Legislature:
Category:
Reset
Active:

Programs and initiatives

Question

Peress li skont l-aħħar statistika ta' finanzi pubbliċi pubblikata riċentement il-gvern jidher li naqqas in-nefqa tiegħu fuq programs and initiatives b'madwar €28 miljun mill-ammont oriġinarjament proġettat fir-revised estimates, jista' l-Ministru jgħid fid-dettall minn fejn ġew iffrankati l-flus imsemmija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill Onor. Interpellant illi l-items prinċipali fil-kategorija tal-Programmes and Initiatives illi taħthom irriżulta li kien kemm anqas infiq minn dak previst fir-revised estimates, f’ċerti każijiet anke sakemm isir l-ipproċessar ta’ pagamenti li mbagħad jithallsu mill-voti tas-sena ta’ wara, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Żieda fid-dejn pubbliku

Question

Peress li fl-estimi għas-sena 2010 id-dejn pubbliku kellu jkun ta' €3.964 miljun u skont l-aħħar ċifra pubblikata d-dejn fl-aħħar ta' 2010 laħaq is-somma ta' €4169.9 miljun, jista' l-Ministru jispjega ż-żieda sostanzjali fuq il-mira oriġinali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Selmun Palace Hotel — lukanda

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju ta' proċess wasal il-bejgħ tas-Selmun Palace Hotel u għal liema prezz se tinbiegħ din il-lukanda? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-fondi li jistgħu jidħlu minn dan il-bejgħ hux se jmorru għall-gvern jew inkella għall-Air Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hija l-kumpanija “Selmun Palace Hotel Co. Ltd.” li qed tinbiegħ u mhux il-lukanda separatament.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — servizz ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li matul l-2010 ntnefqet għall-użu ta' servizzi tal-karozzi mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu? Kemm kien in-numru ta' karozzi in kwestjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Qala — Ta' Muxi - art pubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’permessi hemm u jekk le x’passi ttieħdu dwar użu tal-art pubblika kemm f’Ta' Muxi, il-Qala kif wkoll fl-aħrax tal-Mellieħa li qed tinħadem minn terzi b’mod li jonqos milli jħares il-garigue fl-istess nħawi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li tinħtieg site plan biex tkun tista’ tiġi ddentifikata l-art in-kwistjoni.

Air Malta — tnaqqis ta' impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu proġettat li l-Air Malta tiffranka flus jekk tnaqqas 600 impjegat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għaliex hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

Twaħħil tal-arloġġ tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' dawk in-nies li għamlu l-pannelli fotovoltaici, applikaw għall-arloġġ u n-nies tal-gvern għadhom ma marrux iwaħħluħ, applikaw għas-sussidju tal-units u minkejja li għaddew aktar minn xahrejn għadhom ma rċevew xejn u l-arloġġ għadu ma ġiex imwaħħal?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24489.

Floriana Senior Citizens — kera fuq użu tal-post

Question

Fid-dawl tal-fatt li l-gvern qed jitlob kera ta' €1800 fis-sena lill-Floriana Senior Citizens tal-użu tal-post f'Triq San Publju, Furjana, jista' l-Minsitru jgħid kif ġie kkalkulat dan l-ammont sostanzjali? Peress li hemm NGOs li ilhom jagħtu kontribut lill-ġid komuni mindu twaqqfu, saħansitra jagħmlu tajjeb għal nuqqas ta' servizz mill-gvern fejn fil-Furjana m'hemmx day centre u għalhekk il-post irid ikun ċentrali u aċċessibbli, hemm xi mezz sabiex ikollhom sussidju fuq din il-kera?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kera tal-fond li qed jagħmel referenza għalih l-Onorevoli Interpellant, ġiet ikkalkulata mill-Perit tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, wara li dan ħa in konsiderazzjoni l-kobor u l-lokazzjoni tal-post. Madanakollu, se nitlob lill-Kummissarju tal-Artijiet, biex jikkonsidra jistax jirrevedi din il-kera għar-raġunijiet imsemmija f’din id-domanda.

ħaddiema Maltin irreġistrati l-Libja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu reġistrati ħaddiema Maltin fil-Libja?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tinġabarx minħabba l-fatt li ħaddiema reġistrati mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, jkunu jidhru taħt isem kumpaniji reġistrati f’Malta, u ma jinkludux il-plan of work tagħhom.

Ħruġ għall-offerta ta' digitization and ICT Equipment

Question

B'referenza għall-ħruġ ta' offerta, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jgħid jekk evalwax id-dokumentazzjoni kollha tal-offerta u jara jekk l-ispeċifikazzjonijiet tagħha humiex imfasslin b'mod biex jaġevola lil xi wieħed mill-offerenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi hi proċedura normali li l-offerti li jintefgħu fid-Dipartiment tal-Kuntratti jiġu evalwati minn Kumitat ta’ Evalwazzjoni. Fuq din is-sejħa għal offerti partikolari dan il-proċess għaddej. Nixtieq infakkar lill-Onorevoli appellant li kull minn ħass li kien hemm xi speċifikazzjonijiet li kienu jiffavorixxu lil xi ħadd partikolari kellu d-dritt li jitlob kjarifiki mingħand id-Direttur tal-Kuntratti u jekk ma jiħux rimedju jista’ anke jitlob l-intervent tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi. Anke jekk ma sarx dan, għad hemm l-opportunità li min iħossu ddispjaċut b’xi deċiżjoni fuq din is-sejħa għal offerti, jista’ jagħmel appell skont il-liġi.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — kiri ta' vannijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vannijiet mikrija lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? X'inhi r-rata ta' kiri għal kull ġurnata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2010, il- Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l- Ilma kriet 52 van f’perjodi differenti matul is-sena. Ir-rata medja ta’ dan il- kiri għal kull ġurnata hija €22.

quotations maħruġa mid-dipartimenti u entitajiet tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iqsar perjodu li jista' jingħata għas-sottomissjonijiet ta' quotations maħruġa mid-dipartimenti u entitajiet tal-gvern wara li jinħareġ l-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Wied il-Għajn — Family Park f'Sant Antnin - kuntratt ta' kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24688 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk kienx hemm xi fatti ġodda konnessi mal-kuntratt ta' kostruzzjoni ta' family park f'Sant Antnin, Wied il-Għajn? Jekk iva, x'kienu? Veru li qed issir investigazzjoni? Għaliex? Fuqiex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s-sejħa għal offerti għal bini ta’ family park f’Sant’ Antnin Wied il-Għajn ġiet ikkanċellata. Ġara li wieħed mill-offerenti allega li hu kien diġa jaf informazjoni fuq l-evalwazzjoni ta’ l-offerti qabel ma ġew ippubblikati d-deċiżjonijiet mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Saret investigazzjoni mill-Pulizija u rriżulta li membru tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni ħareġ xi informazzjoni. Il-Pulizija qiegħda tipproċedi kriminalment kontra din il-persuna. Fid-dawl ta’ dan, il-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti ħass li l-proċess ġie vviżjat u għaldaqstant iddeċieda li din is-sejħa ghal offerti għandha tiġi kkanċellata. Ħadd mill-offerenti ma appella minn din id-deċiżjoni.

Dipartiment tal-Artijiet — Home Ownership Schemes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' kumpens li għad fadal x'jitħallas mid-Dipartiment tal-Artijiet fuq artijiet li fihom inbnew id-djar ta' Home Ownership Schemes? Jista' jagħti l-ammonti ta' kumpens skont il-lokalità?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Artijiet mhux f’pożizzjoni li jgħid kemm huwa l-kumpens dovut fuq artijiet li ġew akkwistati mill-Gvern u li fihom inbnew djar tal-Home Ownership Scheme. Dan peress li qegħdin jiġu ppreparati stimi riveduti ta’ dawn l-artijiet skont il-provediment tal-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet (Kap 88). Barra minn hekk, mall-kumpens tal-valur tal-art li jrid jitħallas lis-sidien oriġinali, jridu jiżdiedu wkoll l-interessi li jkunu jridu jiġu kkalkulati sad-data tat-trasferiment tal-art lill-gvern. Intant il-lokalitajiet li fihom għad fadal kumpens x’jitħallas fuq artijiet li fuqhom nbnew djar tal-Home Ownership Scheme huma dawn: Attard, B’kara, Kirkop, Gudja, Luqa, Marsascala, Mġarr, Mosta, Mqabba, Msida, Nadur, Naxxar, Paola, Qormi, Qrendi, Rabat, Rabat (Għawdex), San Ġwann, Siġġiewi, Swieqi, Xagħra(Għawdex), Żebbuġ u Żurrieq.

għajnuna lil persuni li jbatu minn kundizzjoni speċifika

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24742, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 24742 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx xi ħsieb biex l-istat jibda jgħin, anki permezz ta’ xi tax credits lil familji ta’ tfal li ma jistgħux jieħdu prodotti ta’ dqiq u ħalib u li jkollhom spejjeż kbar biex jixtru prodotti u vitamini speċifiċi għal uliedhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din il-proposta tista’ tiġi kkunsidrata f’kuntest aktar wiesa’ ta’ sitwazzjonijiet annwali u fil-kuntest tal-baġit.

AIP Permit

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma ħariġx l-AIP Permit għall-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? X'inhu jżomm milli jingħata l-go ahead?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi din l-applikazzjoni ġiet ippreżentata fis-Sezzjoni tal-AIP fit-12 ta’ Jannar 2011 u għaddiet għall-verifika min-naħa tal-pulizija fl-24 ta’ Jannar, 2011. Dan l-AIP għadu ma nħariġx peress li għad trid toħroġ il- clearance min-naħa tal-pulizija, li min-naħa tagħhom għadhom qed jistennew xi dokumenti dwar dan il- file .

każ dwar kont tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħareġ il-kont ta' dawn il-kontijiet, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, li ilhom ma joħorġu xhur u peress li r-residenta hija nieqsa mid-dawl tixtieq li tibda tirċievi l-kont regolari?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ingħatat lil-Arms Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

ħaddiema mal-Airmalta jew MIA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies li kienu jaħdmu mal-Airmalta jew MIA mis-sena 2010 sal-lum? Kemm ġew ħaddiema on loan ma' postijiet oħra? Fejn marru u xi grad kellhom?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24557.

Customs Enforcement Unit — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinħarġu sejħiet għall-Customs Enforcement Unit (parti mid-Dwana ta' Malta), applikazzjonijiet għal spetturi u uffiċjali, peress li l-aħħar sejħiet kienu proprju għoxrin sena ilu u l-postijiet battala baqgħu ma mtlew qatt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Customs Enforcement Unit hija parti mill-Branka tal-Customs Class tad-Dipartiment tad-Dwana u għalhekk ma jsirux sejħiet speċifiċi għar-rekluttaġ f’din is-seżżjoni.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — calls for application

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu calls for application fl-aħħar sena mill-Ministeru u mid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru? Kemm kien hemm applikazzjonijiet? Kemm kienu l-persuni li għaddew? Kemm ġew magħżula/ingaġġati? Jekk il-bqija ta' dawn li għaddew hux se jiġu ingaġġati fiż-żmien li ġej? Għalkemm tul ta' żmien jibqa' jgħodd ir-riżultat tal-eżami f'kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.