiġi trasferita minn post għall-ieħor. Il-permess jinkludi dettalji tal-applikant u tal-kuntrattur, kif ukoll in-numri tar-reġistrazzjoni tat-trakkijiet.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f’kull entità li għaliha hu responsabbli f’festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol u simili mill-2013, sena b’sena, sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar.

Spot checks u spezzjonijiet — xiri u trasport ta’ prodotti ta’ laħam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sistema teżisti fi ħdan ir-responsabilità tal-Ministeru rispettiv, sabiex ikun jista’ jagħmel spot checks u spezzjonijiet oħra relatati ma’ sorveljanza fuq ix-xiri u trasport ta’ prodotti tal-laħam li jaslu f’Malta bil-katamaran jew mezzi ta’ trasport ieħor, sabiex ikun garantit li f’pajjiżna ma jidħlux prodotti li ma jkunux ta’ standard sodisfaċenti għas-sigurtà u s-saħħa tal-konsumatur?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tal-kummerċ intrakomunitarju d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jwettaq spot checks fuq il-post fil-punt tad-dħul jekk ikun hemm suspett ta' xi attività illegali minn, jew permezz, tat-trasportatur li jasal f'Malta bil-katamaran/bastiment għax ma jistax ixekkel il-kummerċ ħieles. Barra minn hekk, flimkien mad-Dipartiment tad-Dwana, jitwettqu spot checks fuq l-affarijiet personali tal-passiġġieri għall-prodotti illegali speċjalment dawk li ġejjin minn pajjiżi fejn hemm imposti restrizzjonijiet sanitarji. Madankollu, jsiru kontrolli regolari fl-istabbilimenti approvati mill-Awtoritajiet Kompetenti ta’ kull Stat Membru (inkluż dan id-Direttorat, f’Malta) fuq għalf, ikel li joriġina mill-annimali, u annimali. Dawn il-kontrolli f’Malta jsiru wkoll fuq stabbilimenti li rċevew dawn il-prodotti, u għandhom l-għan li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa kemm għall-bniedem kif ukoll għall-annimali, u huma verifiki li jitwettqu skont l-evalwazzjoni tar-riskju. Fir-rigward tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, il-kontrolli jsiru fil-Post tal-Ispezzjoni tal-Fruntiera li jinsabu fil-Belt Valletta, Marsaxlokk u l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta. Dawn il-verifiki jitwettqu f'konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti.

Fgura – Triq id-Dejma – landscaping tarroundabout

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6865 dwar landscaping tar-roundabout f’Triq id-Dejma Fgura, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm din ġiet tiswa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur bagħat il-claim għall-pagament ta’ €9,753.60, għax-xogħol ta’ landscaping tar-roundabout fi Triq id-Dejma, Tarxien, fit-18 ta’ Ottubru 2018. Fil-frattemp qed isiru l-verifiki neċessarji mid-Dipartiment sabiex ikun jista’ jinħareġ il-kont finali biex ikun jista’ jsir il-ħlas neċessarju.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – Konsulenti ngaġġati – ismijiet u ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u l-ħlasijiet rispettivi ta’ kull konsulent ingaġġat minn kull entità li għaliha hu responsabbli?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirefferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 1088.

Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi – ħruġ ta’ direttivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu direttivi a tenur tal-Kap. 423 mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi (MRA) mill-2001 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, u jekk inħarġu jista’ jagħti lista b’mod kronoloġiku u jispjega dwar xiex kienet titratta kull waħda minn dawn id-direttivi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nħarġu l-ebda direttivi a tenur tal-Kap. 423 mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi (‘MRA’) mill-1 ta’ Awissu 2015. Rigward il-perjodu 2001 sal-31 ta’ Lulju 2015, l-Onor. Interpellant hu mitlub li jitlob l-informazzjoni lill-Ministeru kkonċernat.

Telgħa ta’ Selmun – żbir ta’ siġar

Question

Jista' l-Ministru jara li s-siġar u l-għeruq tagħhom li hemm fit-Telgħa ta' Selmun direzzjoni lejn il-Mellieħa, issirilhom iż-żabra jew interventi oħra li għandhom bżonn peress li preżentement jistgħu jkunu ta’ riskju għas-sewwieqa li jkunu qed jagħmlu użu mill-istess triq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-22 t’Awwissu sar intervent ta żbir ġewwa t-Telgħa ta’ Selmun fejn inżabru numru ta’ siġar. Dan il-proċess isir bi programm ta’ xogħlijiet li għandu l-ELC għal din iż-żona u taħt d-direzzjoni u superviżjoni tal-MELP (Monitoring Environment Landscape Projects). Rigward is-sigurtà fit-toroq, l-Onor. Interpellant għandu jirefferi l-Mistoqsija lil-Ministeru kkonċernat.

Policies dwar żbir ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux xi policy dwar iż-żbir tas-siġar kemm fir-rigward l-operat tiegħu nnifsu kif ukoll bħala gwida għall-kunsilli lokali ta' Malta u Għawdex, billi spiss jaslu rapporti u jkun hemm min anke kkritika u kkummenta fil-media indipendenti li ħafna drabi ż-żbir isir b'nuqqas t'għaqal?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta l-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi toħroġ permessi għal żbir ta’ siġar protetti skont LS 549.123, din tirrikjedi li dan iż-żbir isir skont prattiċi tajba, fosthom illi jsir fiż-żmien idoneu għaż-żbir u bl-inqas impatt fuq is-siġar inkwistjoni. Sabiex aktar issaħħaħ dawn il-prattiċi, l-Awtorità qiegħda fil-proċess illi toħroġ linji gwida ta’ kif għandhom isiru interventi fuq is-siġar (inkluż iż-żbir). Dan l-abbozz tqiegħed għal konsultazzjoni pubblika li għalqet fis-27 ta’ Settembru 2018 https://era.org.mt/en/Pages/Second-Public-Consultation---Guidelines-on-Works-involving-Trees.aspx u l-Awtoritá ser tippubblika dawn il-linji gwida u ddaħħalhom fis-seħħ f’qasir żmien. L-Awtorità organizzat ukoll laqgħat għal pubbliku f’diversi lokalitajiet ġewwa Malta u Għawdex sabiex tispjega aħjar kemm ir-regolamenti ġodda kif ukoll il-linji gwida. Dawn il-laqgħat ser jiġu organizzati ukoll għal Kunsilli Lokali.