Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 581 u 845 u ċjoè: Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies mas-settur pubbliku u entitajiet pubbliċi kull xahar fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jagħti lista tal-gradi u d-dipartimenti/entitajiet fejn ġew impjegati xahar b’xahar?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Ġunju 2016 u Ġunju 2017, ġew impjegati 1,750 persuna fis-settur pubbliku fejn 603 minnhom kienu fil-qasam edukattiv u 393 fil-qasam tas-saħħa. Fl-entitajiet pubbliċi ġew impjegati 2,376 li 532 minnhom kienu fil-qasam edukattiv u 64 fil-qasam tas-saħħa.
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li fl-istess perjodu 1,395 tterminaw l-impjieg tagħhom fis-settur pubbliku u 1,270 fl-entitajiet pubbliċi.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta l-aħħar saru eżamijiet għal Skrivani mas-Servizz Pubbliku? Kemm minnhom għaddew u kemm minnhom ġew ingaġġati s’issa? Sakemm se jibqa jgħodd ir-riżultat preżenti? Il-Gvern kemm fi ħsiebu jimpjega aktar minn fuq din il-lista fix-xhur li ġejjin?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet għal Skrivani ħarġet fil-gazzetta tal-Gvern Nru 19,606 datata 8 ta’ Lulju 2016. It-total ta’ dawk li għaddew mit-test u mill-interview hu ta’ tliet mija u tnax (312). Minn dawn s’issa ġew ingaġġati mija u sitta u għoxrin (126). Ir-riżultat preżenti jibqa’ jgħodd sentejn sat-8 ta’ Jannar 2019. Il-Gvern jimpjega skont l-esiġenzi tas-servizz.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — transfers ta' ħaddiema
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista ta’ transfers li ngħataw lill-ħaddiema fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi, u dan għall-perjodu bejn is-6 ta' Ġunju u t-12 ta’ Ġunju?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħid għal liema sena qed jirreferi.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – konsulenzi minn individwu
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk wara Marzu 2013 xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Le ma ngħata ebda xogħol legali u ebda konsulenza lill-individwu li semma fil-mistoqsija tiegħu.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtu f’reklamar fuq kull mezz ta’ media (stampat, gazzetti, radju, TV, internet eċċ) fl-2017 xahar b’xahar sal-lum?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.
Gaming Authority – liċenzji biex gaming companies joperaw f’Malta
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif lil din il-Kamra fuq kemm-il Gaming Authority irċeviet applikazzjonjiet ġodda għal-liċenzji minn gaming companies, biex joperaw f'Malta?Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati u/jew rifjutati s'issa?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħid għal liema perjodu qed jirreferi.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tad-direct orders mogħtija minn kull entità, Ministeru, dipartiment, Korporazzjoni u/jew Awtorità li huma fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, matul l-2015, l-2016 u l-2017 (sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija)? Jista’ jagħti d-data meta ngħatat kull direct order, fuq ordni ta’ min, lil min, l-ammont involut u għala ma kienx hemm sejħa pubblika f’kull każ?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tad-direct orders mogħtija minn kull entità, Ministeru, Dipartiment, Korporazzjoni u/jew Awtorità li huma fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, matul l-2014, l-2015, l-2016 u l-2017 (sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija)? Jista’ jagħti d-data meta ngħatat kull direct order, fuq ordni ta’ min, lil min, l-ammont involut u għala ma kienx hemm sejħa pubblika f’kull każ?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — każijiet ta’ inġustizzja
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il każ ta’ inġustizzja ġie ttrattat, solvut, investigat u deċiż minn xi entità li taqa’ taħtu minn Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ, jista’ l-Prim Ministru jgħid minn min kien magħmul il-Bord jew entità li trattat tali każijiet ta’ inġustizzja? Jista’ jelenka (mingħajr ismijiet) l-ammont ta’ flus ordnati li għandhom jitħallsu (jew li diġà tħallas) u/jew xi rimedju ieħor ordnat/mogħti fl-ewwel 12-il każ biss għal kull entità/Bord fil-Ministeru tiegħu li qed jinvestiga l-inġustizzji?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda entitá li trattat każijiet ta’ inġustizzja fi ħdan dan il-Ministeru. .
Uffiċċju tal-Prim Ministru – proċess biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea – impatt
Question
Fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit ser jibda l-proċess biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont dettaljat tax-xogħol li sar fil-Ministeru tiegħu u l-entitajiet li jaqgħu taħtu biex jiġi analizzat x’impatt (pożittiv jew negattiv) li dan jista’ jġib miegħu? Jekk dan sar, jista’ jpoġġi l-analisi rispettiva fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Malta minn dejjem kellha l-aħjar relazzjonijiet mar-Renju Unit u rridu nkunu attivi fi ħdan l-UE biex nassiguraw li n-negozjati ta’ Brexit iħarsu l-interessi taċ-ċittadini Ewropej b’attenzjoni partikolari fuq l-interessi ta’ Malta u l-Maltin.
L-Onor. Interpellant jifhem li hemm diversi aspetti li jridu jiġu salvagwardjati inkluż li r-Renju Unit ma jistax ikollu pakkett aktar favorevoli minn dak li ġġib sħubija fl-Unjoni Ewropea. Hemm diversi oqsma li qed jigu kkunsidrati fl-analisi li qed iwettaq il-gvern Malti nkluż id-drittijiet taċ-ċittadini Maltin li jaħdmu u jistudjaw fir-Renju Unit, l-interessi tan-negozji Maltin li joperaw jew li joffru servizz fir-Renju Unit, l-aċċess tas-suq ewlieni Ewropew, kif ukoll oqsma oħra tal-ekonomija. Irridu naraw ukoll fost ohrajn li l-arrangamenti li għandha Malta mar-Renju Unit fil-qasam tal-kura għall-pazjenti jibqgħu mhux mittiefsa. Il-gvern huwa impenjat ukoll li jwaqqaf Brexit taskforce magħmula mill-gvern, il-Malta Enterprise u s-settur privat bil-għan li taħtaf kull opportunita possibli li Brexit tista ġġib lejn pajjizna fil-waqt li nilqgħu għall-isfidi li joħorgu minn dan il-proċess.
L-Onorevoli Interpellant japprezza li mhuwiex prudenti li f’dan l-istadju li l-Gvern jippublika r-riżultati ta’ l-analisi tiegħu. Malta flimkien ma’ 26 Stat Membru ieħor tinsab f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea sabiex l-interess tal-Unjoni u l-Istati Membri jiġu ssalvagwardjati.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – proċess biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea – opportunitajiet
Question
Fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit ser jibda l-proċess biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-miżuri, il-proġetti jew l-inizjattivi li l-Ministeru tiegħu u/jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu ser iwettqu, biex pajjiżna jkun jista’ jibbenefika minn opportunitajiet li jistgħu jinħolqu?
Uffiċċju tal-Prim Ministru – reklamar fuq Facebook — nefqa
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż kull entità u Dipartiment fi ħdan l-istess Uffiċċju tal-Prim Ministru, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-3 ta' Ġunju 2017?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Hawn taħt jinsab it-tagħrif mitlub:
Reklamar fuq is-Sit Socjali Facebook Matul il-Perjodu Mill-01/05/2017 sat-03/06/2017
Dipartiment/ Entita'
Nefqa
MGA
€40.00
MCA
€45.52
MITA
€2.124,91
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'kienu l-kriterji artistiċi biex intgħażel il-Monument tal-Fjamma? Kif saret l-għażla u minn min? Jista’ jgħid kemm kienet proġettata n-nefqa u kemm intefaq fil-fatt? Ġie kkunsidrat li l-ibbronżar jiġi kkastjat f'Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 581 u ċjoè: Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies mas-settur pubbliku u entitajiet pubbliċi kull xahar fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jagħti lista tal-gradi u d-dipartimenti/entitajiet fejn ġew impjegati xahar b’xahar?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – person of trust u position of trust
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il person of trust u position of trust, elenkati separatament hemm fil-Ministeru tiegħu sal-jum li fih tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'azzjoni ser tittieħed mill-Gvern wara l-għoti tas-sentenza mill-Qorti Kostituzzjonali Anthony P. Farrugia vs l-Onor. Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u l-Kummissarju tal-Pulizija nhar it-8 ta' Mejju 2017 (Rikors Nru 8/11 JRM) u li kopja tagħha tqegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ispeaker waqt is-seduta ta' nhar it-Tnejn 26 ta' Ġunju 2017?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Is-sentenza li qiegħdha ssir riferenza għaliha fl-interpellanza tal-Onor. Membru ingħatat, kif huwa korrettement jindika, mill-Qorti Kostituzzjonali fit-8 ta’ Mejju 2017.
Il-pretensjoni tar-rikorrenti kienet li l-applikazzjoni in konfront tiegħu tad-disposizzjonijiet tal-Att tal-1998 dwar it-Taxxa dwar il-Valur Mizjud (Kap. 406 tal-Ligijiet ta’ Malta) kisru d-drittijiet fundamentali tiegħu protetti bl-artikolu 39 (9) u 37 tal-Kostituzzjoni, l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 4 tas-Seba’ Protokoll tal-Konvenzjoni u l-Ewwel Artikolu tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni.
Il-parir li għandu l-Gvern huwa fis-sens li permezz tal-emendi li saru fl-1 ta’ Jannar 2009 kienu diga’ ġew indirizzati n-nuqqasijiet imsemmija mill-Qorti Kostituzzjonali fis-sentenza ċitata mill-Onorevoli Membru ( li kienet tirreferi għal-ligi kif kienet qabel dawk l-emendi) u li għalhekk ma hemmx il-htiega li jsir intervent legislattiv iehor sabiex tigi mnehhija l-vjolazzjoni misjuba mill-Qorti Kostituzzjonali fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Mejju 2017.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'kien in-numru ta' votanti reġistrati ta' bejn is-16 u t-18-il sena fl-aħħar round t'elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, lokal b’lokal? Jista’ jgħid ukoll x'kien il-persentaġġ ta' din il-kategorija ta' votanti li vvutaw fl-istess round t'elezzjonijiet lokal lokal?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Hawn taħt jinsab it-tagħrif mitlub:
Lokalita’
Numru ta’ Votanti Rregistrati bejn is-16 u t-18-il sena
%
BIRGU
51
66.67%
ISLA
52
59.62%
QORMI
328
70.12%
ZEBBUG
267
62.55%
SIGGIEWI
206
65.53%
ATTARD
269
63.20%
BALZAN
70
54.29%
BIRZEBBUGA
242
55.37%
DINGLI
106
74.53%
FLORIANA
43
67.44%
GZIRA
110
55.45%
GHSIELEM
73
76.71%
GHARGHUR
71
74.65%
HAMRUN
153
69.93%
IKLIN
73
46.58%
KERCEM
51
88.24%
KIRKOP
62
41.94%
LUQA
100
66.00%
MARSA
87
51.72%
MXLOKK
82
75.61%
MOSTA
468
61.11%
MUNXAR
37
91.89%
NADUR
90
80.00%
PAOLA
139
56.83%
QALA
47
95.74%
SAFI
61
73.77%
SAN GILJAN
147
40.14%
SAN LAWRENZ
12
91.67%
S PAWL
342
42.98%
S LUCIJA
54
55.56%
SWIEQI
216
52.78%
XAGHRA
100
85.00%
ZEBBUG G
49
32.65%
ZURRIEQ
227
74.01%
TOTAL
4,485
62.27%
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawk il-postijiet fis-Servizz Pubbliku fejn hemm Defribiliator?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda Defibrillator fid-Dipartimenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Informazzjoni dwar il-preżenza ta’ Defibrillator f’Ministeri oħra għandha tinġabar mill-Ministeri rispettivi.