Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar/Qawra — Triq Porzjunkola - tarmac

Question

Billi Triq Porzjunkola fl-inħawi tal-Qawra/San Pawl il-Baħar saret triq mimlija residenti s-sena kollha, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex immedjatament din it-triq tingħata l-wiċċ tant meħtieġ ħalli r-residenti ma jibqgħux bi triq kollha mfarrka?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Kuntratti ta' Konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19024 u 18737 u jgħid kemm-il kuntratt ta' konsulenza ingħata mill-Ministeru tiegħu u/jew kumpaniji u entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu, matul is-snin 2009 u 2010 sal-lum? Kemm kien l-ammont ta' kull kuntratt ta' konsulenza mogħti u lil min ingħata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Divorzji reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati divorzji minn barra fir-reġistru pubbliku f'dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament, u minn liema pajjiż? Jista' jgħid ukoll jekk xi ħadd mill-partijiet kienx barrani u jekk iva, minn liema pajjiż?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba. Jien infurmat ukoll li sabiex jinkiseb divorzju u jiġi reġistrat Malta xi ħadd mill-partijiet irid ikollu ċittadinanza tal-pajjiż minn fejn ikun ħareġ id-divorzju jew inkella jkun domiċiljat f'dak l-istess post.

Annullamenti fir-reġistru pubbliku

Question

Jista' l-Minsitru jgħid kemm saru annotazzjonijiet ta' annullamenti fir-reġistru pubbliku f'dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament? Kemm minnhom kienu ċivili u kemm minnhom kienu tat-Tribunal Ekkleżjastiku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ annullamenti li ġew reġistrati matul dawn l-aħħar ħames snin fir-Reġistru Pubbliku huwa kif ġej: fl-2005, 156 każ 130 (Ċivili) u 26 (Ekkleżjastiku) fl-2006, 194 każ 168 (Ċivili) u 26 (Ekkleżjastiku) fl-2007, 163 każ 133 (Ċivili) u 30 (Ekkleżjastiku) fl-2008, 183 każ 147 (Ċivili) u 36 (Ekkleżjastiku) fl-2009, 158 każ 112 (Ċivili) u 46 (Ekkleżjastiku)

Belt — Triq ir-Repubblika - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19093 u ċioe: Peress li Triq ir-Repubblika l-Belt hi prime site għat-turisti, jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fiha jistgħux jiġi posposti għal wara Awissu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

ħaddiema mal-Awtorità dwar it-Trasport ingaġġati mas-Secreterial Services

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13302 u jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu mal-Awtorità dwar it-Trasport li huma ngaġġati mas-Secreterial Services, kemm qed jitħallsu kull xahar u kemm qed titħallas din l-istess kumpanija? Jista' jgħid ukoll s'issa kemm ingħatat flus din il-kumpanija u x’inhi l-funzjoni preċiża tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm għaxar skrivani pprovduti minn Secretarial Services Ltd lil Transport Malta, iżda l-ammont ta’ ħaddiema li jkunu provduti lil Transport Malta jista’ jvarja minn żmien għal żmien skont il- workload li jkollha. Minħabba f’hekk m’hemmx ħlas fix-xahar. Bejn Mejju tal-2008 u Mejju tal-2010 din il-kumpanija tħallset is-somma ta’ €185,292 għas-servizzi tagħha. Il-funzjoni ta’ Secretarial Services Ltd hija li tipprovdi servizzi ta’ ħaddiema fuq bażi temporanja. Transport Malta m’għandiex informazzjoni dwar il-ħlas li l-kumpannija tagħmel lill dawn il-ħaddiema għaliex din hija informazzjoni privata.

Transport Malta — enforcement officers

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra meta se joħroġ l-applikazzjonijiet fi Transport Malta sabiex enforcement officers ikunu jistgħu jilħqu senior enforcement officers? Jista' jgħid x'se jkunu l-kriterji għal tali promozzjonijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta tagħmel sejħiet għal applikazzjonijiet għal-impjieġ magħha meta u jekk ikun hemm bżonn. Il-kriterji għal tali pożizzjonijiet ikunu ppubblikati meta toħroġ is-sejħa.

Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar — toroq asfaltati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' toroq li ġew asfaltati fl-inħawi tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar matul l-aħħar sitt xhur? Liema kienu t-toroq li ġew hekk asfaltati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ toroq li ġew asfaltati fis-sitt xhur li għaddew fil-lokalitajiet indikati huma 7 b’kollox hekk kif ser ngħid : · San Pawl il-Baħar ġew asfaltati: Triq San Pawl (żona ċentrali); Triq San Pawl (żona tal-Veċċja) u Telgħa tax-Xemxija; · Fil-Mellieħa giet asfaltata parti mit-Telgħa ta’ Selmun; · Fin Naxxar ġew asfaltati Triq il-Qoton, Triq ta’ Mezzi u Triq Leli Falzon.

Vetturi liċenzjati bil-GY

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm vetturi liċenzjati bil-GY f'Malta u Għawdex rispettivament? Kemm minn dawn il-vetturi huma liċenzjati fuq garaxxijiet li jinsabu fl-inħawi tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ vetturi reġistrati GY huma ta’ 871 f’Malta u 81 f’Għawdex. L-ammont minn dawn il-vetturi li huma liċenzjati fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar huma ta’ 42, 72 u 25 rispettivament.

Proġett ta' Triq Diċembru 13 — Traffic Impact Study

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għamlitx Traffic Impact Study fuq l-impatt li l-proġett ta’ Triq Diċembru 13 se jħalli fuq il-lokal tal-Marsa u fuq l-eluf kbar li jużaw din it-triq ta’ kuljum, meta wieħed iqis li skont dikjarazzjoni ta’ Transport Malta stess, dan il-proġett se jieħu mill-anqas sena biex jitlesta? Jekk studju simili ma sarx, jista’ jagħti r-raġuni għalfejn? Jekk min-naħa l-oħra sar xi studju, jista’ jpoġġi d-dettalji tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan il-proġett ma jikwalifikax għal Traffic Impact Study.

Residenti ta' Ħal Farruġ — talbiet għal trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18071 u jgħid għaliex Transport Malta għadha ma laqgħetx id-diversi talbiet li saru biex ir-residenti ta' Ħal Farruġ, Ħal Luqa, jkunu mogħtija servizz ta' trasport pubbliku u dan bil-għan li tittaffa t-tbatija ta' tant u tant familji li jgħixu f'din il-komunità u li wħud minnhom ilhom jgħixu hemm aktar minn 25 sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-talba qiegħda tiġi kkunsidrata fir-riforma tat-trasport pubbliku.

Transport Malta — Investigazzjoni dwar vapuri tal-Greenpeace

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta kenitx involuta f'xi investigazzjoni dwar il-mod skorrett li bih allegatament aġixxew vapuri tal-Greenpeace fl-inħawi ta' madwar Malta f'dawn l-aħħar ġimgħat? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn l-inċidenti ġewx rapportati lill-International Maritime Organisation?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta tagħmel investigazzjonijiet f’inċident tal-baħar li jinvolvu bastimenti merkantili Maltin irrispettivament minn fejn dawn ikunu qed ibaħħru u f’inċidenti li jinvolvu bastimenti merkantili barranin meta dawn ikunu f’ibħra territorjali Maltin. Peress li dan l-inċident ma kienx jinvolvi l-ebda bastiment Malti u lanqas seħħ f’ibħra Maltin, Trasport Malta ma kienetx involvuta fl-investigazzjoni ta’ dan il-każ.

Riforma fit-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess tar-riforma tat-trasport pubbliku wara li kien hemm xi appelli mill-istess proċess? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux possibbli li minkejja l-fatt li dan il-process għadu mhux mitmum, ikun hemm żieda ta' karozza tal-linja li titlaq mix-Xemxija, b'mod partikolari matul ix-xhur tas-sajf għall-ħteġijiet ta' dawk li joqogħdu f'dawk l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab nfurmat li Transport Malta qiegħed fit-tielet u l-aħħar fażi tal-proċess ta’ evalwazzjoni u s-sottomissjonijiet finanzjarji ġew miftuħa nhar it-Tnejn 21 ta’ Ġunju 2010. L-evalwazzjoni għadha għaddejja. Fir-rigward tat-talba għal servizz ta’ trasport pubbliku li jitlaq mix-Xemxija, ninsab infurmat li l-Awtorita’ kienet iddiskutiet din l-possibbilita’ mal-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku iżda minkejja diversi tentattivi, ma kienx hemm qbil min-naħa tal-Assoċjazzjoni.

Xandiriet ta' attivitajiet sportivi internazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux konxju illi fil-qasam tax-xandiriet ta’ attivitajiet sportivi internazzjonali, bħal fost l-oħrajn logħob tal-football, qed tiżvillupa sitwazzjoni fejn il-konsumatur li jkun irid isegwi l-logħob kollu, se jkun kostrett jabbona ma’ żewġ operaturi differenti bi spejjeż mhux żgħar? Jaqbel li f’qasam bħal dan għandhom jiġu applikati miżuri li jwasslu biex l-operaturi differenti jaslu fi qbil bil-għan li l-konsumatur ikun jista' jsegwi l-attivitajiet sportivi in kwestjoni mingħajr ma jkollu jabbona ma’ żewġ operaturi differenti u mingħajr ma jidħol għal spejjeż żejda? Tista' l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni tieħu xi inizjattiva partikolari f’dan is-sens?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi skond il-liġi vigenti l-Awtorita’ dwar il-Komunikazzjoni m' għandiex poteri biex tirregola l-kompetizzjoni f’pajjizna, l-anqas fil-qasam tal-Kommunikazzjoni. Il-materja li semma l-Onor. Interpellant tista - kemm il-darba d-drittijiet tal-awtur jippermettu - forsi tiġi regolata mid-Divizjoni dwar il-Kompetizzjoni Gusta jew l-Uffiċju tal-Konsumatur.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — ilmenti f'isem il-kostitwenti

Question

Peress li fost il-ħidmiet tal-membri parlamentari hemm li jiltaqgħu, jisimgħu u jitkellmu f'isem il-kostitwenti tagħhom, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċerti dipartimenti jirrifjutaw li jirrispondu għal talbiet, ilmenti u mistoqsijiet li jsiru minn żmien għal żmien minn deputati f'isem il-kostitwenti? Ma jikkunsidrax li jinħoloq punt ta' referenza f'kull dipartiment, fejn id-deputat ikun jista' jitkellem f'isem u għall-kostitwent?

Response (GATT, AUSTIN)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant sabiex il-każijiet li jkollu jirreferihom lis-sezzjonijiet tal-Customer Care li hemm f’kull Ministeru.

Transport Malta — overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas overtimelill-impjegata ta' Roads (Transport Malta) li kienet inkarigata mit-telefonati meta kien qed isir ix-xogħol tal- by-pass ta' Wied il-Għajn?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal min qed jirreferi.

Transport Malta — records dwar probo koala

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk il-VTMIS fi ħdan Transport Malta għandhiex records jekk fis-sena 2006 il-vapur Probo Koala kienx fl-ibħra: a) contiguous; b) territorial Maltin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.