Malta Enterprise — kumpaniji li investew fil-Libja
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif beħsiebu l-gvern jikkwantifika l-investiment totali Malti fil-Libja sal-lum ġaladarba ċ-Chairman tal-Malta Enterprise mar on record jgħid f’"Il-Mument" tas-27 ta' Marzu 2011 li ma teżisti l-ebda statistika uffiċjali, lanqas min-naħa tal-gvern, ta’ kemm dawn il-kumpaniji Maltin investew fil-Libja?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kumpaniji li jesportaw barra minn xtutna mhumiex marbutin li jinfurmaw lill-Malta Enterprise bl-inizzjattivi u l-investimenti tagħhom. Għalhekk din l-informazzjoni mhux possibbli tinkiseb sakemm in-negozji ikkonċernati ma jagħtux l-informazzjoni b’mod volontarju huma stess.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji Maltin li bbenefikaw minn miżuri speċifiċi tal-Malta Enterprise sabiex tgħin lil dawk il-kumpaniji milquta mill-kriżi fil-Libja jiffaċilitaw problemi ta’ cash flow li kienu qed jiffaċċjaw? Għal kemm kienet tammonta b'kollox din l-għajnuna s’issa?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise mhux qed tagħti assistenza finanzjarja diretta lill-kumpaniji milquta mis-sitwazzjoni fil-Libja. Madankollu, fejn hu possibbli, il-Malta Enterprise qeda tiffaċilita il-proċess ta’ rifużjoni jew pagamenti mingħand jew lill-gvern permezz ta’ direzzjoni lid-Dipartimenti u entitajiet konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa mifhum li hemm kumpaniji Maltin li joperaw fil-Libja li huma kumpaniji fil-qasam tal-kostruzzjoni jew tal-infrastruttura?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kumpaniji Maltin jirreġistraw l-operazzjoni tagħhom mal-MFSA, u ma tinkludix jekk l-operat isirx lokalment jew ġewwa pajjiz partikolari.
Jista' l-Ministru jgħid meta nbeda u fiex wasal l-impact assessment tal-kriżi tal-Libja fuq dawk l-għadd ta’ kumpaniji li fi kliemu fit-"The Times" tal- 31 ta' Marzu, 2011 bħal Medavia li huma direttament dipendenti fuq il-Libja? Minn min qed isir dan l-eżerċizzju? B’kollox kemm hemm kumpaniji Maltin li huwa mifhum li jiddependu direttament fuq il-Libja għall-esportazzjoni tagħhom jew fil-biċċa l-kbira tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sa mill-ewwel ta’ Marzu 2011, il-Malta Enterprise bdiet tiġbor informazzjoni minn individwi u negozji b’interess kummerċjali fil-Libja biex jinżamm rekord ta’ kwistjonijiet li nqalgħu minħabba din il-kriżi, u biex tkun tista tiffaċilità l-affarijiet fejn hu possibbli. Din l-inforazzjoni kienet tirrigwarda:
· Il-kumpaniji Libjani ma’ min kien isir in-negozju
· Kwantifikazzjoni ta’ ordnijiet pendenti jew dubjużi
· Pagamenti pendenti
· Numru ta’ impjegati li jistgħu jiġu affetwati
· Investmenti/
stocks
fil-Libja
· L-impatt immedjat mistenni fuq in-negozju
· Rimborżi pendent mill-Gvern ta’ Malta (eż. VAT)
· Kummenti
Informazzjoni dwar kemm negozji jiddependu mill-esportazzjoni lejn il-Libja hija kif muri fid-dokument li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Malta Film Commission — opportunitajiet għall-film makers
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'qed tagħmel il-Malta Film Commission biex tkabbar l-opportunitajiet għal film makers ġodda Maltin?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Film Commission kontinwament tistudja kif jistgħu jinħolqu opportunitajiet għal produtturi ta’ films lokali.
Fost dawn l-opportunitajit wieħed irid isemmi l-Film Fund li kien inħoloq sabiex jagħti fondi għat-twettieq ta’ proġetti ta’
films
. B’dan il-fond il-gvern qed jgħin sabiex jinħolqu opportunitajiet li jgħinu fl-iżvilupp ta’ industrija awdjo-viżiva indiġena filwaqt li tingħata għajnuna lill-produtturi lokali.
Minbarra dan il-fond, il-Malta Film Commission nidiet kors fuq l-aspetti ċarji tal-produzzjoni tal-films u li għalih qed jattendu numru sabiħ ta’ parteċipanti. Dan il-kors, li għalih qed jinġiebu
tutors
internazzjonali, jibqa għaddej sal-2012.
Awtorità ta' Malta dwar l-iStandards — kiri ta' office space
Question
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-iStandards beħsiebha tikri 2,700m2 ta' office space? Kien hemm tentattivi biex minflok il-gvern jagħti b'xi titolu possessorju jew xorta oħra lill-istess Awtorità ta' Malta dwar l-iStandards proprjetà jew arti tiegħu minflok ma ssir il-kirja de quo?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità Maltija dwar l-iStandards (MSA) ħarġet sejħa għal espressjonijiet ta’ interess minn soċjetajiet reputabbli illi jinsabu f’pożizzjoni illi jikkonċedu b’titolu ta’ kera spazju tal-kejl aprossimattiv ta’ 2700 m.k., ġewwa lokalità ċentrali u idoneja għall-użu bħala uffiċini, u dan, flimkien ma’ faċilitajiet adegwati ta’ parkeġġ, bi preparazzjoni għal meta tidħol fis-seħħ il-liġi ġdida li ser twaqqaf l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur; u dan wara li ġie kkonsultat id-Dipartiment tal-Propjetà Governattiva fejn ikkonferma li, fil-preżent, m’għandux aċċess immedjat għal propjetà ta’ din in-natura.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24812, ma jaħsibx il-Ministru li dan in-nuqqas ta' appell se joħloq preċedent ġdid f'każijiet ta' strutturi żgħar fuq il-foreshore? Jista' jikkonferma jekk il-foreshore kienx minn dejjem meqjus bħala spazju pubbliku? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti li ġew esebiti fil-Qorti li juru li l-proprjetà in kwestjoni mhijiex proprjetà tal-gvern, iżda proprjetà ta' terzi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ma naħsibx li n-nuqqas ta’ appell se joħloq preċedent ġdid f’każijiet ta’ strutturi żgħar fuq il-foreshore minħabba li l-Qorti ma daħlitx fil-mertu jekk il-foreshore huwiex proprjetà pubblika jew le, imma iddeċidiet il-każ minħabba li t-terzi u l-antenati tagħhom kienu ilhom għal żmien immemorabbli jokkupaw dan il-garaxx.
Minn każijiet li kellu d-Dipartiment tal-Artijiet jirriżulta li l-
foreshore
mhux minn dejjem kien meqjus bħala spazju pubbliku, eżempju fil-Ġnejna kien hemm każ fejn minn kuntratti li ġew esebiti art sa tarf il-baħar kienet tal-privat, imma d-Dipartiment tal-Artijiet xorta waħda irreġistra din l-art u s-sidien ma ikkontestawx din ir-reġistrazzjoni.
Fil-każ li qed jagħmel referenza għalih l-Onorevoli interpellant, id-Dipartiment tal-Artijiet m’għandu ebda provi dokumentati fejn jirriżulta li l-art hija tiegħu u għalhekk ma seta’ jagħmel xejn aktar. Madankollu, d-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed dejjem jirreġistra artijiet bħal dawn f’ismu u hekk se jagħmel fil-każ tal-art kollha f’Anchor Bay.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sentenza relatata ma’ din il-kawża.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24698, jista' l-Ministru jikkonferma li s-sidien kollha ġew kumpensati għall-proprjetà li kienet itteħditilhom u li aċċettaw il-kumpens mogħti lilhom? Is-sidien kollha tal-proprjetà se jingħataw id-dritt li jieħdu ħwienet f'din il-pjazza u allura se jingħataw lura parti mill-art li tteħditilhom? Ma jaħsibx li dan l-aġir jammonta għal spekulazzjoni mill-gvern minn art meħuda għal skop pubbliku u li issa se tinbiegħ għal skop kummerċjali u dan kollu kontra l-Liġi ta' Malta li ma tippermettix din it-tip ta' spekulazzjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sidien kollha ġew kumpensati ħlief għal biċċa proprjetà żgħira li ġiet stmata €9,000 u li għaliha ħarġet Gazzetta tal-Gvern daqs sena ilu. Permezz ta’ din il-Gazzetta din il-parti saret proprjetà tal-Gvern.
Mhux korret li wieħed jgħid li s-sidien ser jingħataw lura parti mill-art li tteħditilhom minħabba li:
a) L-art li tteħditilhom mhux dejjem hija dik il-parti fejn kull sid kellu l-proprjetà tiegħu,
b) Il-ħwienet m’humiex jingħataw lura lis-sidien direttament imma qegħdin jinbiegħu b’sejħa għall-offerti fejn kulħadd seta’ jibbenifika mix-xiri ta’ dawn il-ħwienet.
F’dan il-bejgħ u ladarba dawk li jixtru jsiru s-sidien, il-gvern ma jkollux l-ebda dritt ieħor fuqha.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — nefqa fuq safar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar mill-2008 sal-lum minn uffiċjali li jaqgħu fi ħdan ir-responsabbiltà tiegħu, jiġifieri minn uffiċjali fl-awtoritajiet, dipartimenti governattivi u oħrajn? Jista' jagħti d-destinazzjoni u l-iskop tas-safra? Jista' jagħti din l-informazzjoni ukoll għar-rigward tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mil-Artijiet u SME's?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Peress li skont mistoqsija parlamentari 21300, fis-sena 2004 il-Gvern kien daħħal is-somma ta' €18.6 miljun, u peress li issa t-tender tal-lotterija nazzjonali waslet biex toħroġ, jista' l-Ministru jgħid meta huwa l-ħsieb tal-Gvern li jerġa' joħroġ tender mill-ġdid jew inkella għandux il-ħsieb li jġedded lill-operatur preżenti jekk huwa każ ta' tiġdid? Jista' jgħid xi ħlas sar mill-operatur għal tali tiġdid?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Peress li matul l-2009 u l-2010 nħarġu u ngħataw tenders ta' beni pubbliċi, fosthom it-Tarzna, il-Casino ta' Malta, il-Marina t'Għawdex u oħrajn, jista' l-Ministru jgħid jekk min rebaħ it-tender jew l-offerti magħmula hux qed jottempora ruħu mal-kundizzjonjiet tat-tender mirbuħa, fosthom interalia fejn jidħol investiment li jkun marbut bih, kif ukoll in-numru ta' impjiegi li jkunu mħarsa jew kreati matul l-istess perjodu?
Dan il-moniteragg huwa fl-interess nazzjonali li jsir għax għandu impatt ekonomiku.
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi f’dan il-perijodu 2009/2010, il-privatization unit ikkonkludiet t-trasferiment tal-Marina tal-iMsida, Marina ta’ Ta’ Xbiex, Marina ta’ l-Imġarr Għawdex, it-tarzna ta’ Bormla (Ship Repair) u l-Manoel Island Yacht Yard.
Il-Privatisation Unit tista’ tikkonferma li l-ħlas tal-kera dovuti saru kollha għaliex l-kera ta’ l-ewwel sena saret ma’ l-iffirmar tal-kuntratt.
Peress li l-monitoring tal-kundizzjonijiet l-oħra mhux il-kompitu tal-Privatisation Unit ma nistgħux ngħidu jekk il-kundizzjonijiet l-oħra humiex qegħdin jiġu onorati.
Jista' l-Ministru jispjega jekk in-nutara pubbliċi jkunux qed jaġixxu f'isem il-gvern meta jiġbru l-bolla u l-flus relatati ma' ħlasijiet lill-gvern, meta ċittadini komuni jmorru jinqdew għand in-nutar biex jagħmlu xi kuntratt?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Intrpellant illi n-Nutar huwa uffiċċjal pubbliku u għaldaqstant huwa nkarigat jiġbor l-bolla u flejjes oħra relatati ma kuntratti għan-nom tal-Gvern. B’danakollu n-Nutar Pubbliku m’huwiex mandatorju tal-Gvern u jibqa’ responsabbli hu personalment għal ġbir tal-flus dovuti lill-erarju pubbliku u biex jgħaddihom lill-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-fiduċja tiegħu fin-nutara li jiġbru l-flus mingħand il-poplu f'ismu u allura li jagħmlu dan ix-xogħol ifissirx li n-nutar għandu l-poter li jamministra dawn il-flus li jingħataw lilu miċ-ċittadini li jmorru għandu biex jagħmlu xi kuntratt?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern jafda f’idejn in-Nutara li huma uffiċjali pubbliċi sabiex jiġbru l-flus ta’ taxxa fuq kuntratti. Huwa l-obbligu u d-dmir tan-Nutar sabiex jgħaddi dawn il-ħlasijiet lill-kummissarju tat-taxxi interni.
Jista' l-Ministru jgħid ladarba ċ-ċittadin jara fin-nutar il-kolettur u rappreżentant tal-gvern, għaliex għandu l-istess ċittadin jerġa' jeħel il-flus tal-bolla u t-taxxa li jkun diġà ħallas f'kuntratti u ħlasijiet oħra għand nutar, jekk fl-aħħar jirriżulta li dan l-istess nutar ma qediex dmiru u ma ddepożitax il-flus afdati lilu miċ-ċittadin lill-gvern? Huwa l-każ li l-gvern għandu jfittex lin-nutar u mhux liċ-ċittadin meta kien in-nutar li naqas mill-obbligi tiegħu lejn il-gvern u mhux iċ-ċittadin li jkun ħallas il-kontribuzzjonijiet dovuti minnu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi meta, f’ċirkustanzi bħal dawk imsemmijin mill-Onorevoli interpellant, il-Gvern jesiġi li biex kuntratt jiġi ppubblikat il-ħlas tal-boll jew tal-capital gains irid isir mill-partijiet involuti fit-trasferiment, huwa jkun qed jimxi skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — konsum tal-fuel
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien jammonta f'ċifra ta' flus globali l-konsum tal-fuel matul l-2010 fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu? Kemm kien jammonta f'litri?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — awtoritajiet, entitajiet u bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-awtoritajiet, entitajiet u bordijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu? X’inhu n-numru ta’ persuni, inkluż chairman, li jservu fuq kull bord ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija? Kemm jitħallsu kull chairman u kull membru ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-lista ta’ awtoritajiet, entitajiet u bordijiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment huma kif qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-lista tal-Enitajiet tinkludi wkoll id-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant fuq dawn l-istess Entitajiet.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — servizz ta' konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24410 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-snin 2008, 2009 u 2010? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista jgħid jekk kull servizz mogħti, ingħatax b’direct order jew le?
Response (FENECH, TONIO)
Tweġiba
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
quotations maħruġa mid-dipartimenti u entitajiet tal-gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iqsar perjodu li jista' jingħata għas-sottomissjonijiet ta' quotations maħruġa mid-dipartimenti u entitajiet tal-gvern wara li jinħareġ l-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-Regolamenti dwar Kuntratti Pubbliċi ma jistabbilixxu l-ebda perjodu ta’ żmien li fih jistgħu jintefgħu offerti wara sejħa għall-quotations.