Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — konsulenzi minn persuna
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk xi entità fid-dekasteru tagħha tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ma’ ntalab l-ebda xogħol legali jew konsulenza mingħand il-persuna msemmija jew id-ditta legali tagħha.
Sejħiet għal fondi Ewropej li jiffukaw fuq l-inklużjoni soċjali
Question
Tista’ l-Ministru tindika liema sejħiet għal fondi Ewropej se jkunu qegħdin jiffukaw fuq l-inklużjoni soċjali?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li fi żmien li ġej l-Awtorita’ ta’ Ġestjoni ser tkun qed tiftaħ sejħiet oħra li jindirizzaw l-inklużjoni soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Dawn is-sejħiet li ser ikunu miftuħa għall-imsieħba soċjali w entitajiet non-governativi, ser ikunu qed jilqgħu proposti għall-proġetti żgħar.
Tlettax-il proġett li jammonta għal aktar minn €40 miljun mill-FSE diġa ġew approvati fl-2017.
Fond ieħor li jindirizza l-bżonnijiet bażiċi permezz ta’ distribuzzjoni ta’ l-ikel huwa l-FEAD li għalih hemm allokat €4.6 miljun. Kull sena isiru tliet distribuzzjonijiet lil dawk il-familji eliġibli.
Kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li ngħataw taħriġ li kien iffinanzjat minn fondi Ewropej, u taħt liema programm ingħata?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li għall-programm għall-perjodu 2007-2013 kien hemm ‘l fuq minn 63,000 parteċipant li attendew għal korsijiet differenti taħt il-Fond Soċjali Ewropew kif ukoll taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Dan in-numru jinkludi numru ta’ ħaddiema li attendew għal aktar minn kors wieħed.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — transfers ta' ħaddiema
Question
B’referenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 108, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni għall-perjodu bejn is-6 ta’ Ġunju 2017 u t-12 ta’ Ġunju 2017?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn is-6 ta' Ġunju 2017 u t-12 ta’ Ġunju 2017 ma ngħata l-ebda transfer lill-ħaddiema fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jiffurmaw parti mill-ministeru li mmexxi.
Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet l-aġenda ta’ ħidma tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) matul l-aħħar 12-il xahar u x’riżultati ntlaħqu? Fuq xiex se jkun qed jaħdem il-kunsill fit-12-il xahar li ġejjin? Bl-istess mod, tista’ tgħid x’kienu l-aġendi ta’ ħidma tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex u tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan l-MCESD u x’riżultati ntlaħqu?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Aġenda tal-MCESD tul dawn l-aħħar 12-il xahar kienet tinkludi il-Proposti tal-MCESD għall-Baġit, iz-zieda fil-Paga Minima, l-Att dwar l-Ugwaljanza, il-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali u l-kunċett ta’ Paga Indaqs għal Xogħol Indaqs.
Saret ukoll laqgħa mal-President tal-EESC bi tħejjija għal-laqgħat ta’ matul il-Presidenza fl-ewwel sitt xhur tal-2017, laqgħat dwar il-pjan ta’ ħidma tal-MCESD għal dawn it-tlett snin li ġejjin kif ukoll ħidma dwar il-formulazzjoni ta’ mizuri relatati mal-Baġit 2018 li joħorġu minn proċess ta’ konsultazzjoni fl-MCESD u ġew ipprezentati lill-Ministru għall-Finanzi fl-aħħar ta’ Awwissu 2017.
Fit-tnax-il xahar li ġejjin, l-MCESD se jiffoka fuq numru ta’ suġġetti. Diġà ġew imwaqqfa tlett gruppi tekniċi li qed jaħdmu fuq kwistjonijiet differenti. L-ewwel Grupp ta’ Ħidma qed jittratta l-kompetittività tal-intraprizi zgħar u mikro u jindirizza l-ostakli għalihom biex ikunu jistgħu jespandu. It-tieni grupp ta’ ħidma qed jittratta l-kwistjoni ta’ paga indaqs għal xogħol indaqs biex jiġi zgurat li impjegati fl-istess post tax-xogħol jingħataw paga indaqs. It-tielet grupp ta’ ħidma qed jittratta l-Leave tal-Ġenituri u Mizuri Favur il-Familja. Dan il-grupp ta’ ħidma jmexxi wkoll diskussjonijiet marbuta maż-żieda tal-vaganzi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa mal-ġranet tal-
leave.
Rigward il-ħidma tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex, mill-2016 sal-lum, saru ħmistax-il laqgħa tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex (GRC). L-aġenda ta’ dawn il-laqgħat kient tkopri kwistjonijiet relevanti għal Għawdex, fosthom proposti għall-Baġit 2017, l-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Trasport u l-Master Plan kif ukoll l-involviment t’Għawdex fil-Presidenza tal-UE. Saret ukoll prezentazzjoni u diskussjoni dwar l-izviluppi ekonomiċi u soċjali f’Għawdex inkluzi t-taħdidiet u l-opportunitajiet iffaċċjati mill-gzira reġjun.
Rigward il-ħidma tal-Kumitat għas-Soċjeta Ċivili (KSĊ) fi ħdan l-MCESD, dan iltaqa’ kull tieni Tnejn tax-xahar. Saru sitt laqgħat li fihom ġew diskussi numru ta’ suġġetti fosthom il-faqar, dwar il-paga minima, skemi tal-pensjonijiet, litterizmu finanzjarju, l-ekonomija s-sewda, is-Sigurtà Soċjali, l-ugwaljanza tal-ġeneru, il-COLA u l-kera.
Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea – involviment tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’kien l-involviment tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea?
Response (DALLI, HELENA)
Bejn it-22 u 23 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali organizza f’Malta l-laqgħa annwali tal-Presidenti u s-Segretarji Ġenerali tal-Economic Social Committee (ESCs) nazzjonali tal-UE u tal-European Economic Social Committee (EESC).
Infurmata li għal din il-laqgħa attendew ’l fuq minn 40 parteċipant li rrappreżentaw 16-il ESC nazzjonali. Din il-laqgħa ffukat fuq it-temi tal-ġustizzja, l-inklużjoni u l-effiċjenza fis-swieq tax-xogħol.
Il-parteċipanti kienu mistiedna jaqsmu prattiċi tajba li minnhom ħarġu diversi konklużjonijiet sinifikanti.
Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali — ftehim dwar reviżjoni tal-Paga Minima
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’kien l-involviment tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali fil-kuntest tal-ftehim milħuq dwar ir-reviżjoni tal-Paga Minima nazzjonali?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-rwol tal-MCESD fir-reviżjoni tal-paga minima kien kruċjali biex jiġi stabbilit il-proċess ta’ diskussjonijiet bejn l-imsieħba soċjali u l-partijiet konċernati, bil-għan li titfassal proposta fl-interess ta’ dawk kollha involuti.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — kuntratti u xogħlijiet minn kumpanija/individwu
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lil din il-Kamra rendikont dettaljat tax-xogħol u/jew kuntratti li ngħataw mill-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha, id-ditta legali u l-individwu li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament għall-perjodu bejn l-1998 u l-2013? Tista' telenka liema mix-xogħol u/jew kuntratti ingħataw b'direct order?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol tat xogħol lill-kumpanija kkonċernata bejn l-2007 u l-2012 għall-ammont totali ta’ €112,603.33 (VAT mhux inkluz).
Dan ix-xogħol ingħata wara li nħarġet sejħa pubblika.
Tista’ l-Ministru tgħid fl-aħħar erba’ snin (2013-2017) kemm ġew implimentati proġetti b’fondi Ewropej f’kull wieħed minn dawn l-oqsma:
a) saħħa;
b) edukazzjoni u xogħol;
c) turiżmu;
d) inklużjoni soċjali;
e) sigurtà nazzjonali;
f) kultura u restawr;
g) trasport;
h) żgħażagħ;
i) agrikoltura, biedja u sajd;
j) ambjent;
k) enerġija u ilma; u
l) riċerka u innovazzjoni
Tista’ tgħid kemm kien jammonta l-valur ta’ dawn il-fondi Ewropej f’kull qasam? Tista’ tagħti lista ta’ liema kienu dawn il-proġetti, mil-liema settur ta’ fondi Ewropej u kemm minnhom għandhom rabta ma’ Għawdex? Liema huma l-fondi li qegħdin jibbenefikaw minnhom nies li huma fir-riskju tal-faqar?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-listi ta’ proġetti implimentati matul il-Programming Period 2007/2013. Il-maġġoranza ta’ l-ispiza ġiet ffinalizata bejn l-2013 u l-2015.
Nsemmi wkoll li n-nefqa f’Fondi Ewropej għall-Programming Period 2007/2013 taħt il-Fond Agrikolu Ewropew w skemi oħrajn għall-bdiewa kienet tammonta għal €77,653,355 filwaqt li n-nefqa f’Fondi Ewropej taħt il-Fond Ewropew għas-Sajd għall- Programming Period 2007/2013 kienet ta’ €8,372,329.
Infurmata wkoll li l-ammont nvestit direttament għall-benefiċċju t’Għawdex taħt il-Programming Period 2007/2013 kien ta’ €95 miljun, jiġifieri ħdax fil-mija tal-allokazzjoni globali ta’ Programm Operattiv I u Programme Operattiv II.
Taħt il-Programm Operattiv II tal-Programming Period 2007/2013 ittieħdu zewġ mizuri partikolari biex jiġu ndirizzati dawk in-nies li kienu f’riskju ta’ faqar. Dawn il-mizuri huma l-Garanzija għaz-zgħazagħ (nefqa kienet tammonta għal €3,068,801.69) kif ukoll l-proġett Leap (nefqa kienet tammonta għal €2,222,483.32)
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — sponsorships
Question
B'referenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 78, nixtieq nippreċiża li qiegħed nirreferi għal kull tip ta' sponsorship li taw id-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tiegħu kemm jekk l-isponsorship kien jikkonsisti f'għotja ta’ flus kif ukoll jekk l-isponsorship kien in kind, jiġifieri billi ġie provdut xi servizz b'xejn. Tista’ l-Ministru f'kull każ tgħid taħt liema skema ngħata l-isponsorship, meta saret it-talba għal dan l-isponsorship u min approva f'kull każ l-isponsorship?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017, ma ngħataw ebda tip ta’ sponsorships mid-Dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li mmexxi.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – proċess biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea – impatt
Question
Fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit ser jibda l-proċess biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, tista’ l-Ministru tagħti rendikont dettaljat tax-xogħol li sar fil-Ministeru tagħha u l-entitajiet li jaqgħu taħtha biex jiġi analizzat x’impatt (pożittiv jew negattiv) li dan jista’ jġib miegħu? Jekk dan sar, tista’ tpoġġi l-analiżi rispettiva fuq il-Mejda tal-Kamra?
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – proċess biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea – opportuniatjiet
Question
Fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit ser jibda l-proċess biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-miżuri, il-proġetti jew l-inizjattivi li l-Ministeru tagħha u/jew l-entitajiet li jaqgħu taħtha ser iwettqu biex pajjiżna jkun jista’ jibbenefika minn opportunitajiet li jistgħu jinħolqu?
Kannabis Mediċinali — Awtorità dwar il-Mediċini – dħul f’pajjiżna
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm aġenti tal-mediċina li wrew interess mal-Awtorità dwar il-Mediċini biex idaħħlu fis-suq lokali, mediċina tal-kannabis sintetika jew estratt mill-pjanta?
Definizzjonijiet ta’ “medically assisted procreation” u “prospective parents” fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun u f’Avviż Legali
Question
B’referenza għall-emendi li saru permezz tal-Avviż Legali 156 tal-2017, tista’ l-Ministru tgħid x’kienet ir-raġuni li saru dawn l-emendi biex issa rriżulta li d-definitions ta’ “medically assisted procreation” u ta’ “prospective parents” fl-imsemmi avviż legali huma differenti mid-definitions mogħtija fl-Embryo Protection Act? Tista’ l-Ministru tirrimedja din is-sitwazzjoni biex ma jkunx hemm xi każ ta’ kontestazzjoni ta’ interpretazzjoni fil-Qorti?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li r-raġuni li saru dawn l-emendi huwa biex it-tifsiriet tat-termini “medically assisted procreation” u ta’ “prospective parents” jwasslu biex tingħata l-opportunità lill-koppji ta’ sess differenti u anke dawk tal-istess sess biex igawdu minn leave meta jgħaddu minn dan il-proċess. Id-dritt għal dan il-leave se jingħata kemm jekk l-intervent isir f’Malta kif ukoll barra minn Malta.
Għaldaqstant m’hemmx x’jigi rimedjat anke minħabba l-fatt li jekk isiru xi emendi kif propost mill-Onor. Interpellant, dan iwassal biex ikun hemm sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn koppji ta’ sess differenti u dawk tal-istess sess.
Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – ħruġ ta’ multi amministrattivi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu multi amministrattivi fl-2016 mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għal kontravenzjonijiet tar-regolamenti relatati? Kemm kien l-ammont dovut u l-ammont miġbur mill-Awtorità? X’inhuma r-raġunijiet li teżisti diskrepanza bejn l-ammont dovut u l-ammont miġbur?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li matul is-sena 2016, l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ħarġet 361 multi amministrattivi. L-ammont dovut kien ta’ €142,600 filwaqt li l-ammont miġbur kien ta’ €131,400.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-differenza bejn l-ammont dovut u l-ammont miġbur hija attribwita għal diversi fatturi, fosthom li numru ta’ multi jkunu appellati fil-Qorti. F’dawn il-każi, u meta l-Qorti tikkonferma l-multa, il-ħlas ma jsirx lill-OHSA iżda jinġabar bħala multa pekunarja li tkun imposta mill-Qorti.
Barra minn hekk, persuna ntimata biex tħallas multa tkun tista titlob li tħallas il-multa bin-nifs. Għaldaqstant, dan jista' jwassal biex parti mill-multa titħallas is-sena ta’ wara.
Każijiet ta’ korrimenti u fatalitajiet fuq postijiet tax-xogħol
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu r-rati ta’ korrimenti u fatalitajiet f’postijiet tax-xogħol, sena b’sena bejn l-2013 u l-2016? Liema kienu s-setturi assoċjati mal-ogħla rati ta’ korrimenti?
Response (DALLI, HELENA)
L-informazzjoni mitluba hija skont it-tabella mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:Tabella_PQ 1267_Kazijiet ta' korrimenti u fatalitajiet fuq postijiet ta' xoghol.doc
Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – tneħħija ta’ materjal li jkun fih l-asbestos
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm irċeviet notifiki l-OHSA matul l-2016 għat-tneħħija ta’ materjal li jkun jinkludi l-asbestos? F’kemm-il każ minnhom inħarġet awtorizzazzjoni biex jitneħħa l-materjal perikoluż? Tista’ wkoll tgħid x’passi ħadet l-OHSA biex ikun hawn aktar informazzjoni dwar l-obbligi legali f’dawn is-sitwazzjonijiet, b’mod partikolari biex ikunu protetti l-ħaddiema?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li matul is-sena 2016, l-OHSA rċeviet 30 notifika li kien ser jitneħħa l-asbestos f’siti differenti. Inħarġet awtoriżazzjoni fil-każijiet kollha wara li kienet eżaminata d-dokumentazzjoni sottomessa, li fost affarijiet oħrajn tkun tinkludi l-pjan tax-xogħol dwar kif ikun ser jitneħħa l-asbestos, il-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni għall-ħaddiema, it-taħriġ li jkunu rċevew il-ħaddiema, u r-rapporti ta’ eżamijiet ta’ sorveljanza medika. Apparti l-iskrutinju tad-dokumentazzjoni li tirċievi l-OHSA, l-Uffiċċjali għas-saħħa u s-sigurtà jispezzjonaw il-proġetti ta’ tneħħija tal-asbestos meta tkun inħarġet l-awtoriżazzjani biex isir dan ix-xogħol.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm matul iż-żmien inħarġu diversi linji gwida dwar it-tneħħija ta’ l-asbestos, matul l-2016, l-OHSA ħadmet biex tikkonsolidahom f’dokument wieħed, li jkun jinkludi wkoll l-iktar informazzjoni teknika riċenti u aġġornata dwar is-suġġett, biex ikun faċilitat il-proċess ta’ osservanza tar-regolamenti.
NGOs, kunsilli lokali u entitajiet tal-Gvern li akkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea bl-assistenza tal-MEUSAC
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il NGO, kunsill lokali u entità tal-Gvern irnexxielhom jakkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea bl-assistenza tal-MEUSAC bejn l-2008 u llum? Kemm kien l-ammont totali ta’ fondi li bbenefikaw minnhom?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li bejn is-sena 2008 sal-lum kien hemm 193 NGO li bbenefikaw minn total ta’ €9,812,015 ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea; 119 Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn total ta’ €13,574,000 ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea u 29 Entitajiet tal-Gvern li bbenefikaw minn total ta’ €11,834,306 ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.
It-total ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea li bbenefikaw minnhom NGOs, Kunsilli Lokali u Entitajiet tal-Gvern bl-assistenza tal-MEUSAC jammonta għal €35,220,321.