Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għal Għawdex — impjegati minn ħaddiema ta’ aġenziji tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-Gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023 sal-lum?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 10169.

ORNIS Committee – membri

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8375, jista’ l-Ministru jwieġeb għal mistoqsija u jgħid min huma l-membri li jiffurmaw l-ORNIS u mhux kif dawn jinħatru, u għaldaqstant, jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa bl-isem u l-kunjom ta’ min huma l-membri tal-bord pubbliku tal-ORNIS?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-lista fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex — persuni li għandhom disturbance allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-Ministeru mmexxi minnu, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom disturbance allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9573, ninformah li ma hemmx persuni li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, li huma parti jew jaħdmu mas-Segretarjat.

Kemmuna – Master Plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-Master Plan ta' Kemmuna u jgħid ukoll meta nbeda (sena u xahar) u meta hu ppjanat li jiġi konkluż? Jista’ jgħid fil-konkret x'sar matul is-sena 2022 u fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2023 dwar dan il-Master Plan u kemm intefqu flus matul is-sena 2022 u fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2023 u għal xiex intefqu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet fir-rigward ta’ Kemmuna jsiru minn żmien għal żmien anke flimkien mal-Ministeri rispettivi. Sa issa ma ġie sottomess ebda masterplan imsemmi mal-awtoritajiet.

Għawdex – Triq tal-Lanterna l/o Għasri — xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3808 li ngħatat fit-22 ta' Novembru 2022 dwar Triq tal-Lanterna, limiti tal-Għasri fejn ix-xogħol fuqha beda lejn l-aħħar tas-sena 2020, fejn kien ġie mwieġeb li "x-xogħlijiet mistennija jkunu lesti lejn il-bidu tas-sena d-dieħla", u għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7571 li ngħatat fid-29 ta' Marzu 2023 fejn kien ġie imwieġeb li "x-xogħol fuq din it-triq għadu għaddej b’reviżjoni riċenti tal-pjanti u d-disinni tal-istruttura li tinkludi piling u li ġew ibbażati fuq studji ġeotekniċi li saru fis-sit, dawn ix-xogħlijiet fuq it-triq mistennija jkomplu fil-ġimgħat li ġejjin", jista’ l-Ministru jgħid għala f'dawn l-aħħar ġimgħat u xhur ma tkompla ebda xogħol infrastrutturali u ma kienx hemm makkinarju u ħaddiema f'din it-triq? Jista’ jgħid jekk din it-triq hijiex miftuħa u sigura għall-pubbliku u għall-vetturi li qed jgħaddu minnha? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew jiswew s’issa x-xogħlijiet fuq din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti reviżjonati u d-disinni reviżjonati tal-istruttura li ġew sottomessi lill-Ministeru għal Għawdex ġew analizzati mill-perit tal-Gvern flimkien mal-istess perit tal-kuntrattur li ħarġu bil-pjanti u bid-disinn tal-istrutturi, u mal-perit tal-kuntrattur inkarigat mix-xogħlijiet. Intalbu xi emendi żgħar u ġie stabbilit il-pjan ta’ ħidma. Ix-xogħlijiet mistennija jibdew lejn l-aħħar ta’ Lulju. Il-karozzi jistgħu jaslu sa fejn il-parking ta’ fuq u l-bqija huwa passaġġ bir-riġel. Il-kontijiet marbuta ma' dawn ix-xogħlijiet għadhom qed jinġabru.

Ministeru għal Għawdex – karozzi leased/mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm vetturi ġew leased/mikrija mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Meta ġew leased/mikrija, mingħand min, kemm jiswew kull sena u min jużahom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jirreferi għat-tweġiba numru 5765, tlabt biex jinġabar il-kumplament tal-informazzjoni.

Għawdex – annimali li ttieħdu mingħand sidhom mill-Animal Welfare

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' klieb, qtates u annimali oħrajn (f'dak il-każ jispeċifika x'annimali kienu) li ttieħdu mingħand sidhom ġewwa Għawdex mill-Animal Welfare minn Jannar 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn l-annimali ngħataw lura lil sidhom u x'kienet ir-raġuni li ngħataw lura?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li xogħol l-Animal Welfare Gozo hu li tiġbor qtates u klieb fit-triq li huma mweġġa jew morda, u tagħti kura lil dawn l-annimali. Ma huwiex fir-responsabiltà ta’ Animal Welfare Gozo li tieħu klieb, qtates u annimali oħra mingħand sidhom ġewwa Għawdex.

Rabat, Għawdex – Triq Santa Dminka — xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9071 dwar x’tip ta’ xogħlijiet inbdew fuq parti minn Triq Santa Dminka, fir-Rabat Għawdex, f’dawn l-aħħar ġimgħat, fiex kienu jikkonsistu, x’fadal isir u meta hu ppjanat bejn wieħed u ieħor li jitlesta x-xogħol, fejn ġie imwieġeb "li x-xogħlijiet f’din il-parti tat-triq qed isiru minħabba l-problema tal-għarar. Fil-fatt saret sistema ta’ storm water culverts ġdida u dan sabiex tittaffa l-problema tal-għarar. Barra minn hekk, se jinbidlu wkoll is-servizzi tal-ilma kif ukoll dak tad-drenaġġ. Ma' dawn ix-xogħlijiet se jingħata wkoll wiċċ ġdid lil din l-istess triq fejn qed isiru x-xogħlijiet", jista’ l-Ministru jgħid meta ġiet ippubblikata s-sejħa (tender) biex isiru dawn ix-xogħlijiet kollha li ssemmew u kemm se jiġi jiswa dan ix-xogħol kollu? Jista’ jgħid ukoll meta hu ppjanat bejn wieħed u ieħor li jitlesta x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li s-sejħa pubblika għal-dawn ix-xogħolijiet hija MGOZ/MPU T 7/2018 - Tender for the Construction of a Storm Water Culvert including Reinstatement at Santa Domenika Street, Victoria, Gozo. Ix-xogħol ippjanat li jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Għawdex – water parks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm saru Water Parks ġewwa Għawdex, fejn saru u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll jekk f'din il-leġiżlatura hemmx ippjanati li jsiru Water Parks ġodda ġewwa Għawdex u jekk iva, fejn u kemm hi maħsuba li se tkun l-ispiża?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qatt ma kien hemm water parks f’Għawdex, imma ma neskludix l-opportunità ’l quddiem, anke bħala parti minn proġett akbar.

Bajjiet f’Malta u Għawdex – sand renourishment fil-bajjiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8864, jista' l-Ministru jgħid x'bajjiet ġewwa Għawdex sarilhom is-sand renourishment (ramel fuq ix-xtajta) matul is-snin 2021 u 2022 u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-bajjiet ġewwa Għawdex li se jsirilhom is-sand renourishment qabel u matul is-sajf 2023 u kemm hi stmata li se tkun l-ispiża?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda sand renourishment fl-ebda bajja f’Ghawdex u lanqas hemm pjanat li jsir fl-2023. Madanakolllu bdiet diskussjoni anke ma' Ministeri oħra rigward tali possibilita b’mod partikulari għax-Xlendi.

Wild Birds Regulation Unit – rapporti fuq id-deroga

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti fuq id-deroga li jiġu mħejjija mill-Wild Birds Regulation Unit għad-derogi tal-għasafar tal-għana tal-2021 u tal-2022, u li jkunu ġew preparati biex jiġġustifikaw id-deroga?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ir-rapporti jiffurmaw parti mid-difiża ta’ Malta fil-Każ C-23/23 (Kummissjoni v. Malta) u għaldaqsatant huma dokumenti privileġġati.

Xlendi, Għawdex – tender għall-cruise liners

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16587 tal-Leġiżlatura XIII li ngħatat fid-19 ta' Ottubru 2020, dwar it-tender li kien qed jiġi abbozzat f'Ottubru 2016 għal baga akbar għall-cruise liners fix-Xlendi fejn kien ġie mwieġeb li “it-tender ma kienx ħareġ għal raġuni li ġie deċiż li dan ikun inkorporat bħala parti mill-Master Plan li tiġbor fiha proġett ħolistiku tar-riġenerazzjoni tax-Xlendi”, jista’ l-Ministru jgħid jekk f'dawn is-sentejn u nofs il-Master Plan tax-Xlendi tlestiex? Jekk tlesta, jista’ jqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk is-sejħa għal baga akbar għall-cruise liners fix-Xlendi issa ġietx ippubblikata u jekk intgħażilx min se jagħmel dan ix-xogħol? Meta hu maħsub li din il-baga tkun lesta u meta hu ppjanat li jorbtu magħha l-ewwel cruise liners? Kemm hi l-ispiża totali maħsuba għal dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għal baga tal-cruiseliner għadu ma ġiex ippubblikat u biex jagħmel referenza għal mistoqsija parlamentari numru 3745.

Nadur, Għawdex – Triq ir-Rabat – railings taċ-ċint tal-bankina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu sostitwiti r-railings taċ-ċint tal-bankina ta' Triq ir-Rabat, fin-Nadur Għawdex, li jinsabu eżatt qabel id-daħla tar-raħal tan-Nadur, peress li huma kollha sadid u ta' periklu kbir?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-railings taċ-ċint tal-bankina ta’ Triq ir-Rabat, fin-Nadur se jinbidlu fil-ġimgħat li ġejjin.

Deroga għar-Riċerka fuq l-għasafar tal-għana – liċenzja u kundizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja intera tal-liċenzja u l-kundizzjonijiet permissibili għad-deroga għar-riċerka fuq l-għasafar tal-għana li ngħatat lin-nassaba li applikaw u ngħataw il-liċenzja fil-ħarifa tal-2022?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-liċenzji speċjali għar-riċerka fuq is-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana huma parti mid-difiża ta’ Malta fil-Każ C-23/23 (Kummissjoni v. Malta) u għaldaqsatant huma dokumenti privileġġati.

Għawdex – parks, ġonna u playing fields

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' fejn u kemm hemm parks, ġonna u playing fields li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella ta’ hawn taħt. Ġnien Ċensu Xiberras Ġnien Dawwara Nursery Ġnien Ulysses Grove Ġnien Ġnien ta’ Tliet Għoljiet Ġnien/Playing Field Villa Rundle Ġnien Qortin T’Isopu Ġnien

Għajnsielem – Dar tal-Anzjani San Ġużepp – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-data (xahar u sena) ta’ meta d-Dar tal-Anzjani San Ġużepp, fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem, se tiġi inawgurata u tilqa' fiha l-ewwel anzjani, peress li x-xogħol fuq din id-dar issa ilu li nbeda aktar minn tmien snin u nofs imma għadha fi stat ta’ ġebel u saqaf? Jista’ jgħid kemm ser tkun qed tieħu anzjani din id-dar? Jista’ jgħid ukoll jekk il-kuntratt mal-offerent preferut ġiex iffirmat u jekk iva meta ġie ffirmat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dar ta’ San Ġużepp fi Triq l-Imġarr Għajsielem, se tibda tilqa' l-ewwel anzjani fil-bidu tas-sena d-dieħla. Il-kuntratt għadu ma ġiex iffirmat però mistenni jkun iffirmat u jitħabbar dan pubblikament fil-ġimgħat li ġejjin.

Servizz ta’ ġardinar u handyman

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm anzjani jibbenefikaw minn ġardinar u handyman fid-djar tagħhom mill-Gvern? Kemm hi l-waiting list (f’tul ta' żmien) biex jingħataw dawn is-servizzi fid-djar mill-Gvern lill-anzjani f'Għawdex? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent kemm hemm ħaddiema impjegati mal-Ministeru li qed jagħtu s-servizz ta' ġardinar u ta' handyman fid-djar mill-Gvern lill-anzjani f’Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-każ taż-żewġ servizzi li qed jingħataw b’xejn lill-anzjani tagħna, l-informazzjoni relatata hi kif indikata: ĠARDINAR: Minn Jannar sal-lum kien hemm 170 residenza li bbenefikat mis-servizz, b’uħud minn dawn kienu applikanti li ħadu s-servizz qabel. Attwalment hemm 66 applikazzjoni pendenti għas-servizz, bi ftit minnhom li jridu jerġgħu jibbenefikaw għat-tieni jew it-tielet darba. Is-servizz qed jingħata minn 3 Social Assistants impjegati mal-kuntrattur. HANDYMAN: Minn Jannar sal-lum kien hemm 55 anzjan li bbenefikaw mis-servizz tal-handyman fid-dar u m'hemm l-ebda lista ta’ stennija għas-servizz, anke għax dan jingħata fl-iqsar ħin possibbli. Is-servizz ukoll qed jingħata minn Social Assistant impjegat mal-kuntrattur.

Ministeru għal Għawdex — persuni li għandhom mobile allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-Ministeru mmexxi minnu, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom mobile allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9554, ninformah li hemm 9 persuni li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti jew jaħdmu mas-Segretarjat tiegħi.

Għaqdiet tal-kaċċa – allokazzjoni ta’ fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-għaqdiet tal-kaċċa li bbenefikaw mill-fondi allokati mill-Baġit tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u dak għal Għawdex meta l-kaċċa kienet taqa' taħt il-Ministeru għall-Ambjent? Jista’ jgħid liema huma dawn l-għaqdiet li bbenefikaw u kemm ingħataw flus mill-baġit allokat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li xieraq li jinnota li l-għan tal-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi mhuwiex limitat għal għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet tal-kaċċa, iżda joffri għajnuna finanzjarja lill-NGOs kollha li jaħdmu fl-oqsma kollha relatati mal-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Mill-2020, it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) saret parti mill-Ministeru għal Għawdex u l-fondi li ngħataw taħt is-sejħa ta’ dan il-Fond fl-2021 ħarġu mil-baġit tiegħu. Is-sejħa għal applikazzjonijiet għal għajnuna finanzjara minn dan il-Fond toħroġ kull sentejn u l-ammont totali allokat minn dan il-Fond għal kull sejħa huwa ta’ €100,000. Il-fondi li nħarġu lill-għaqdiet tal-kaċċa minn meta beda dan il-fond jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex – allokazzjoni ta’ fondi għad-delizzju tal-kaċċa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-flus allokati għad-delizzju tal-kaċċa taħt il-Ministeru għal Għawdex minn stima ta' €10,000 fl-2019, din telgħet għal dik ta' €40,000? Jista’ jgħid kif intnefqu dawn il-flus allokati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Il-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi li mill-2020 qed jiġi amministrat mill-Ministeru għal Għawdex, jagħti għajnuna finanzjarja sa massimu ta' €100,000, lill-għaqdiet mhux governattivi, li jkunu konformi mal-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (Kap. 492), sabiex ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet, proġetti, programmi u skemi relatati mal-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Ta’ min jinnota li l-għan tal-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi mhuwiex limitat għal għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet tal-kaċċa, iżda joffri għajnuna finanzjarja lill-NGOs kollha li jaħdmu fl-oqsma kollha relatati mal-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Taħt dan il-fond, fl-2021 ġew approvati total ta’ €83,504 għall-proġetti li jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.