Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel tal-Gvern — miżuri dwar studenti barranin

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6998 dwar miżuri ta' integrazzjoni soċjali għal studenti barranin fl-iskejjel tal-Gvern, jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel qegħdin jittieħdu dawn il-miżuri?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn il-miżuri jiġu addottati fl-iskejjel kollha skont il-ħtieġa.

Imtarfa — użu mill-binja tal-iskola primarja

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7146, jista' l-Ministru jgħid jekk il-binja tal-iskola primarja tal-Imtarfa hux se tintuża bħala skola fil-futur wara li tiġi rijabilitata l-istess binja peress li l-istqarrija PR230217 li l-Ministru rreferieni għaliha f'din it-tweġiba ma tgħid xejn dwar dan?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà spjegajt fis-seduta numru 102 għal mistoqsija supplimentari li saritli, intenni li l-binja tal-Imtarfa mhux adegwata biex tintuża.

Skejjel — AED mhux funzjonabbli

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4941, 5096, 5826 u 6639 u jaġġorna lill-Kamra u jgħid kemm-il AED hemm li mhux funzjonabbli fl-iskejjel?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox hemm 8 AEDs mhux funzjonabbli. Infurmat li l-iskejjel konċernati qed jieħdu l-azzjoni neċessarja biex dawn l-AEDs jissewwew mill-iktar fis possibbli.

MCAST – diploma/degree fis-social work

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6957 u jgħid jekk huwiex minnu li l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) qed jippjana li joffri diploma u degree fis-Social Work?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-proċess u żvilupp ta’ kull student fl-edukazzjoni, għaddejjin it-taħdidiet neċessarji biex titwaqqaf degree fis-suġġett imsemmi.

Skejjel — Fire Drills

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 5825 u 6640 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5119, jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-iskejjel li għamlu dawn il-fire drills?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Skejjel — Studenti li jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport - Rappori dwar imġiba mhux xierqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6325 u 6996 u jgħid kemm-il rapport sar fl-aħħar sentejn (2021-22 u 2022-23) minn studenti, ġenituri, xufiera jew membri tal-istaff edukattiv dwar imġiba mhux xierqa ta’ studenti waqt li jużaw is-servizzzi ta’ trasport?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Skejjel — Investimenti f'Laboratorji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6331 u 7009 u jgħid x’sar mill-wegħda ta’ €150 miljun investiment f’laboratorji fl-iskejjel tagħna? Jista’ jgħid liema skejjel ibbenefikaw u x’materjal ingħata jew ġie mibdul? X’fadal jiġi investit mis-somma inizjali?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Kunsill għal Ħiliet Nazzjonali – kuntratt ta’ impjieg taċ-Chairperson

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' impjieg u kwalunke dokument ieħor li jirregola l-impjieg taċ-Chairperson tal-Kunsill għal Ħiliet Nazzjonali?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għalliema Għawdxin li għamlu r-Reading Recovery course

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk l-għalliema mill-iskejjel Għawdxin li ntbagħtu għal Reading Recovery course fis-sena skolastika attwali (2022-2023), u jekk dan hux isir waqt il-ħin tal-iskola u jekk il-klassijiet humiex jitħallew bla għalliem fiss matul dal-perjodu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 7 għalliema mill-iskejjel Għawdxin li qed isegwu l-course msemmi u li jsir waqt il-ħinijiet tal-iskola. Dawk il-klassijiet li jkollhom l-għalliem/a għaddej bil-kors, jingħatalom għalliem ieħor.

MCAST — Engineering and Electronics Course – apprenticeship

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istudenti li qed jagħmlu l-kors tal-Engineering and Electronics fl-MCAST humiex jagħmlu l-apprenticeship (li kellu jibda fi Frar tal-2023)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema kors qed jirreferi.

Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija – kuntratt ta’ impjieg tal-Kap Eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' impjieg u kwalunke dokument ieħor li jirregola l-impjieg tal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Skola Medika

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5263, li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk u meta se terġa' tibda tiffunzjona l-Medical School jew jekk hux se jkun hemm premises ġodda?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – karozza uffiċjali u allowance minflok is-second car tiegħu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6206, ladarba l-Ministru ddikjara li mhux qed juża s-second car, jista’ jgħid kemm hu l-allowance li qed jieħu minflok l-użu ta’ din il-karozza?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba numru 36589 li ngħatat nhar il-25 ta’ Settembru tal-2012 tal-Leġiżlatura XI.

Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – karozza uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, jgħid x'inhi l-għamla tal-karozza uffiċjali tiegħu? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-għażla tal-karozzi uffiċjali li juża hu u min rebaħ dan it-tender? Jekk ma nħareġ l-ebda tender, jista' jgħid: a. mingħand min inxtrat u kemm ġiet tiswa l-karozza uffiċjali tiegħu; u/jew b. kemm qed tinkera kuljum il-karozza uffiċjali tiegħu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għamla tal-karozza uffiċjali li tintuża mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru hi BMW 5 Series 530E (Plug-in Hybrid), li tinkera għal €10,950 kull sena mingħand C24M Hire and Leasing.

Imtarfa – użu mill-binja tal-iskola primarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir mill-binja li kienet tintuża bħala skola primarja fl-Imtarfa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-istqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni numru PR230217 nhar il-Ħamis 9 ta’ Frar 2023.

Il-Furjana – ġnien Sir Luigi Preziosi – grounds tal-futbol

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Furjana jiġi assistit sabiex il-grounds tal-futbol li hemm fil-Ġnien Sir Luigi Preziosi jiġu miżmuma aħjar billi għandhom bżonn kura?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill imsemmi qatt ma saritlu talba f’dan is-sens.

Ftehim bejn il-Ministeru u l-provider tal-iskema tal-frott u l-ħaxix fl-iskejjel

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim bejn il-Ministeru u l-provditur tal-iskema tal-frott u l-ħaxix fl-iskejjel?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali ma ġewx imwieġba mill-Ministeru tiegħu, u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-emails bil-mistoqsijiet kollha li ġew mibgħuta mill-online news portals jew media houses, li ma ġewx imwieġba, għall-perjodu msemmi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala membri tal-Kabinett tal-Ministri norganizzaw b’mod regolari diversi konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom mhux biss nispjegaw inizjattivi ġodda u nagħtu dettalji dwar il-kisbiet li jkun qed jagħmel il-pajjiż, iżda nagħtu wkoll opportunità lill-ġurnalisti jistaqsu dwar liema tema jridu. Irrid ngħid li l-ġurnalisti jikkonkorru u d-domandi jkunu diversi. Dan fl-istess ħin li jitwieġbu l-bosta domandi li jintbagħtu lill-Ministeru, liema risposti mbagħad jirrapportaw dwarhom il-mezzi tax-xandir. Isir sforz li sa fejn hu possibbli d-domandi kollha li jidħlu jitwieġbu. Inżid li mhux l-ewwel darba li domandi li jkunu daħlu bil-kitba jkunu eventwalment indirizzati fil-konferenzi tal-aħbarijiet li semmejt qabel.