Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mosta — Wied il-Għasel - Tindif tal-Wied

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 140 fejn il-Ministru għarraf li x-xogħol ta' tindif f'Wied il-Għasel kellu jitkompla mill-Works Division, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3669 u jgħid xi żviluppi saru li jwasslu biex ix-xogħol ta' tindif f'dan il-wied jitlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-enforcement minn naħa tal-MEPA sar u x-xogħol ta’ tindif fil-wied beda u mistenni jitkompla fl-imkien ma’ xi xogħol ieħor lejn nofs din is-sena.

Materjali riċiklati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-materjali li qed jiġu riċiklati f'Malta? Hemm xi ħsieb li ma' dawn jiżdiedu oħrajn? Kemm hija l-ispiża biex dawn il-prodotti jiġu riċiklati? Fejn qed jintbagħtu dawn l-materjali biex jiġu riċiklati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-materjali li qed jinġabru mill-WasteServ u jintbagħtu għar-riċiklaġġ huma, Plastik, Metall, Karta, Kartun, Ħġieġ, Tyres, batteriji tal-karozzi u batteriji żgħar, skart tal-elettriku u elettroniku (WEEE), żejt ta’ l-ikel u żejt tal-karozzi. Aktar materjali jiżdiedu jekk ikun hemm suq għalihom. L-ispiża għar-riċiklaġġ hija kif ġej: · Plastik, Metall, Karta, Kartun, Ħġieġ – spiża medja ta’ € 39 għal kull tunellata li tinkludi s-separazzjoni tal-materjali differenti u l-produzzjoni ta’ bales li jinbiegħu. Din l-ispiża ma tinkludix l-ispiża tal-ġbir per eżempju minn siti għal skart isseparat. Id-dħul mill-bejgħ tal-materjal huwa diġà mnaqqas. · Tyres: € 272.54 kull tunellata · Batteriji tal-karozzi – mingħajr spiża għax hemm dhul nett · Batteriji zgħar – spiża ta’ € 1,860.00 ghal kull tunellata · WEEE – l-ispiża għar-riċiklaġġ għadha mhix finalizzata għaliex għadu ma ġiex esportat materjal għar-riċiklaġġ · Żejt ta’ l-ikel - mingħajr spiża · Żejt tal-karozzi – spiża ta’ € 4.66 għal kull 200 litru Il-materjali kollha li jinġabru għar-riċiklaġġ jiġu mgħoddija lil numru ta’ kumpaniji lokali. Iż-żejt ta’ l-ikel, iż-żejt tal-karozzi u tyres jiġu riċiklati hawn Malta. Il-bqija jigu esportati.

Refund fuq xiri ta' solar water heaters

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 4231 u jgħid kemm għad fadal claims għar-refund fuq xiri ta' solar water heaters li jridu jitħallsu? F'liema ordni qegħdin jitħallsu dawn il-claims?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li għadu għaddej il-proċess biss fuq 218-il talba oħra li fadal li mhumiex iffinalizzati minħabba xi informazzjoni nieqsa.

ftuħ ta' mużew — affarijiet relatati mal-biedja f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru jkunx dispost li jgħin biex jinfetaħ mill-privat mużew li fih ikun hemm esebiti għodod u affarijiet oħra relatati mal-biedja f'Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li hemm miżuri mill-Programm ta’ l-Iżvilupp Rurali 2007 – 2013 li jistgħu jagħtu l-opportunità sabiex jiġu kkunsidrati inizjattivi bħal dik imsemmija fil-Mistoqsija. Tajjeb wieħed jgħid li bħalissa l-Gvern qed jeżamina inizjattiva ta’ sħubija bejn Gvern u wieħed mill-Kunsilli Lokali propju fuq din l-idea.

Siġar tal-Palm — Bumunqar aħmar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ttieħdu u ser ikomplu jittieħdu biex is-siġar tal-palm f'Malta ma jkomplux jinqerdu mill-bumunqar aħmar? Kemm kien in-nurmu ta' siġar li dwarhom id-dipartiment kien infurmat li ġew affettwati? Fejn jinsabu dawn il-postijiet li fihom kien hemm problemi fil-palm?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat lid-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti jara li l-palm infettat jiġi kkurat bil-bexx speċjalment dawk li jkunu fl-ewwel stadju tal-infezzjoni. Pero anki dawk li ma jkunux infettati jingħataw attenzjoni. Jingħata wkoll parir ta’ kif wieħed jista’ jikkura l-palma. Tqassmu b’xejn madwar 78 Pheromone Traps lil diversi individwi li talbu dan is-servizz.Fejn il-palm ikun attakkat serjament, id-Dipartiment jibgħat ittra ta’ nfurzar biex il-palm mejjet jitneħħa. Dan isir fil-presenza ta’ uffiċjali mid-Dipartiment li joħroġ il-permessi meħtieġa u jikkoordina biex il-palm mejjet jiġi eliminat skond kif rakkomandat mill-istess Dipartiment. Uffiċjali tad-Dipartiment dejjem jispezzjonaw u jinvestigaw kull rapport li jsir minn individwi dwar xi palm. L-uffiċjali mid-Dipartiment jieħdu ukoll nota ta’ dawk il-palm li jinstabu f’postijiet abbandunati u flimkien ma’ awtoritajiet oħra governattivi, jinstab il-persuna responsabbli mill-post abbandunat. Fejn dan ma jinstabx, il-palm jinqala’ xorta waħda. Matul is-sena 2008 saru madwar 478 spezzjoni f’residenzi privati u postijiet pubbliċi u nqalgħu madwar 193 siġra tal-palm. Intbagħtu wkoll madwar 129 ittra ta’ infurzar biex jinqala’ l-palm. Huma diversi l-postijiet fejn hemm palm milqut b’din il-marda speċjalment fiċ-ċentru ta’ Malta. Il-postijiet l-aktar milquta huma: Burmarrad, Ta’ Xbiex, Gżira, Sliema, San Ġiljan, Mosta, Naxxar, Attard, Balzan, Swieqi, B’Kara, Rabat, Pembroke, Mellieħa, Siġġiewi, Mtarfa, Msida, Kappara/San Gwann, Tal-Ibraġ, Madliena, Sta Venera, Ħamrun,, Ta’ Qali, Għaxaq u Safi. Sadanittant, il-Ministeru qed jikkunsidra numru ta’ inizjattivi oħra.

Biċċerija tal-Gvern — Qtil ta' annimali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla tad-diversi annimali li ssir fil-biċċerija tal-Gvern matul l-2008? Kemm kien il-piż ta' kull tip ta' annimal separatament? Kemm kien l-ammont ta' qatla tal-istess tip ta' bhejjem matul l-2007?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Nefqa għall-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni ta' kemm ser tkun in-nefqa mill-ministeru li tiegħu hu responsabbli, biex jiġi assigurat li l-bdiewa jkomplu jaħdmu r-raba' tagħhom matul l-2009?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex ikun iktar speċifiku.

Widien abbandunati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3967, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4210 u jressaq ir-rapport għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tal-Parlament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-mistoqsija nru 4758.

Baħar iċ-Ċagħaq — caravan site

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4150 u jgħid x'kienet in-nefqa tal-gvern matul is-snin għall-bini tal-caravan site f'Baħar iċ-Ċagħaq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — refurbishment

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4119 u jgħid jekk sarx xi xogħol ta' refurbishment fil-ministeru, (private secretariat) minn April 2008 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, kemm kien il-valur tax-xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li f’Xatt il-Barrieri saru xogħlijiet ġeneral li b’kollox swew €10,024.30.

Proġetti mwettqa mill-kumitati għar-riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti twettqu mill-kumitati għar-riabilitazzjoni matul din is-sena, kull kumitat separatament? X'inhu l-programm ta' xogħol għas-sena 2009 ta' kull kumitat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Applikazzjonijiet għar-reġistrar ta' boreholes

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' applikazzjonijiet għar-reġistrar ta' boreholes, spieri u nixxiegħat li ġew sottomessi lill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi skond l-aħħar skema ta' reġistrar li għalqet ftit tal-jiem ilu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li saru 2643 applikazzjoni.

Ditta SLR

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4574 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji ta' tender mgħotija lid-ditta SLR in konnessjoni ma' studji li saru jew għandhom isiru dwar l-ambjent EIS fuq l-impjant ta' Sant Antnin f'Marsascala?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Id-dettalji mitluba mill-Onor Membru kienu diġà jiffurmaw parti minn dokument pubbliku u kien jifforma parti mis-sejħa għall-offerti.

Ħal Farruġ — Ħal Luqa - Stray dogs

Question

Peress li fl-inħawi ta' Ħal Farruġ ġo Ħal Luqa, hemm ħafna stray dogs li huma ta' periklu għar-residenti, jista' l-Ministru jordna li dawn jinġabru fl-iqsar żmien possibbli?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li numru ta’ klieb ġew miġbura mill-akkwati ta’ Ħal-Farruġ madwar ġimagħtejn ilu.

Climate and Energy Package

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu t-talbiet oriġinali ta' Malta qabel l-aħħar kunsill ta' l-Unjoni Ewropea fi Brussels dwar il-Climate and Energy Package u kemm minnhom ġew milqugħa? Liema kienu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Importazzjoni ta' frott u ħaxix

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3498 u jgħid jekk teżistix xi regolamentazzjoni li tirregola l-importazzjoni ta’ frott u ħaxix minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Is-Suq Ewropew huwa suq wieħed u l-moviment f’dan is-suq huwa irregolat biss, għall-benefiċju tal-konsumatur, minn regoli li jwasslu għal traceability sabiex f’każ ta’ bżonn, ikun hemm mezz kif wieħed jirtira malajr il-prodotti kollha mis-suq. Jien infurmat li minħabba xi mard li dawn jistgħu jġorru magħhom, l-‘importazzjoni’ tal-frott u ħaxix minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea huwa rregolat mid-Direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea 2000/29 u l-emendi tagħha. Din id-Direttiva u l-emendi tagħha ġew trasposti bl-Avviż Legali 97 ta’ l-2004 taħt l-Att tal-Kwarantina tal-Pjanti (CAP 433) u mir-regolamenti suċċessivi li jemendaw dan l-Avviż Legali.

Spieri reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3500 u jgħid kemm hemm spieri/boreholes irreġistrati (eskluż dawk li ġew reġistrati mis-7 t’Ottubru 2008 'il quddiem)? Jista jagħti rendikont ta’ dawn il-boreholes lokalità b’lokalità kif ukoll jgħid kemm minn dawn kienu rreġistrati qabel 1997? Jista' jgħid kemm ġew reġistrati boreholes/spieri mis-7 ta' Ottubru 2008 'l quddiem u jagħti rendikont kif ġew reġistrati lokalità b'lokalità?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Zebbuġ- Triq l-Imdina — Culvert ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3501 u jassigura li l-culvert tal-ilma tax-xita li hemm fi Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ, b’mod partikolari l-bokok tiegħu li ħafna minnhom huma mblukkati, jitnaddaf u ssirlu l-manutenzjoni meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-bokok tal-‘closed culvert’ tal-ilma fi Triq l-Imdina fuq in-naħa tat-triq arterjali, li allura hija responsabbiltà tal-Gvern ċentrali, jiġu mnaddfa regolarment darba fil-ġimgħa. Il-bokok li jagħtu min-naħa tal-layby, liema parti taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali, xorta jingħataw l-attenzjoni mid-Dipartiment tal-Cleansing, partikolarment meta jiġu mnaddfa il-pits. Rigward il-manutenzjoni tal- culverts per se , peress li din taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-ADT nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħaż-Żebbuġ — Tindif ta' sit vakanti

Question

Jista' l-Ministru jassigura li sit vakanti pjuttost kbir li jinsab fuq tliet toroq f'Ħaż-Żebbuġ, jiġifieri Triq is-Sindku P. Vella, Triq Dun Salv Ciappara u Triq Dun Salv Trevisan, jitnaddaf b'mod immedjat mill-iskart li hemm mormi ġo fih? Jista' jassigura li jittieħdu l-miżuri kolla possibbli sabiex ma jibqax jintrema skart f'dan is-sit?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.