Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' patent li ġew irreġistrati f'Malta fl-2010? Kemm kien in-numru ta' trade marks irreġistrati fl-2010?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2010 ġew irreġistrati 22 patent u 697 trademark. Patents ewropej li ġew validati u aċċettati f’Malta mattul 2010 ammontaw għal 161.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta' fabbriki li huma amministrati mill-Ministeru? Fejn jinsabu dawn il-fabbriki? Kemm minnhom mhux qed jiġu użati (mhumiex mikrija) u fejn jinsabu? Kemm hu l-area ta' dawn il-fabbriki?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'qed iżżomm lill-Ministeru milli jkompli bil-proċess mibdi numru ta' snin ilu, biex fl-inħawi tal-Mellieħa jinbena spazju industrijali li għalih kienu diġà saru l-pjanti u l-applikazzjonijiet kienu ġew sottomessi lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Billi ftit tax-xhur ilu l-istess awtorità kienet qed tistenna xi informazzjoni mingħand il-gvern, jista' jagħti tagħrif dwar jekk din l-informazzjoni ngħatatx jew le? Jekk għadha ma ngħatatx, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'qed iżżom milli din issir?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi wara ri-evalwazzjoni tal-bini ta’ żona industrijali fil-Mellieħa, ġie deċiż li tinħareg sejħa għall-offerti waħda ta' ‘Design, Build & Operate’ għal proċess effiċjenti ta’ implimentazzjoni. Dan mistenni jseħħ fix-xhur li ġejjin. B’riżultat ta’ dan, l-applikazzjoni kurrenti mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tkun tista tiġi ri-attivata jew issir waħda ġdida skont kif ikun jixtieq l-applikant. Sadanittant, saret rikjesta sabiex l-art li fuqha ser isir l-iżvilupp tiġi trasferita lill-Malta Industrial Parks Ltd.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu l-ammont ta' ilma li qed jgħaddi mill-impjanti, wieħed wieħed, għat-tisfija tad-drenaġġ? F'kull każ, x'użu qed isir minn dan l-ilma? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hix infurmata dwar l-impjanti privati għat-tisfija tad-drenaġġ? Jekk iva, fejn jinsabu dawn l-impjanti privati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21432 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi arranġamenti biex ordnijiet reliġjużi, minflok iħallsu l-bolla tas-sigurtà soċjali għall-membri kollha, l-ordni tħallas għal numru maqbul ta' membri ta' dik l-ordni? Jekk iva, f'każ li membru tal-ordni jispiċċa minn dik l-ordni, xi drittijiet ikollu f'dak li jikkonċerna pensjoni jew ħlasijiet oħra li joħorġu mill-ħlas tal-bolla?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi rigward il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali, r-responsabbiltà tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni hija limitata biss għall-ġbir u l-infurzar tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet tal-Gvern li jipprivatizza d-diviżjoni tal-Petroleum tal-Korporazzjoni Enemalta? Jekk dan il-proċess għadu ma giex fi tmiemu, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx data ta’ meta huwa maħsub li jigi fi tmiemu? X’se jigri mill-ħaddiema li jaħdmu f’din id-diviżjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-negozjati għadhom għaddejin. Mhux fil-bogħod dawn in-negozjati għandhom ikunu konklużi. Kif jintlaħaq dan il-ftehim il-ħaddiema tal-petroleum operations tal-Enemalta għandhom jiġu trasferiti lill-konċessjonarju mal-operat.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' armla li, d-dettalji qed jingħataw separatament, li din għandha xi kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma ta' €276.56 u li meta r-raġel tagħha kien ħaj qalulu biex ma jħallas xejn peress li kellu vouchers ta' €24.10, €80.32, €80.04, u €24.19 u issa rċeviet kont ieħor ta' €268.04? Jista' jagħti rendikont ta' x'għandha tagħti eżatt meta tnaqqas il-vouchers li ammontaw għal madwar €208?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ngħatat lill-Arms Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.
Dipartiment tal-Artijiet — appell kontra s-sentenza
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għala d-Dipartiment tal-Artijiet għażel li ma jappellax kontra s-sentenza tal-Qorti mogħtija fil-15 ta' Lulju 2010, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, meta din kienet tirrigwarda proprjetà pubblika li ntilfet?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kuntrarjament għal dak li qiegħed jiġi assunt mill-Onorevoli Membru li ressaq din il-Mistoqsija Parlamentari, fejn qiegħed jintqal li l-proprjetà in kwistjoni kienet proprjetà pubblika, d-deċiżjoni tal-prim awla tal-Qorti Ċivili kienet li din il-proprjetà fil-fatt kienet ta’ individwi privati. Il-proprjetà in kwistjoni fil-fatt kienet struttura żgħira fuq il-foreshore, u l-partikolarijiet tal-każ kienu tali li minħabba fihom id-Dipartiment tal-Artijiet ma ħassx il-ħtieġa li jappella, anki minħabba nuqqas ta’ provi u nformazzjoni konkreta dwar it-titolu fuq din l-art.
Jista' l-Ministru jara li l-Arms Ltd tiċċekja kont tad-dawl u ilma, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament minħabba li mill-4 ta' Diċembru 2010 sat-28 ta' Jannar 2011 kont ta' xahar f'post li ma jintuzax ġie jammonta għal €777.73? Jista' dan il-kont jiġi verifikat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ngħatat lill-Arms Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-għażla għal Manager fil-Business Service Centre Gozo mal-Malta Enterprise kienx hemm xi kriterju/i kritiċi li jimpinġi/u fuq l-għażla tal-applikant? Jekk fl-affermattiv, x’kien /u dan/dawn il-kriterju/i?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà rrispondejt numru ta' mistoqsijiet parlamentari fuq is-suġġett b'mod
eżawst, liema mistoqsijiet parlamentari għamilhom hu stess. Nemmen li s-suġġett ġie trattat biżżejjed u nemmen li l-proċess tal-għażla kien wieħed trasparenti u li l-bord tal-għażla għamel l-għażliet tiegħu kif mistħoqq. Jekk hemm xi kandidat li għandu xi dubju fuq il-proċess, ikun tajjeb jekk l-Onorevoli Interpellant jidderiġih lejn l-istituzjonijiet li jeżistu apposta għal dan il-għan. Aktar min hekk ma naħsibx li hemm lok ta' aktar risposti fuq is-suġġett.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24223 u jgħid kemm hemm nies li kienu jaħdmu mal-Air Malta jew Malta International Airport mis-sena 2010 sal-lum? Kemm marru ħaddiema on loan ma' postijiet oħra? Fejn marru u xi grad kellhom?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24557.
Jista' l-Ministru jgħid bejn l-2008 u l-2010 kemm twaqqfu kumpaniji ġodda tal-ICT f’Malta u f’Għawdex rispettivament, sena b’sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni għas-sena 2010 għadha mhix miġbura.
Ministeru tal-Finanzi. l-Ekonomija u Investiment — servizz ta' mobile phone
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li matul l-2010 ntnefqet għall-użu ta' servizzi tal-mobile phone mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu? Kemm kien in-numru ta' mobile phones in kwestjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li f''Jannar 2011 Standard & Poor's waqqgħu r-rating tal-Korporazzjoni Enemalta għal 'BB' minn 'BB+', jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li semmew S&P biex jiġġustifikaw dan? Dan id-downgrading tar-rating se jkollu xi effett fuq interessi li qed tħallas bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta? Jekk iva, jista' jgħid kemm se tkun din id-differenza? L-aħħar financial statements tal-Korporazzjoni Enemalta kienu dawk għas-sena 2008. X'inhi r-raġuni li għadhom ma ġewx maħduma u ppubblikati l-financial statements għas-sena 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fost ir-raġunijiet prinċipali msemmija mill-aġenzija, din tindika n-nuqqas u għalhekk il-ħtieġa ta’ arranġamenti aktar b’saħħithom, fir-rigward tal-istabbilità finanzjarja tal-kumpanija.
Ir-raġuni prinċipali li rriżultat f’din is-sitwazzjoni, skont Standard and Poor’s, kien li fil-passat, it-tariffi tal-Enemalta ma kienux jirriflettu l-varjazzjonijiet li kien hemm fit-tibdil tal-ispejjez tal-Enemalta għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, inkluż iż-żiediet kolla fil-prezz taż-żejt, li minkejja s-sussidji diretti tal-Gvern ma kienux biżżejjed biex ikopru iż-żieda ogħla fil-fuel f'dawn l-aħħar snin.
Nuqqas importanti, u li jirreferu għalih Standards and Poor’s, hu l-fatt li l-istrutturi tat-tariffi fil-passat ma' kienux jirriflettu l-invesitment kapitali li sar fis-snin preċedenti.
Għaldaqstant, l-Enemalta spiċċat tirreġistra telf kbir, ssarraf f’dejn akbar għall-Korporazzjoni, li ma kienx sostenibbli. Din il-problema ġiet indirizzata bit-tibdil fil-metodu ta’ kif jinħadmu t-tariffi billi llum it-tariffi huma maħduma fuq formola stabbilita u approvata mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, u li tinkorpora l-ispejjeż relatati mal-produzzjoni tal-elettriku u l-hekk imsejjaħ ROCE (
Return on Capital Employed
) li hu meħtieġ biex il-Korporazzjoni tirkupra fuq numru ta' snin l-investiment li jkun sar.
Il-Korporazzjoni Enemalta qiegħda taħdem fuq pjan fit-tul għar-rifinanzjament tad-djun tagħha. Il-ħsieb wara dan il-pjan huwa li jpoġġi lill-Enemalta fuq sisien finanzjarji aktar sodi u sostenibbli, u b'hekk tkun tista’ tkompli taqdi l-funzjoni tagħha li hija tant vitali għall-ekonomija tal-pajjiż.
Kif ġie nnutat mill-istess rapport, ħafna mix-xogħol għal dan il-pjan twettaq u l-ħsieb tal-Gvern hu li fil-futur qrib jgħaddi għat-twettieq ta’ dan il-pjan.
Fl-istess waqt, il-Korporazzjoni waslet sabiex taġġorna u tkun regolari fl-irrapportar finanzjarju tagħha. Dan għandu jgħin is-sostenibbilità finanzjarja tal-Enemalta. Il-Gvern kommess li jkompli jaħdem biex itejjeb l-effiċjenza tal-Korporazzjoni u jnaqqas l-infiq għal dak li huwa essenzjalment bżonnjuż sabiex ikun f’pożizzjoni li jnaqqas il-piżijiet li mhumiex bżonnjużi.
L-istess waqt, ir-rapport ta’ Standard and Poor’s juri kemm il-proposti tal-Oppożizzjoni li jitnaqqas ir-ROCE mill-kontijiet, liema ammont jirrappreżenta l-irkupru fuq l-investiment, iwassal biss għal diffikultajiet kbar għall-istess korporazzjoni li jinkludi diffikultajiet akbar biex tiffinanzja l-investiment fl-estensjoni tal-
Power Station
u l-
Interconnector
għall-Sqallija tant meħtieġa għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż.
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa difficli li tagħti valur ta’ kemm ser tiswa
downgrading
għax f’dan l-istadju ma kienx hemm effetti sinifikanti. Madankollu jistgħu jimmaterjalizzaw aktar il-quddiem.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-
Audited Accounts
għas-sena 2009 qegħdin fil-fażi finali biex jingħalqu, u ser jiġu diskussi f’din il-Kamra sa l-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena.
Fir-rigward ta’ l-
Audit
għas-sena 2010 għandu jiġi ffinalizzat sal-aħħar ta’ din is-sena.
Business Service Centre mal-Malta Enterprise — kwalifiki u għarfien
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24386, jista' l-Ministru jgħid l-applikant/a li ġie/t l-ewwel fl-intervista għall-post ta' manager fil-Business Service Centre (Għawdex) mal-Malta Enterprise xi (i) kwalifiki, (ii) għarfien tal-qasam speċifiku u (iii) esperjenza ta’ xogħol għandu/għandha?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-applikant/a li ġie/t l-ewwel fl-intervista għall-post ta' manager fil-Business Service Centre (Għawdex) mal-Malta Enterprise għandu/għandha kwalifiki, għarfien u esperjenza kif muri hawn taħt:
(i) Kwalifiki: M.A. Diplomatic Studies, B.A. (Hons) European Studies, B.A. Legal and Humanistic Studies
(ii) Għarfien tal-qasam speċifiku: il-kandidat/a uriet/wera għarfien ta’ kif għandu jopera Business Service Centre
(iii) Esperjenza ta’ xogħol: sena fis-servizz bankarju; 11-il xahar bħala Projects Officer/Projects Leader fuq progetti ta l-EU; 4 snin fil-
management
fis-settur tas-servizzi
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — nisa fuq bordijiet
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet ta' nisa f'bordijiet, kumitati u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu? Jista' jindika n-numru totali ta' membri li kull wieħed minn dawn il-bordijiet, kumitati u entitajiet għandu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.
Victoria, Għawdex — Pjazza San Ġorġ - bejgħ ta' ħwienet tal-gvern
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24558, jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija u jgħid jekk l-art kenitx ġiet esproprijata għal skop pubbliku?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-art ġiet esproprijata għal skop pubbliku. Peress li l-inkwilini u/jew s-sidien oriġinali kellhom propjetà fejn saret din espropjazzjoni, u din il-propjetà kienet twaqqgħet snin ilu dawn kienu ġew mogħtija l-kirja ta’ dawn il-ħwienet bħala alternattiva. Bħal f’ħafna każijiet oħra matul is-snin dawn talbu li jixtru l-propjetà li huma qed jikru u hekk qed isir permezz ta’ sejħa puibblika.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' arloġġi tad-dawl li mal-Korporazzjoni Enemalta huma reġistrati li jservu għall-biedja, separatament għall-farms u rziezet oħra tal-annimali u kemm għal serrer u faċilitajiet agrikoli oħra? Fejn jinsabu, lokalità lokalità?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ARMS Ltd., għandha rreġistrati fis-sistema tagħha, 865 arloġġ tad-dawl li huma kkategorizzati taħt l-iskema farms.
B’rigward għad-dettalji l-oħra mitluba fl-istess mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema ma tistax tiprovdi dak it-tip ta’ informazzjoni taħt dawk il-kriterji.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm preżentement talbiet pendenti għall-istallazzjoni tal-elettriku quddiem il-Korporazzjoni Enemalta? Jista' jgħid fejn jinsabu dawn l-applikazzjonijiet pendenti, lokalità lokalità?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra juru l-ammont ta’ talbiet preżentament pendenti għall-istallazzjoni tal-elettriku f’Malta u Għawdex rispettivament. Dawn iċ-ċifri huma biss l-applikazzjonijiet li bħalissa għandha l-korporazzjoni u ma ġewx proċessati fis-sistema tas-SAP. Hemm numru sostanzjali ta’ applikazzjonijiet oħra li qegħdin fis-sistema tas-SAP, u fosthom hemm ukoll applikazzjonijiet ta’ tibdil ta’ meters u ta’ tneħħija ta’ meters. Apparti l-applikazzjonijiet għal stallazzjoni tal-elettriku, minħabba d-direttivi tal-GWU li għaddejjin fl-Enemalta, il-korporazzjoni ma tistax tagħti n-numru eżatt ta’ dawn l-applikazzjonijiet qabel ma titneħħa din id-direttiva.