Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #1392 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Malta Residence and Visa Programme – applikazzjonijiet approvati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm minn dawk l-applikanti taħt l-Malta Residence and Visa Programme li ġew approvati: a) xtraw proprjetà, skont kif inhu obbligat fil-Liġi;jew b) krew proprjetà,skont kif inhu obbligat fil-Liġi?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn dawk l-applikanti li ġew approvati kien hemm 3 li xtraw propjeta filwaqt li 40 ohra krew propjeta hekk kif inhu mitlub fil-Liġi.
Leg 13 PQ #1393 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni — ilmenti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm u x’tip ta’ lmenti rċeviet l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA) mingħand il-konsumaturi fl-ewwel sitt xhur tal-2017 u kemm kien iż-żmien biex dawn jiġu indirizzati?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena l-MCA rċeviet 102 ilment. Qabel tibda l-investigazzjoni tagħha, l-Awtorità tassigura li l-ilmenti jkunu tressqu quddiem l-operatur ikkonċernat iżda ma jkunux ġew riżolti għas-sodisfazzjon tal-klijent. Qiegħed nipprovdi żewg tabelli li jagħtu tagħrif statistiku dwar it-tip ta’ lmenti rċeviet l-Awtorità (‘Tabella A’) u n-numru ta’ ġranet li ħadet l- Awtorità sabiex tagħlaq dawn l-ilmenti (‘Tabella B’). 95% tal-ilmenti ġew investigati u magħluqa f’inqas minn għoxrin ġurnata ta’ xogħol. It-tip ta’ azzjoni li l-MCA ħadet biex tindirizza dawn l-ilmenti tvarja skont is-setgħat legali mogħtija lilha li huma prinċiparjament limitati għal xi aspetti kuntrattwali speċifiċi, trasparenza ta’ informazzjoni, kwalità tas-servizz, u kontijiet. Infatti l-Awtorità irċeviet numru ta’ każijiet fejn ma setgħatx tintervejni, minkejja li dawn kienu jirrigwardjaw xi servizz tal-komunikazzjoni elettronika fosthom każijiet ta’ reklamar qarrieqi u prattiċi kummerċjali inġusti. F’dawn il-każijiet l-Awtorità iggwidat lill-konsumaturi x’għandhom jagħmlu biex jieħdu xi tip ta’ rimedju. Minbarra dawn l-ilmenti, l-Awtorità rċeviet ukoll 235 talba għall-informazzjoni rigward servizzi ta’ komunikazzjoni. Tabella A Tip ta’ Ilment Total Bdil ta’ servizz minn ma' operatur għal ieħor 9 Kuntrattwali 5 Provvista tas-servizz / kwalità tas-servizz 51 Kontijiet u Tariffi 27 Tabella B Riżultat Ħin meħud biex jinagħlqu l-każijiet Inqas minn 2 ġimgħat Bejn 2 u 4 ġimgħat Iktar minn 4 ġimgħat Total Ġiet provduta informazzjoni lill-klijent 80 17 5 102
Leg 13 PQ #1394 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni – inizjattivi dwar il-Coding

Question

Il-Coding hu meqjus bħala suġġett li jgħin tfal minn età żgħira f’kull livell tal-ħajja edukattiva. Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-inizjattivi li qed tagħmel l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA) f’dan ir-rigward?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-MCA ila għal dawn l-aħħar tliet snin tiżviluppa inizjattivi biex titrawwem kuxjenza favur l-użu tal-coding fost tfal ta’ etajiet u ħiliet differenti. Il-coding huwa għodda importanti ħafna li permezz tagħha isaħħaħ il-kapaċità ta’ persuna li issib soluzzjonijiet għal problema billi tanalizzha l-istess problema b’mod stutturat skond prinċipji hekk magħrufa bħala computational thinking. Din il-ħidma taf l-orġini tagħha tliet snin ilu meta l-MCA issieħbet ma’ Coderdojo, fondazzjoni internazzjonali bil-bażi tagħha fl-Irlanda li tippromovi l-coding fost it-tfal u żagħżagħ. Bħala parti minn din l-assoċjazzjoni, sar proġett pilota li kien jinkludi sensiela ta’sessjonjiet ta’ taħriġ lil tfal li jattendu l-Kulleġġ San Ġorġ Preca kif ukoll żgħażagħ li jattendu Umberto Collosso. Dan il-proġett tmexxa mill-MCA bil-kollaborazjoni ma’ intrapriżi privati fil-qasam tal-ICT. Wara din l-esperjenza, permezz tal-għajnuna tal-Ministeru tal-Edukazzjoni ġie svillupat sillabu li jinkludi attivitajiet mifruxa fuq sena skolastika. F’Ġunju ta’ din is-sena ġiet fit-tmiemha l-ewwel edizzjoni ta’ dan il-program li kien offrut fi tliet kulleġġi, tnejn f’Malta (St. Thomas Moore taż-¯ejtun u ta’ Ħal Tarxien) u ieħor ġewwa Għawdex (Gozo College Middle School). Matul l-istess perijodu kien għaddej ukoll program ieħor għal tfal fi skejjel tal-Knisja, fejn studenti fil-livell primarju ingħataw sessjonijiet qosra kemm fil-coding kif ukoll f’ Robotics minn uffiċjali tal-istess Awtorità. F’Diċembru 2016, l-MCA flimkien mad-Dipartiment tal-eLearning niedew ukoll inizjattiva nazzjonali li fiha ipparteċipaw, ‘l fuq minn erbgħin skola madwar Malta u Għawdex, li ipparteċipaw f’numru t’attivitajiet. F’dawn l-attivitajiet, kien hemm madwar 9000 studenti u edukaturi li ħadmu fuq il-prinċipji bażiċi tal-coding sabiex jipparteċipaw flimkien mal-kumplament tad-dinja, fl-Hour of Code inizzjattiva li l-għan tagħha huwa li tgħarraf dwar il-coding u tippromwovi l-opportunitajiet li ġġib magħha x-xjenza tal-kompjuter. Malta ġiet minn ta’ quddiem fid-dinja f’dik li hi parteċipazzjoni f’din l-attività. L-MCA tieħu sehem ukoll b’ mod attiv biex tippromwovi il-coding f’numru ta’ inizjattivi u avvenimenti oħra li jsiru matul is-sena fosthom il-Code Week li issir f’Ottubru u il- Malta Robotics Olympiad li din is-sena saret f’ Marzu. Waqt Skola Sajf din is-sena, ġew organizzati sensiela oħra ta’ sessjonijiet tal-coding li fijhom studenti qed jitħarrġu f’lingwi bażiċi tal-coding, bħal Scratch. Dawn saru b’ kollaborazzjoni bejn l-MCA u l-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Leg 13 PQ #1538 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MCA – anzjani li ma jkunux maqtugħin mid-dinja diġitali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’għamlet s’issa l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) biex l-anzjani ma jkunux maqtugħin mid-dinja diġitali u b’hekk ukoll jibdew jieħdu sehem b’mod aktar sħiħ fil-ħajja personali u soċjali tagħhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Sa mill-bidu nett tal-ħidma tagħha fil-qasam tal - inklużjoni diġitali , l-anzjani kienu mira ewlenija tal Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (l-MCA). Dan kien għaliex propju li fil- bidu nett ta’ din il-ħidma, l-figuri ta’ dawk li ma kienux jagħmlu użu mill-Internet fost dawk li għandhom iktar minn 55 sena, kienet ta’ 82% , figura li kienet ferm iktar għolja mill-medja Ewropeja ippublikata mill-Kummissjoni Ewropea għall-istess żmien. Sitwazzjoni kemm xejn simili kienet teżisti wkoll fir-rigward tal-użu tal-kummerċ elektroniku fejn 42% biss kienu jagħmlu użu min din il- faċilita u l-vantaġġi li jġġib miegħu dan il-forma ta’ kummerċ. L-MCA wettqet numru ta’ inizjattivi sabiex tittejjeb din is-sitwazzjoni speċjalment permezz ta’ sensiela ta’ programmi ta’ taħriġ li ġew varati minn żmien għal żmien. Dan wassal f’titjib sotanzjali kif konfermat mill-istatistka maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-2016, il-persentaġġ ta’ persuni li għandhom ikar minn 55 sena li ma jużawx l-Internet niżel għal 48%, filwaqt dawk li li jagħmlu użu min xi forma ta’ kummerċ elettroniku tela’ għall 65%. Fost l-inzjattivi li l-iktar li għamlu differenza kien hemm taħriġ fil-ħiliet bażiċi tal-użu tal-kompjuter lil madwar 4,500 ċittadin, li parti minnhom kienu persuni li jaqgħu fil-kategorija imsemmija. Dan issarraf f’ total ta’ il fuq minn 100,000 siegħa ta’ taħriġ. ‘Leħen Diġitali’ kien kors ieħor li ħarreġ madwar 1,500 anzjan permezz tat-tablets filwaqt li madwar 500 anzjan ieħor ingħataw taħriġ dwar ix-xiri online. Taħriġ ieħor, li wkoll kien immirat primarjament għall-anzjani, kellu l-iskop biex jinkkoraġixxi l-anzjani jużaw aktar is-servizzi bankarji permezz tal-internet. Waħda mill-aħħar inizjattivi kien taħriġ fl-użu iktar produttiv tal-ismartphone li għalih attendew ‘il fuq minn 1,000 anzjan u anzjana. Fil-fatt l-MCA se toffri sensiela ta’ taħriġ ieħor fuq l-użu tal-Internet lil madwar 2,000 persuna oħra. Dan qed isir b’ kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva.
Leg 13 PQ #1539 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Teknoloġija – 5G

Question

Peress li l-Gvern għadu kemm iffirma dikjarazzjoni li tikkonferma li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea huma kommessi li jaħdmu biex l-Ewropa ssir suq ewlieni għat-teknoloġija 5G, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’qed jagħmel il-Gvern biex jippromwovi l-investiment u l-innovazzjoni f’din it-teknoloġija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-impenn tal-Gvern biex Malta tkun fost l-aqwa anke fis-settur tat-teknoloġija, kien ikkonfermat meta il-Gvern iffirma id-dikjarazzjoni imsemmija fil-mistoqsija magħmula mill-interpellant. Dan jikkonferma d-determinazzjoni tal-Gvern biex Malta tkun minn ta’ quddiem fil-qasam tal-innovazzjoni fit-teknoloġija tal-broadband veloċi, ultra-veloċi u “5G”. Sa mil-bidu ta’ din is-sena, il-Gvern beda ħidma intensiva relatata ma l-investiment u l-innovazzjoni f’ teknoloġiji ġodda li jistgħu jwasslu għal tkabbir ekonomiku u titjib fil-kwalità tal-ħajja. Ta’ min wieħed isemmi li fuq livell Ewropew, il-Presidenza Maltija rnexxiela tagħlaq kapitlu ewlieni li jarmoniżża l-banda ta’ frekwenzi msemmija bħala 700 MHz (megahertz) għal servizzi “5G”. Fost l-oħrajn, din il-banda tippermetti l-introduzzjoni ta’ servizzi innovattivi diġitali kif ukoll tiffaċilita il-ġarr ta’ traffiku ta’ broadband fuq teknoloġiji wireless , liema traffiku qiegħed jiżdied b’rata mgħaġġla. Għal dan il-għan, l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (l-MCA) qed taħdem sabiex Malta tkun tista’ toffri l-aċċess għal din ir-riżorsa importanti fl-iqsar żmien possibbli. ¯viluppi fis-settur tal-komunikazzjoni, joffru numru ta’ sfidi ġodda fir-rigward ta’ implimentazzjoni u anke amministrazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji. Il-Gvern, bl-għajnuna tal-MCA, qed jaħdem bi sħieħ sabiex jassigura li l-qafas meħtieg biex jkunu jistgħu joperaw dawn it-teknoloġiji ġodda, ikun mwettaq fil-ħin. L-MCA qed tniedi diversi inizzjattivi biex tassigura li radio spectrum neċessarju għall-iżvilupp u l-investiment fit-teknoloġiji ġodda, ikunu disponibbli bl-aktar mod ġust u effiċjenti. Dan il-qafas ta’ xogħol qed isir mhux biss fir-rigward tas-700 Mhz li irreferejt għalih qabel, imma kif ukoll fuq firxa ta’ radio spectrum bands eżistenti oħra jew li ser jiġu iddentifikati fiż-żmien qarib għall-użu ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda, inkluża it-teknoloġija tal-“5G”. Għaldaqstant, l-MCA diġà nehdiet pjan ta’ ħidma biex tkun tista’ toffri frekwenzi tar-radju ġodda għal servizzi innovativi wireless bħal-“5G”, kemm għall-operaturi biex jipprovdu servizzi kummerċjali kif ukoll għal diversi entitajiet interessati biex jagħmlu testijiet u provi ta’ natura pre-kummerċjali. Dan għandu jiffaċilita żvilupp ta’ l-aqwa servizzi ta’ kommunikazzjoni diġitali biex jiġu offruti fis-suq lokali. L-MCA ikkonkludiet ukoll xogħol fuq qafas ta’ liċenzjar ta’ frekwenzi għat-testijiet u prova ta’ teknoloġiji ġodda u innovattivi. Matul din is-sena diversi entitajiet kemm lokali kif ukoll internazzjonali għamlu użu minn dan il-qafas biex jiżvilluppaw is-servizzi ġodda tagħhom. Din il-ħidma ser tissokta fix-xhur li ġejjin anki permezz ta’ inizjattivi ġodda li qed jiġu studjati bil-għan li nkomplu niffaċilitaw l-iżvilupp ta’ servizzi tal- broadband veloċi, ultra-veloċi u “5G”.
Leg 13 PQ #1540 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni – tech startups

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’qed isir mill-Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni (MCA) biex ikun hemm attività ekonomika ġdida fir-rigward ta’ tech startups?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Fl-2014 il-Gvern ħass il-ħtieġa li jdaħħal fis-seħħ emendi fil-liġi tal-MCA li fost oħrajn taw poter lil din l-Awtorità biex tippromwovi u tmexxi ’l quddiem lil Malta bħala destinazzjoni għall-utenti ta’ valur kummerċjali għoli fir-rigward tal-użu ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni u tal-ICT. Dan ir-rwol ta’ faċilitatur għall-innovazzjoni, jikkumplimenta rwoli oħra li għandha l-Awtorità, jiġifieri dak tradizzjonali ta’ regolatur tas-settur tal-komunikazzjoni u tal-posta, kif ukoll il-mandat li għandha biex tavvanza l-kummerċ elettroniku u l-information society. Kien għalhekk li twaqqfet funzjoni ġdida fi ħdan l-istess Awtorità, dik ta’ Business and Innovation Development maħluqa appositament biex taqdi din il-funzjoni il-ġdida. Għaldaqstant l-Awtorità imbarkat fuq programm ta’ attività li jinkludi l-inizjattivi kif elenkat hawn taħt: 1. Din is-sena ġie ippubblikat ir-riżultat ta’ studju dwar kif l-ekosistema Maltija għal negozji diġitali, partikularment tech startups, tikkompara ma’ ekosistemi oħra madwar id-dinja. Dan kien riżultat ta’ kooperazzjoni bejn l-Awtorità u Startup Genome, aġenzija Amerikana speċjalizzata f’dan il-qasam. L-istudju wera biċ-ċar il-potenzjal li Malta għandha biex tattira aktar tech startups lejn xtutha . Il-valur tal-ekosistema Maltija huwa stmat madwar €770 miljun. 2. L-Awtorità qiegħda tiżviluppa qafas ta’ politika ħolistika immirata sabiex tgħin il-gvern ikabbar ekosistema ta’ tech startups f’Malta u kif din għanda tirrifletti f’aktar attività ekonomika. 3. Bil-parteċipazzjoni tagħha f’fora medjatiċi u workshops , l-Awtorità qiegħda wkoll tgħin sabiex jiżdied l-għarfien fost l-i stakeholders kollha dwar ir-realtajiet speċifiċi u uniċi li jiġu affaċċjati mill-i startups f’Malta. Dan qed isir flimkien ma’ attività li qed twassal għal aktar kuntatt u djalogu bejn l-i stakeholders ewlenin tal-ekonomija diġitali. Eżempju ta’ dan hija l-konferenza annwali ZEST li mhux biss tattira interessi lokali f’dan il-qasam, iżda wkoll tiġbed l-interess ta’ intraprendituri, talent, u investituri barranin minn ekosistemi stabbiliti. 4. L-Awtorità qiegħda wkoll taħdem sabiex tagħti ‘l Malta aktar viżibilità fuq livell internazzjonali. Dan qed isir permezz ta’ riżorsi promozzjonali li ġew żviluppati mil-Awtorità bl-għajnuna ta’ intrapriżi li qed jagħmlu suċċess fil-qasam diġitali. Barra minn hekk, fl-2016 l-Awtorità wkoll irrappreżentat lil Malta fil-konferenza Web Summit ġewwa Lisbona, flimkien mal-MIMCOL u TradeMalta. B’mod rikorrenti, l-Awtorità qiegħda wkoll taqdi l-funzjoni ta’ focal point għal intraprendituri u investituri b’interess li jiftħu n-negozju diġitali tagħhom jew jinvestu f’Malta. 5. Flimkien ma’ msieħba oħra inkluż l-Università, id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni u l- Junior Achievement Young Enterprise , l-Awtorità qed tippromwovi l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ Maltin. F’dar-rigward, iktar tard din is-sena l- Awtorità ser torganizza it-tielet edizzjoni tal-konferenza annwali Budding Rockstars immirata għal high achievers fl-aħħar sena sekondarja fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. Din il-ħidma qiegħda tgħin biex f’Malta ikun hawn aktar intrapriżi diġitali, hekk imsejħa tech startups , li joperaw minn Malta b’ambizzjoni li jservu swieq globali.
Leg 13 PQ #1633 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tal-Artijiet – avukat – ħatra

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk jaqbilx li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li kienet waqqfet Awtorità għandhiex tinħatar avukat għall-istess Awtorità li kienet waqqfet, ftit biss wara li tkun tilfet postha fil-Parlament, u jekk ma jaqbilx, jista’ jgħid hux se jagħti ordni sabiex din il-ħatra tal-persuna tiġi revokata?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Iva
Leg 13 PQ #1653 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali – votanti li vvutaw qabel il-jum tal-elezzjoni ġenerali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm votanti, distrett b'distrett, ivvutaw kmieni skont l-Art. 77(3A)(a) tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali minħabba li fil-jum proprju tal-Elezzjoni Ġenerali tal-2017, kienu se jkunu barra minn Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li hawn taħt jinsab it-tagħrif mitlub rigward il-votanti li ivvutaw fis-27 ta’Mejju 2017. DISTRETT VOTANTI REĠISTRATI IVVUTAW 1 278 275 2 262 254 3 255 250 4 219 214 5 263 259 6 212 205 7 266 260 8 381 377 9 470 463 10 582 571 11 391 385 12 423 414 13 240 237
Leg 13 PQ #1363 Sitting 23 2017-10-04 Oral · Final From: ALEX MUSCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew – Xogħlijiet tal-MITA

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kien l-involviment tal-aġenzija MITA fix-xogħol u l-proġetti li saru matul is-sitt xhur tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lil Onor. Interpellant lil-MITA ġiet fdata bit-tmexxija ta’ programm estensiv tat-teknoloġija tal-informatika, li kien jikkonsisti f’diversi inizjattivi, proġetti u servizzi bil-għan li jipprovdu soluzzjoni komprensiva u kompluta, skont il-bżonnijiet tal-Presidenza Maltija. Il-MITA pprovdiet servizzi ta’ project management, servizzi ta’ konsulenza speċjalizzata u servizzi ta’ mmaniġġar ta’ kuntratti relatati ma’ networks, servizzi tat-telefon, stampar u soluzzjoni CCTV, proviżjoni tas-servizzi tal-internet, internet bandwidth, soluzzjoni IPTV, soluzzjoni għal video conferencing, proviżjoni ta’ laptops/tablets u apparat għall-ipproċessar ta’ video u stampi. Servizzi ta’ konsulenza oħrajn li ġew ipprovduti kien jinkludu valutazzjoni u proviżjoni ta’ wireless internet f’siti barra mill-Palazz tal-Granmastru, websites u app uffiċjali tal-Presidenza, servizzi għas-sigurtà tal-informatika u soluzzjoni għall-akkreditazzjoni. Il-MITA mmaniġġjat, ikkordinat u pprovdiet infrastruttura ta’ network u anke wireless madwar il-Palazz tal-Granmastru fil-Belt li kien imfassal apposta għall-ġurnalisti, delegati u t- team tal-Presidenza. Ħadet ukoll ħsieb li jsir tiġdid fit-teknoloġija użata f’Dar Malta fi Brussell, intenzjonata biex tkabbar il-kapaċità tal-ICT minħabba ż-żieda fil-produttività li kien hemm bżonn matul il-Presidenza Maltija. Matul is-sitt xhur tal-Presidenza Maltija, il-MITA pprovdiet appoġġ tekniku u servizzi ta’ monitoraġġ biex tiżgura eżekuzzjoni bla problemi tal-laqgħat informali. Is-servizzi ta’ appoġġ ġew ipprovduti minn team iddedikat li kien jopera mill-Palazz u li kien responsabbli mill-appoġġ tekniku ta’ kuljum u l-manutenzjoni tal-infrastruttura u s-servizzi tal-ICT. Team speċjalizzat ta’ impjegati li pprovdew desktop support li assistew lid-delegati u lill-ġurnalisti fl-użu tas-servizzi tal-ICT li kien disponibbli matul il-laqgħat. Il-monitoraġġ tas-servizzi u tal-apparat tal-ICT sar fuq bażi 24x7 matul is-sitt xhur mid-Data Centre tal-MITA. Aktar minn hekk, proġetti oħrajn li saru matul dan il-perjodu u li kienu relatati mal-Presidenza Maltija kienu jinkludu l-Malta Summit fi Frar tal-2017 u l-Malta Digital Assembly 2017 li sar f’Ġunju.
Leg 13 PQ #1364 Sitting 23 2017-10-04 Oral · Final From: ALEX MUSCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITA Innovation Hub — proġetti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid xi proġetti saru fis-snin 2016 u 2017 permezz tal-MITA Innovation Hub? Kemm-il startup applikaw u x’kien l-ammont ta’ grants li dawn ibbenefikaw minnhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lil Onor. Interpellant li bejn l 2016 u l 2017 l-MITA Innovation Hub ħarġet tliet startup programmes. Dettalji tat-tliet programmi jinsabu fit-tabella hawn taht: ProgettData tas-sejħaApplikantiApplikanti magħżulaValur ta' kull grant moghti lil kull startupTotal ammont allokat għal kull grant StartApp2.012 /03 201683€22,000€66,000 YouStartIT8 /10/ 2016195€22,000€110,00 YouStartIT#219 /05/ 2017176€22,000€132,000 Total €308,000
Leg 13 PQ #1385 Sitting 23 2017-10-04 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żwiġijiet Ċivili

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm Żwiġijiet biċ-Ċivil f’dawn l-aħħar erba’ snin bejn: a) Maltin; b) Malti u barranija; ċ) Maltija u barrani; u d) barranin?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Hawn taħt jinsab it-tagħrif mitlub: Żwiġijiet biċ-Ċivil Koppji Maltin Malti ma' Barranija Maltija ma' Barrani Barranin 2013 208 142 74 634 2014 208 151 70 793 2015 290 161 78 749 2016 287 158 88 913 01/01/2017 – 20/08/2017 165 92 59 536
Leg 13 PQ #1386 Sitting 23 2017-10-04 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Passaporti kkonsenjati lil Maltin minn rappreżentanzi diplomatiċi jew konsolari Maltin

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienu kkonsenjati passaporti ġodda u passaporti mġeddin lil ċittadini ta’ Malta minn rappreżentanzi diplomatiċi jew konsolari Maltin barra minn Malta sena b’sena u pajjiż b’pajjiż bejn l-2011 u l-2015?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-passaporti ma għadhomx aktar jiġġeddu iżda meta jiskadu, jinbidlu u jinħareġ dejjem passaport ġdid. Il-figuri għas-snin imsemmija huma kif ġej: fl-2011 ħarġu 2,963 passaport, fl-2012 ħarġu 3,078, fl-2013 ħarġu 3,422, fl-2014 ħarġu 3,866 u fl-2015 ħarġu 3,572 passaport. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.
Leg 13 PQ #1387 Sitting 23 2017-10-04 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza minn individwi ta’ nazzjonalità Ingliża

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ applikazzjonijiet ta’ persuni ta’ nazzjonalità Ingliża li applikaw għaċ-ċittadinanza f’dawn l-aħħar erba’ snin? X’wassal għal din iż-żieda?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-snin kienet irreġistrata żieda fin-numru ta’ persuni illi japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija. Is-segwenti hija l-istatistika tal-Ingliżi illi applikaw għaċ-ċittadinanza Maltija mill-2013 sal-lum. 2013 – 203 2014 – 152 2015 – 198 2016 – 392 Jannar sa Lulju 2017 – 419 Matul is-sena li għaddiet, l-applikazzjonijiet tal-Ingliżi għaċ-ċittadinanza Maltija meta mqabblin mas-snin preċedenti irduppjaw, u dan in-numru kompla jiżdied matul is-sena kurrenti. Għalkemm l-applikanti ma jintalbux jagħtu r-raġuni għaliex ikunu qegħdin japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija, ninnutaw illi l-applikazzjonijiet żdiedu drastikament wara r-referendum tal-Brexit.
Leg 13 PQ #1388 Sitting 23 2017-10-04 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Emenda fil-Liġi għaċ-Ċittadinanza Maltija

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk iddaħlitx fis-seħħ l-emenda fil-Liġi li tippermetti biex dawk il-persuni barranin li joffru kontribut siewi – fosthom xjenzati, riċerkaturi, atleti, persuni fl-isports, artisti u persuni fil-qasam tal-kultura, japplikaw għaċ-Ċittadinanza Maltija? Jekk le, f’liema stadju waslet din il-proposta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Att XXIV tal-2017 li jemenda l-Att dwar ic-Ċittadinanza Maltija (Kap 188) – artiklu 10(9)(c) - sabiex ikun possibbli li persuna li tkun wettqet servizzi eċċezzjonali ghar-Repubblika ta’ Malta jew lill-umanita, tingħata iċ-ċittadinanza Maltija jew li l-akkwist taċ-ċittadinanza hi ta’ interess eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta, ġie fis-sehh fl-1 ta’ Awwissu ta’ din is-sena. F’dan ir-rigward jehtieġ li jigu ppubblikati Regolamenti permezz ta’ Avviz Legali sabiex ikunu jistghu jigu implimentati il-provvedimenti ta’ dan l-Att. Ninforma lill-Onor Interpellant illi f’dan l-istadju qeghdin isiru l-ahhar preparamenti sabiex jidhlu fis-sehh dawn ir-regolamenti.
Leg 13 PQ #1402 Sitting 23 2017-10-04 Oral · Final From: GLENN BEDINGFIELD To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – kuntratti u xogħlijiet minn kumpanija/individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti lil din il-Kamra rendikont dettaljat tax-xogħol u/jew kuntratti li ngħataw mill-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, id-ditta legali u l-individwu li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament għall-perjodu bejn l-1998 u l-2013? Jista' jelenka liema mix-xogħol u/jew kuntratti ngħataw b'direct order?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma’ ngħata l-ebda xogħol jew kuntratti lill-individwu msemmi jew id-ditta legali msemmija.
Leg 13 PQ #821 Sitting 22 2017-10-03 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — sponsorships

Question

B’referenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 74, nixtieq nippreċiża li qiegħed nirreferi għal kull tip ta’ sponsorship li taw id-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tiegħu, kemm jekk l-isponsorship kien jikkonsisti f’għotja ta’ flus kif ukoll jekk l-isponsorship kien in kind, jiġifieri billi ġie provdut xi servizz b’xejn. Jista’ l-Prim Ministru f’kull każ jgħid taħt liema skema ngħata l-isponsorship, meta saret it-talba għal dan l-isponsorship u min approva f’kull każ l-isponsorship?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kienet biss l-Awtorità Maltija tal-Kommunikazzjoni li tat sponsorship.Din kienet ta’ €500 u ngħatat lill Fakulta tal-Economics, Management and Accountancy fi hdan l-Università ta’Malta bħala sponsorship għad-Dean Awards 2017.
Leg 13 PQ #984 Sitting 22 2017-10-03 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Residenza San Viċenz de Paul – każi ta’ dixxiplina

Question

Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku dwar l-investigazzjoni tagħha biex ikun stabbilit jekk f’numru ta' każi ta' dixxiplina li kienu jikkonċernaw uffiċjali pubbliċi li jaqdu dmirijiet fir-Residenza San Vinċenz de Paul, il-Kap Eżekuttiv tal-istess residenza kenitx abbużat jew użat ħażin l-awtorità delegata lilha biex teżerċita kontroll dixxiplinarju fuq l-istess uffiċjali, jew inkella naqsitx milli teżerċita sew dan il-kontroll skont ma jipprovdu r-Regolamenti tal-Proċedura ta' Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Infurmat li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku m’għandha l-ebda rapport ta’ investigazzjoni kif mitlub mill-Onor. Interpellant x’tippreżenta.
Leg 13 PQ #985 Sitting 22 2017-10-03 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Passi kriminali/dixxiplinarji kontra individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’passi kriminali jew dixxiplinarji ttieħdu kontra l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (immarkat (a)) , li fl-2013 kien ġie redeployed fuq kuntratt bħala persuna ta’ fiduċja mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, fuq l-akkuża ta' tixħim miġjuba kontrih mill-individwu li d-dettalji dwaru wkoll qed jingħataw separatament (immarkat (b)), fejn dan kien insista li l-individwu kien talbu ħlas minn taħt ta’ €30,000 biex jitħallsu l-flus li kienu dovuti lilu mill-Ministeru tal-Edukazzjoni b’rabta ma’ xogħol fuq estensjoni tas-sixth form f’Għawdex? Jista’ l-Prim Ministru jgħid skont liema regolamenti f’Novembru tas-sena l-oħra individwu (a) kien issospenda lilu nnifsu mix-xogħol iżda kompla jirċievi s-salarju sħiħ tiegħu mingħand il-gvern, biex issa ilu aktar minn tmien xhur ma jattendi għax-xogħol u fl-istess ħin jirċievi paga sħiħa daqslikieku għadu jaħdem? Jista’ jgħid għaliex l-individwu (a) ngħata trattament differenzjali minn ħaddiema akkużati b’reati kriminali ħafna inqas serji, li ġew sospiżi mix-xogħol mill-ewwel filwaqt li matul il-perjodu ta’ sospensjoni rċevew nofs is-salarju u mhux proporzjon ogħla?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 13 PQ #815 Sitting 21 2017-10-02 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Programm ta' Residenza u Visa fil-Lvant Nofsani – konċessjoni lil kumpanija

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim iffirmat bejn il-Gvern ta' Malta u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u li permezz tiegħu din l-istess kumpanija ngħatat konċessjoni b'rabta mal-Programm ta' Residenza u Visa fil-Lvant Nofsani?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-kuntratt ta’ konċessjoni li għalih qed jagħmel referenza l-Onor. Interpellant huwa dwar marketing u promozzjoni tal-Programm ta’ Residenza u Visa fil-Lvant Nofsani. Din il-konċessjoni bl-ebda mod ma tipprekludi lil agenti awtorizzati ohra li jipproċessaw applikazzjonijiet li ġejjin mil-Lvant Nofsani. Madanakollu l-Gvern hass illi fl-interess holistiku tal-programm kif ukoll sabiex jassigura konsistenza f’dak li huwa messagg, kellu jiskatta process miftuh u trasparenti sabiex jigi appuntat konċessjonarji li jkunu inkarigati mill-marketing u l-promozzjoni tiegħu. Il-ftehim ta’ konċessjoni kien gie ffirmat f’Awissu tal-2016 wara sejha għal proposti li kienet harget f’Novembru 2015. Din is-sejha għal dawk interessati kienet giet ippublikata fuq il-gazzetti u l-gazzetta tal-Gvern. Ma gie intavolat l-ebda appell minn kumpaniji li setgħu kellhom interess u għalhekk wara li għalaq iż-żmien tal-appell il-Gvern setgħa jipproċedi bl-iffirmar ta’ dawn il-ftehimiet. Il-konċessjoni tagħmel referenza għal klawzoli ta’ konfidenzjalita li jorbtu liż-żewġ partijiet milli jippublikaw dan il-ftehim minhabba n-natura kummerċjali tiegħu. Għalhekk mhux possibli li jitqiegħed fuq il-mejda tal-kamra kopja ta’ dan il-ftehim. Il-programm, li kien iddahhal wara konsultazzjoni kontinwa u pozittiva mal-oppozizzjoni, qed ikun wiehed ta’ suċċess u sa issa dahlu aktar minn mija u hamsin applikazzjoni li minnhom gew awtorizzati u proċessati tmienja u disgħin card ta’ residenza" Il-kuntratt ta’ konċessjoni li għalih qed jagħmel referenza l-Onor. Interpellant huwa dwar marketing u promozzjoni tal-Programm ta’ Residenza u Visa fil-Lvant Nofsani. Din il-konċessjoni bl-ebda mod ma tipprekludi lil agenti awtorizzati ohra li jipproċessaw applikazzjonijiet li ġejjin mil-Lvant Nofsani. Madanakollu l-Gvern hass illi fl-interess holistiku tal-programm kif ukoll sabiex jassigura konsistenza f’dak li huwa messagg, kellu jiskatta process miftuh u trasparenti sabiex jigi appuntat konċessjonarji li jkunu inkarigati mill-marketing u l-promozzjoni tiegħu. Il-ftehim ta’ konċessjoni kien gie ffirmat f’Awissu tal-2016 wara sejha għal proposti li kienet harget f’Novembru 2015. Din is-sejha għal dawk interessati kienet giet ippublikata fuq il-gazzetti u l-gazzetta tal-Gvern. Ma gie intavolat l-ebda appell minn kumpaniji li setgħu kellhom interess u għalhekk wara li għalaq iż-żmien tal-appell il-Gvern setgħa jipproċedi bl-iffirmar ta’ dawn il-ftehimiet. Il-konċessjoni tagħmel referenza għal klawzoli ta’ konfidenzjalita li jorbtu liż-żewġ partijiet milli jippublikaw dan il-ftehim minhabba n-natura kummerċjali tiegħu. Għalhekk mhux possibli li jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-ftehim. Il-programm, li kien iddahhal wara konsultazzjoni kontinwa u pozittiva mal-oppozizzjoni, qed ikun wiehed ta’ suċċess u sa issa dahlu aktar minn mija u hamsin applikazzjoni li minnhom gew awtorizzati u proċessati tmienja u disgħin card ta’ residenza"
Leg 13 PQ #816 Sitting 21 2017-10-02 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – xogħol tal-Editur tal-Orizzont

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ser ikun ix-xogħol tal-Editur tal-ġurnal l-Orizzont fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Jista' l-Prim Ministru jispjega kif l-Editur tal-ġurnal l-Orizzont "ma jafx x’se jkun jirrikjedi eżatt xogħlu" fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kif stqarr l-istess Editur tal-ġurnal l-Orizzont meta mistoqsi u kif ġie rrapurtat mis-sit tal-aħbarijiet newsbook.com.mt?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata bdiet l-impjieg tagħha fit-taqsima li tieħu ħsieb il-mistoqsijiet Parlamentari (PQ Unit) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fid-19 ta’ Lulju 2017.