Jista' l-Ministru jispjega fuq liema kriterji qed jiġi apporvat il-flexitime lill-ħaddiema fil-fergħa tar-riżorsi umani fil-Furjana? Jista' jgħid wara li f'Ottubru li għadda dawn talbu li jaħdmu sigħat flessibli, liema talba ntlaqgħet mid-direttur u dawn daħlu għal xi impenji skond kif kien jippermetti l-ħin ta' xogħolhom, din il-faċilità ta' flexitime ġiet mitmuma ħesrem għad-dannu finanzjarju u psikoloġiku ta' dawn il-ħaddiema?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li fil-fergħa tar-riżorsi umani fil-Furjana ma ġie rtirat l-ebda flexitime.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 3982 u jinfurmani jekk hemmx xi użuri biex ir-raħħala jtaffu l-ispejjeż enormi li llum għandhom biex ikabbru l-għoġġiela u dan sabiex ikun evitat kemm piż fuq ir-raħħala kif ukoll moħqrija fuq l-għoġġiela?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li matul l-2007, Malta adottat l-iskema tal-Pagament Uniku. Permezz ta’ din l-iskema r-raħħala jingħataw għajnuniet permezz ta’ intitolamenti. Dawn l-intitolamenti huma kkalkulati għal dawk il-bdiewa li applikaw fl-2007 fuq is-snin ta’ referenza li għall-Malta huma 2004-2006. Din l-għajnuna ma tingħatax lir-raħħala li daħlu jew ser jidħlu fis-settur wara l-2007.
Dawn l-għajnuniet jingħataw bil-kundizzjoni li jiġi rrispettat il-ħarsien ta’ l-annimali, fosthom il-ħarsien ta’ l-għoġġiela.
B'referenza għar-risposta li ngħatajt għal mistoqsija parlamentari 140, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Works Division ħawwilx siġar u għamilx il-ħidma ta' tindif f'Wied il-Għasel, speċjalment fl-inħawi ta' taħt il-pont fl-inħawi tal-Kappella tal-Isperanza, il-pont ta' Triq il-Kostituzzjoni u l-pont il-kbir li hemm f'tarf ta' Triq il-Fortizza?
Qrendi, Mqabba, Żurriq, Ħal SAfi u Kirkop — rural trails li jesponu s-siti storiċi w arkejoloġiċi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li mill-fondi tal-iżvillup rurali, jitwaqqfu rural trails li jesponu s-siti storiċi w arkejoloġiċi fl-inħawi ta' Qrendi, Mqabba, Żurrieq , Safi u Kirkop li jattiraw turisti li jħobbu jimxu u li għandhom interess fl-operi storiċi bħall-Knisja ta' Ħal Millieri, it-torri puniku , ix-xarolla , it-tempji, w oħrajn fir-reġjun tax-Xlokk ta' Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li miżura 313 tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2007 - 2013 fost l-oħrajn taħseb għall-investimenti u progetti ta’ dan it-tip. Fil-fatt waħda mill-azzjonijiet maħsuba hija li jiġu stabbiliti trails li jorbtu siti ta’ valur turistiku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġetti li d-dipartiment minnu rappreżentat u li kien kommess li jwettaq fir-reġjun tax-Xlokk ta' Malta u li kien saħansitra beda jwettaq taħt it-tmexxija tal-eks Ministru Ninu Zammit, hux ser jitkomplew ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob l-Onor Membru jindika għal liema proġetti qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dawr jekk il-Ministeru rċeviex xi talba biex il-bdiewa fl-inħawi tal-Qammieħ, il-Mellieħa, jingħataw kumpens minħabba xi prodotti li setgħu tilfu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat lid-dipartiment għamel stima tal-prodotti f’dawn l-inħawi wara talba mid-Dipartiment tas-Saħħa pubblika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata karti nġabru għar-riċiklaġġ matul is-sena 2008? Kemm jaħseb li din iċ-ċifra tista' titla' matul is-sena 2009? Kif sejjer jara li din iċ-ċifra tintlaħaq?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li l-informazzjoni li nista’ nagħti tirrigwarda biss dik miżmuma mill-WasteServ, u ma tirriflettix l-ammont miġbur minn entitajiet oħra.
Jien infurmat li minn Jannar sa Ottubru 2008 inġabru 4,441.53 tunnellata ta’ karti u kartun. Huwa proġettat li sa l-aħħar tas-sena jkunu nġabru madwar 5,500 tunnellata.
Il-Gvern huwa mpenjat li fis-sena 2009 jilħaq it-
targets
skond l-obbligi tad-direttiva. Għalhekk il-Gvern qed jinkoraġġixxi li jibdew joperaw l-iskemi għal ġbir ta’ materjal riċiklabbli biex flimkien mal-WasteServ ikunu jistgħu jintlaħqu u jinqabżu dawn l-ammonti.
Għal statistika fuq bażi nazzjonali nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata batteriji li jintużaw għal skop domestiku nġabru matul is-sena 2007 u 2008? X'qiegħed isir minn dawn il-batteriji użati u kemm qed tiġi tiswa lill-poplu din l-attività jiġifieri biex jinġabru u jintbagħtu fid-destinazzjoni tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-ammont ta’ batteriji wżati li nġabru fl-2007 kien ta’ 9.49 tunnellati u fl-2008 kien ta’ 10.82 tunellati.
Il-ġbir tal-batteriji mill-kunsilli lokali, skejjel u ħwienet tiswa’ madwar €1160 fix-xahar. Il-batteriji kollha li jinġabru jintiżnu, jinqasmu f’tipi differenti u jinħażnu sakemm jkun hemm kwantità biżżejjed biex jiġu esportati.
Tajjeb wieħed jgħid ukoll li bejn is-snin 2005 u 2006 ġew esportati 100 tunnellata ta’ batteriji wżati li kienu inġabru matul numru ta’ snin. Din l-attivita swiet €186,000.
Jista' l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li kontra kull direttiva ta' uffiċjali għolja fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u kontra kull prassi, l-iskuna Spanjola li nstabet ħatja ġiet mogħtija lura l-qabda tal-ħut?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4182 u jgħid x'tip ta' moniteraġġ qed jiġi esegwit fuq l-emmissjonijiet fl-arja u skart iġġenerat fl-inċineratur tal-Marsa? X'inhuma l-kundizzjonijiet għal moniteraġġ kif stipulat mill-Awtorità għall-Ippjanar u l-Ambjent għal din il-faċilità? Qegħdin jiġu rrekordjati? Qiegħed jiġi esegwit moniteraġġ indipendenti f'din il-faċilità? Ir-riżultati huma konformi mal-livell stabbiliti ta' l-Unjoni Ewropea fuq l-inċineratur?
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-operat tal-impjant tar-riċiklaġġ ta' l-iskart ta' Wied il-Għajn sejjer ikun moniterat indipendentament għall-emissjonijiet fl-arja?
Dawn l-impjanti se jkunu joperaw taħt il-permess tal-IPPC (Integrated Pollution Prevention and Control)? Hemm xi pjan biex l-operat ta' dawn l-impjanti jiġi vverifikat taħt l-eco management u Audit Scheme?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-Impjant huwa mgħammar b’apparat li jkejjel u jipproċessa l-valuri ta’ l-emissjonijiet miċ-ċumnija. Il-moniteraġġ qed jiġi kontinwament aġġustat sa ma jibda jopera b’sistema awtomatika hekk kif l-impjant ikun ikkummisjonat biex jieħu t-tipi ta’ skart kollu li ser jiġi pproċessat fiħ. Dan il-moniteraġġ jifforma parti mill-kundizzjonijiet mogħtija fil-permess ta’ l-IPPCli jobbliga l-operatur li jirrikordja dawn l-emissjonijiet darbtejn fis-sena.. Għal dan il-moniteraġġ indipendenti qed tinġieb kumpanija apposta li tieħu s-samples neċessarji u tanalizzahom fil-laboratorju tagħha. Ir-riżultati ta’ testijiet li saru bejn April u Ġunju ta’ din is-sena kif ukoll dawk li saru f’Ottubru li għadda jidhru fuq il-website tal-WasteServ u huma konformi mal-livelli stabbiliti ta’ l-Unjoni Ewropea.
L-operat tal-impjant tar-riċiklaġġ ta' l-iskart ta' Wied il-Għajn se jirrispetta l-kriterji kollha neċessarji kif stabbiliti mill-MEPA, l-awtorità responsabbli għall-ħruġ tal-permess għall-operat.
L-inċineratur huwa kopert bil-permess ta’ IPPC numru IP 0004/07. Il-MEPA obligat lill-WasteServ biex timplimenta ISO9001 u eventwalment timplimenta l-EMAS. Dan ġie stabbilit fil-permess ta’ l-IPPC. L-impjant ta’ Sant’Antnin f’wied il-Għajn m’huwiex suġġett għall-IPPC.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 138 f'seduta 6 tal-20 ta' Mejju 2008, jista' l-Ministru jgħid meta x-xogħol ta' restawr fuq iż-żuntier tal-Knisja tal-Mosta li skond risposta mogħtija, kien qed jiġi kkunsidrat fil-programm ta' xogħlijiet tad-divizjoni, huwa mistenni li jsir?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-pjanti u l-istimi għat-tisbiħ taz-zuntier inkluż ir-restawr jew tibdil tal-balavostrar mad-dawra taz-zuntier saru.
Dan ix-xogħol għadu qed jiġi kkunsidrat fil-programm tax-xogħlijiet tad-Diviżjoni.
Furjana — riabilitazjoni tal-Pjazza Papa Gwanni XXIII
Question
Issa li l-ambaxxata Amerikana ser tasal biex titlaq mill-Furjana, jista' l-Ministru jgħid meta tista' tiġi riabilitata Pjazza Papa Ġwanni XXIII fil-Furjana minħabba l-prominenza tal-pożizzjoni tagħha f 'pajjiżna billi:
a) l-arbli tad-dawl jersqu aktar viċin tal-monument tal-Gran Mastru Manuel De Vilhena?
b) is-siġar tal-madwar jiġu rranġati f'disinn kif jixraq?
ċ) jitranġaw il-bankijiet?
d) il-fosos jiżżejnu bil-fjuri?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Is-suġġerimenti tal-Onorevoli Membru se jiġu kkunsidrati għall-programm ta’ xogħlijiet.
Furjana — Triq ir-Republika l-Belt u Triq Sant' Anna - riabilitazzjoni ta' loġoġ
Question
Peress li l-loġoġ fi Triq ir-Repubblika l-Belt u fi Triq Sant' Anna Furjana huma f'post prominenti f'pajjiżna, jista' l-Ministru jara li jingħataw facelift b'mod partikolari fil-partijiet ta' ġewwa partikolarment fir-rigward ta' tibjid ta' ħitan u tibdil ta' madum billi jintuża materjal isbaħ bħall-irħam biex jixraq?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet m'għandha l-ebda pjanijiet ta' xogħol fl-imsemmi sit għal matul l-2009.
Jista' l-Ministru jgħid hux se jħabbar il-bandu tal-Local Action Group u kemm jaħseb li jista' jkun hemm LAGs f'Malta u f'Għawdex ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-miżuri li jippermettu li l-Local Action Groups jħejju strateġija fuq bażi reġjonali u jimplimentawha ħa jiġu mnedija f’qasir żmien. Skond il-programm ta’ Żvilupp Rurali hemm il-possibilità li jiġu rikonnoxxuti tlett LAG’s, waħda f’Għawdex u tnejn f’Malta.
Jista' l-Ministru jgħid hix l-intenzjoni tiegħu li jorganizza korsijiet għal dawk il-persuni li huma interessati jitrawmu fil-mestjier tal-apikultura fin-naħa tax-Xlokk ta' Malta ? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk dawn il-korsijiet humiex ser jigu organizzati f’forma ta' joint venture mal-kunsilli lokali jew inkella ma' xi NGOs?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat lit-Taqsima ta’ l-apikultura ma torganizzax korsijiet għal dawk li huma interessati jitrawmu fil-mestjier tal-apikultura għalkemm kontinwament tgħin u tiggwida lil dawk kollha diġà nvoluti f’dan is-settur. Korsijiet jiġu organizzati ta’ kull sena minn entitajiet oħra fosthom l-MCAST.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru rċeviex talbiet minn bdiewa għal xi kumpens minħabba li fil-ġimgħat li għaddew saritilhom ħsara bil-maltemp u s-silġ? Jekk iva, kemm kien in-numru ta' talbiet u minn liema lokalitajiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li ma saret ebda talba formali f’dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-liftime ta' flixkun tal-plastik? Kemm-il flixkun tal-plastik qiegħed jiġi mibjugħ fis-suq lokali kull sena? Kemm-il flixkun tal-plastik inbiegħu mimlija ilma, luminata, xampu, ħasil tal-platti, ħasil tal-ħwejjeġ u ħasil ta' l-art matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008? Kemm minn dawn il-fliexken huwa kkalkolat li nġabru lura? Jekk huwiex il-ħsieb li ssir eko kontribuzzjoni fuq dawn wkoll?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li l-informazzjoni li nista’ nagħti tirrigwarda biss dik miżmuma mill-WasteServ, u ma tirriflettix l-ammont miġbur minn entitajiet oħra.
Jien infurmat li matul is-snin imsemmija l-ammont ta’ plastik miġbur mill-WasteServ kien kif ġej:
2005 328.33 tunellati
2006 487.65 tunellati
2007 676.67 tunellati
2008 1,749.00 tunellati
Jien infurmat ukoll li ma tinżammx informazzjoni dwar il-
lifetime
ta’ flixkun tal-plastik. Hu stmat li l-ammont ta’ fliexken li jintużaw għal-xampu, ħasil tal-platti, ħasil tal-ħwejjeġ u ħasil ta’ l-art jammonta għal dawn il-figuri:
2005 45.6 tunnellati
2006 67.3 tunnellati
2007 93.4 tunnellati
2008 242.0 tunnellati
Jien infurmat li l-prodotti kollha msemmijin fil-mistoqsija diġà għandhom eko kontribuzzjoni fuqhom.
Nitlob l-Onor Membru biex għal statistika fuq bażi nazzjonali jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-tunnellaġġ ta' animal waste li ġie inċinerat fil-biċċerija tal-Marsa matul din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena fl-incineratur il-gdid fil-biċċerija tal-Marsa ġew inċinerati, 3667.45 tunnellata (3,667,450kg) ta’ animal waste.