offerta tal-eLearning Solution — kwestjoni fuq wieħed mill-konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18406 u ċioe: B'referenza għas-sejħa għall-offerta pubblika M482/09 tal-eLearning Solution fl-iskejjel maħruġ mill-MITA, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument li bih il-Bord tal-Evalwazzjoni ġie nfurmat fl-10 ta’ Diċembru 2009 li wieħed mill-konsulenti li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kellu rabtiet kummerċjali ma’ waħda mill-kumpaniji li kienet sub-contractor ta’ wieħed mill-offerenti? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-deċiżjoni tal-bord li jtemm il-konsulenza ta’ din il-persuna filwaqt li jqiegħed ukoll kopja tal-Minuti tal-laqghat tal-Bord tal-MITA li saru tul ix-xahar t’April 2010 kollu filwaqt li jgħid x’laqgħat tal-istess bord saru fix-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2010? X’investigazzjonijiet saru biex jiġi stabbilit jekk l-informazzjoni mgħoddija kenitx korretta jew le? X’fatti ġew stabbiliti? Jekk ġiet stabbilita rabta kummerċjali bejn il-konsulent u wieħed mis-sub-contractors ta’ wieħed mill-offerenti, għax ma tħassarx il-proċess meta ġie stabbilit dan il-fatt?
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18620 li tgħid li mhux possibli li jkun hemm parking fl-inħawi indikati fl-istess mistoqsija minħabba kwistjoni ta' safety u aċċess fuq il-bankini, billi f'diversi nħawi ta' Malta hemm sitwazzjoni ta' parkeġġ kif indikat fil-mistoqsija, jista' l-Ministru jara li tinstab alternattiva għall-problema indikata fil-mistoqsija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li parking li jagħti dirett għal fuq bypass huwa ta’ periklu kbir kemm għas-sewwieqa u anke għan-nies li jipparkjaw. Ta’ min jinnota li din iż-żona tinsab eżatt wara 2 kurvi kontra xulxin u għalhekk il-viżibilità tkun limitata. Jien infurmat li għal dawn ir-raġunijiet ma tistax tkun provduta alternattiva.
Jista' l-Ministru jara li kemm jista' jkun malajr jittieħdu l-passi neċessarji biex l-ispeed camera li ilha approvata ħafna żmien fil-by-pass ta' San Pawl il-Baħar, tiġi mwaħħla u tibda topera biex jiġu evitati aktar inċidenti serji? Billi hemm minn ikkritika l-lok ta' fejn twaħħlu l-arbli għal din il-camera u ssuġġerixxa partijiet oħra fejn għandhom jitwaħħlu cameras oħra f'din l-istess bypass, jista' l-Ministru jiddeċiedi dwar dan kemm jista' jkun malajr?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed nirreferi s-suġġeriment li qed jagħmel l-Onor Interpellant sabiex jiġi kkunsidrat fir-reviżjoni tal-policy rigward speed cameras li qed tiġi ffinalizzata.
Marina tal-Imgarr, Għawdex — konsultazzjoni dwar privatizzazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entita` li taqa’ taħtu mexxiet xi proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-privatizzazzjoni tal-Marina tal-Imgarr, Għawdex? Jekk iva, liema entità kienet din? Meta saret il-konsultazzjoni, ma’ min u xi rriżulta minn din il-konsultazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-proċess ta’ konsultazzjoni li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant tmexxa mill-Awtorità Marittima ta’ Malta, illum Transport Malta, fis-sena 2009. L-awtorità kienet ppublikat l-istudju ntitolat “Development of Yachting Facilities in Malta - Identification of Potential Sites for All-Weather Marinas and Temporary Marinas” għall-konsultazzjoni ma’ diversi stakeholders, fosthom kunsilli lokali, kf ukoll il-pubbliku in ġenerali. Fil-fatt l-istess rapport kien ukoll aċċessibli minn fuq il-website tal-awtorità tul dan il-proċess.
Wara li ttieħdu in konsiderazzjoni l-proposti, suġġerimenti u rakkomandazzjonjiet li ġew sottomessi, l-awtorità identifikat numru ta’ lokalitajiet fejn setgħu jiġu żviluppati
marinas
kemm temporanji kif ukoll permanenti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' muturi 4 wheelers li ġew liċenzjati minn Transport Malta jew mill-Awtorità dwar it-Trasport qabilha? Kemm minn dawn il-liċenzji ħarġu f'kull waħda mis-snin 2007, 2008, 2009 u 2010 sal-aħħar ta' Mejju?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-numru ta' muturi 4 wheelers (quad bikes) li ġew liċenzjati minn Transport Malta jew mill-Awtorità dwar it-Trasport qabilha huwa ta' 1030.
In-numru ta’ liċenzji ġodda li ħarġu f'kull waħda mis-snin 2007, 2008, 2009 u 2010 sal-aħħar ta' Mejju huwa:
2007
165
2008
75
2009
34
2010 sa l-aħħar ta’ Mejju
6
Tas-Sliema — Knisja ta' San Girgor - spazju riservat
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'possibilitajiet hemm li ħdejn il-Knisja ta' San Girgor tas-Sliema, ikun hemm ukoll spazju riservat għall-persuni b'diżabilità u għall-użu ta' nies fil-kollettiv fil-ħinijiet tal-quddies, bħalma hemm biswit knejjes oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema ingħata permess għat-tpoġġija ta’ Communal Parking for Blue Sticker Badge Holders Parking Bay fil-viċinanzi tal-knisja ta’ San Girgor. Fir-rigward ta’ talba għall-parkeġġ għall-użu tan-nies fil-kolletiv fil-ħinijiet tal-quddies, ninsab infurmat li dawn it-talbiet ma jistgħux jiġu milqugħa bħalissa minħabba każ pendenti fil-Qorti.
Skont Avviż Legali 200/2009, fi Triq Nicolo Isouard, Sliema, hemm approvazzjoni għal
residential/timed parking.
Minn spezzjoni li saret minn uffiċjali tal-Awtorita`, instab li din l-iskema għadha ma ġietx implementata mill-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jiddikjara jekk huwiex minnu li nhar it-23 ta' Ottubru 2006, meta l-Ministri ta' l-Ambjent tal-Unjoni Ewropea iltaqgħu fil-Lussemburgu għall-ewwel miż-żewġ kunsilli organizzati mill-presidenza Finlandiza tal-Unjoni Ewropea u li fiha l-Kummissarju Stavros Dimas ta' dak iż-żmien kien anke kkommetta ruħu li jipprezenta proposta għal direttiva fuq id-delitti ambjentali per konsegwenza tal-istragi tal-Probo Koala - fejn allegatament ħafna mill-iskart tossiku li eventwalment wassal biex mietu u mardu nies innoċenti fil-Cote d'Ivoire ġie prodott waqt li l-vapur kien qiegħed fil-Contiguous Zone tagħna - Malta kienet l-uniku pajjiż li opponiet li jiġu riveduti l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar "transfontier waste shipments"? Għaliex ittieħdet din il-pożizzjoni?
Għandu records il-gvern Malti li l-Probo Koala kien qiegħed fil-Contiguous Zone tagħna jew addirittura fit-Territorial Waters tagħna fix-xhur preċedenti għal dawk t'Ottubru 2006? Kemm-il darba ġie Malta l-Probo Koala? Kien hemm xi ħadd minn ħdan l-awtorità responsabbli mis-sigurtà tal-baħar li ġibed l-attenzjoni tal-gvern li seta' kien qiegħed isir caustic washing fil-Probo Koala, jew kellu xi tip ta' informazzjoni f'dan is-sens il-Gvern Malti f'Ottubru 2006? Kien hemm xi awtorita oħra, bħall-MARPOL u oħrajn, li ġibdet l-attenzjoni ta' Malta li sar xi caustic washing fuq xi vapur fil-Contiguous Zone jew territorial Waters tagħna bejn l-2005 u l-2010?
Meta l-Gvern Malti beħsiebu jirratifika l-BAN amendments għall-Basel Convention on trade in hazardous waste? Għaliex għadu ma rratifikax dawn l-emendi minkejja li l-Unjoni Ewropea nnifisha rratifikathom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-vapur Probo Koala kien fl-ibħra territorjali Maltin erba' darbiet bejn l-10 u l-15 t'April 2006. Ma' tinżammx statistika ta' vapuri li jkunu fl-ibħra contiguous.
Rigward il-kumplament tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ma nattendix il-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent u li d-domandi l-oħra ma' jaqgħux fid-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hiex qed tipproċessa talbiet li jaqgħu fil-konfini taż-Żurrieq? Jekk fil-pożittiv, jista' jgħid jekk kienx hemm xi perjodu li fih Transport Malta ma kenitx qed tipproċessa talbiet f’din il-lokalità, jgħid liema kien il-perjodu u jagħti raġuni għaliex l-ipproċessar kien sospiż? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid kemm ilu sospiż l-ipproċessar u jagħti raġuni għaliex l-ipproċessar hu sospiż? Jista' jinforma lill-Kamra kemm-il lokalità kellhom l-ipproċessar ta' talbiet quddiem it-Transport Malta sospiż? Jista' jagħti din l-informazzjoni minn Marzu 2008 u jinforma kemm dam sospiż dan l-ipproċessar każ, b’każ? Jista' jagħti raġuni għal kull sospensjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fir-rigward ta’ lokalitajiet li għandhom enforcement, b’effett minn Settembru 2010, qed jiġu pproċessati biss talbiet relatati ma’ sigurtà fit-toroq. Il-kumplament tat-talbiet jiġu pproċessati meta l-enforcement jiġi risolt kompletament. Dan sabiex ikun hemm kontroll kontra abbużi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ immaniġġjar tat-traffiku.
Il-lokalitajiet li kellhom l-ipproċessar ta’ talbiet sospiż minn Marzu 2008 ‘l hawn huma 36 b’kollox. Dan kien minħabba
enforcement.
Minn dawn, 12-il lokalità għandhom parti mit-talbiet tagħhom sospiżi, minħabba li l-
enforcement
għadu ma ġiex risolt. Il-lokalità taż-Żurrieq kellha l-ipproċessar tat-talbiet sospiż minn Marzu tal-2009 u għadu pendenti minħabba
enforcement.
Aktar dettalji dwar kull lokalità tinsab fit-tabella annessa.
Ministeru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni — xogħol ta' natura legali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18775, 18549, 18192, 17948, 17361 u jgħid kemm ingħata xogħol ta' natura legali fl-aħħar sitt xhur? Lil min ingħata? Ingħata b'direct order jew sejħiet għall-applikazzjoni? X'kienet il-biċċa xogħol u kemm kien il-ħlas għal kull biċċa xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jindika jekk il-VTMIS fi ħdan Transport Malta għandhiex records jekk fis-sena 2006 il-vapur Probo Koala kienx fl-ibħra:
a)
contiguous;
b) territorial Maltin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l- vapur Probo Koala kien fl-ibħra territorjali Maltin erba’ darbiet bejn l-10 u l-15 ta’ April 2006. Ma tinżammx statistika ta’ vapuri li jkunu fl-ibħra
contiguous
B’ referenza għal Proġett ta’ Riabilitazzjoni tas-Salini u għal pjanti maħruġa minn Transport Malta għal triq ġdida biex tieħu post dik eżistenti fl-inħawi, jista' l-Ministru jgħid:
a) kemm huwa stmat li se jkun hemm tmiem ta’ raba’ li se jittieħdu biex issir it-triq il-ġdida? Kemm minn din ir-raba’ hija propjetà ta’ sidien privati?
b) kemm huwa stmat li se jkun hemm raba' li se jsir parti mill-Park tas-Salini? Kemm minn din ir-raba’ hija propjetà ta’ sidien privati?
e) kemm hemm sidien privati affettwati minn din il-proposta;
f) ittieħdet deċizjoni finali dwar dan il-proġett ;
g) hemm alternattivi għat-teħid ta’ din ir-raba’ biex issir din it-triq li qed jiġu kkunsidrati;
ġ) kemm se tiġi tiswa din it-triq;
h) x’ inhu t-timeline għal dan il-proġett;
ħ) saru konsultazzjonijiet mas-sidien;
i) saru konsultazzjonijiet mal-Kunsilli Lokali involuti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi se jibdew numru ta’ studji fuq dan il-proġett, liema studji se jkunu qed janalizzaw diversi aspetti tal-istess proġett. Waħda mill-proposti li se tkun qed tiġi kkunsidrata tinkorpora t-teħid ta’ madwar (18) tmintax-il tomna raba sabiex ikun jista' jitwettaq il-proġett tat-triq u bħalissa għadha qed issir riċerka biex ikun stabbilit kemm minn dawn mhumiex tal-gvern. L-istess proposta tinkludi ukoll madwar (8.5) tmien tmiem u nofs ta’ triq li se jitneħħew u jiġu proposti biex jagħmlu parti mill-estensjoni tal-Park tas-Salini.
Dwar it-tieni, it-tielet u r-raba mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li l-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Transport Malta għandha żewġ alternattivi u dawn se jiġu evalwati meta se jkunu qed isiru l-istudji in konnessjoni mal-proġett in kwistjoni. L-ewwel alternattiva tinvolvi twessiegħ u allinjar ġdid ta’ Triq Kennedy Drive sabiex it-triq tgħaddi minn wara il-Park tas-Salini, kif ukoll titjib fil-ġeometrija, bini ta’ roundabouts ġodda, inklużjoni ta’ central strip u twessiegħ fi triq Tul il-Kosta saċ-Ċimiterju tal-Commonwealth. It-tieni alternattiva tinvolvi it-twessiegħ mingħajr allinjar ġdid ta’ Triq Kennedy Drive kif ukoll titjib fil-ġeometrija, bini ta’ roundabouts ġodda, inklużjoni ta’ central strip u twessiegħ fi triq Tul il-Kosta saċ-Ċimiterju tal-Commonwealth. It-twessiegħ tat-toroq fiż-żewġ alternattivi jista’ jkun parzjali u mhux matul it-triq sħiħa.
L-ewwel stimi juru li din it-triq se tiswa madwar €25 miljun iżda l-istess stejjem għadhom ma ġewx dettaljati. Din iċ-ċifra tista’ tvarja skont l-alternattivi.
Huwa prematur li wieħed jagħti data għat-tlestija ta’ dan il-proġett minħabba li din se tiddependi fuq l-eżitu tal-istudji li ħa jkunu qed isiru u l-ħruġ tal-permessi meħtieġa.
Transport Malta ħarġet avviżi fuq il-gazzetti fejn ikkomunikat l-intenzjonijiet tagħha lill-pubbliku f’dak li jirrigwarda din it-triq. Sussegwentament, id-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura fi ħdan Transport Malta assista diversi persuni minn ħafna nħawi li jmissu ma’ din it-triq permezz ta’ informazzjoni u pjanti li ġew rikjesti mill-persuni stess.
Il-kunsilli lokali konċernati ġew ippreżentati b’dokument li jiddeskrivi il-proġett fid-dettall u dawn jistgħu jipparteċipaw f’konsultazzjoni skont il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rrangata l-bankina fi Triq l-Imdina mal-ħajt tal-Klabb tal-Boċċi San Bastjan, Ħal Qormi minħabba li saret perikoluża ħafna biex timxi fuqha filwaqt li din it-triq hija kkunsidrata bħala arterial road?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta lestiet l-istimi tax-xogħlijiet neċessarji u bdiet il-proċedura biex tinħareġ sejħa għall-offerti għal dawn ix-xogħlijiet.
Burmarrad — Triq prinċipali - xogħol fuq il-bankina
Question
JiIsta' l-Ministru jara li x-xogħol arterjali fuq il-bankina (żewġ naħat) fit-triq prinċipali ta' Burmarrad issir, billi xi żmien ilu kien ingħad li kienet ħarġet tender biex isir ix-xogħol meħtieġ fuq din il-bankina, li minħabba l-kundizzjoni li tinsab fiha qed tagħti dehra kerha lill-istess post?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li x-xogħlijiet in kwistjoni huma ppjanati li jsiru fix-xhur li ġejjin.
San Pawl il-Baħar/Qawra — Triq Porzjunkola - tarmac
Question
Billi Triq Porzjunkola fl-inħawi tal-Qawra/San Pawl il-Baħar saret triq mimlija residenti s-sena kollha, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex immedjatament din it-triq tingħata l-wiċċ tant meħtieġ ħalli r-residenti ma jibqgħux bi triq kollha mfarrka?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.19277.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19093 u ċioe: Peress li Triq ir-Repubblika l-Belt hi prime site għat-turisti, jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fiha jistgħux jiġi posposti għal wara Awissu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema xogħlijiet qed jirreferi . L-unika xogħol li sar kien it-tlestiħ tal-hoarding madwar is-sit ta' City Gate.
Jista' l-Ministru jgħid kemm iżżewġu koppji Maltin u/jew barranin sena b'sena fl-aħħar għaxar snin? X'kienet l-età tal-persuni li żżewġu matul l-2009?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ żwiġijiet reġistrati fir-Reġistru Pubbliku matul dawn l-aħħar għaxar snin huwa kif jidher fit-tabella annessa fejn dawn jinsabu maqsumin sena b’sena. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, l-età medja tal-irġiel kienet ta’ 32 sena filwaqt li dik tan-nisa kienet ta’ 29 sena.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli lokali li għandhom talbiet pendenti għall-approvazzjoni ta' sleeping policemen fil-lokalità tagħhom, quddiem Transport Malta? Kemm għandhom talbiet pendenti, individwalment dawn il-kunsilli lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-talbiet pendenti għall-approvazzjoni ta’ road humps quddiem Transport Malta huma kif muri fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Speed camera fit-Triq li mix-Xemxija twassal għal Golden bay
Question
Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jieħu l-passi neċessarji biex fi Triq li mix-Xemxija twassal għal Golden Bay tiġi stallata speed camera (jew iktar minn waħda) biex ċertu abbuż ta' overspeeding jiġi kkontrollat?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed nirreferi s-suġġeriment li qed jagħmel l-Onor Interpellant sabiex jiġi kkunsidrat fir-revisjoni tal-policy rigward speed cameras li qed tiġi ffinalizzata.
Transport Malta — Crash Barrier fil-bypass tal-Mellieħa
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji permezz ta' Transport Malta biex fit-Triq li tieħu minn l-Imbordin sal-bypass tal-Mellieħa, fl-inħawi tal-Miżieb, titwaħħal crash barrier fil-parti tat-triq li hi perikoluża ferm, minħabba li m'hemmx ilqugħ bejn it-triq u l-wied li qiegħed madwar sular iktar fil-fond?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li nħarġet sejħa li qed tiġi aġġudikata għall-offerti għall-istallazjoni ta’ crash barriers fl-inħawi fosthom din il-parti tat-triq fil-Miżieb
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gvern ċentrali hux beħsiebu jirranġa u jagħti wiċċ ġdid lil Triq id-Dwejra, li twassal għad-Dwejra, limiti tar-Rabat? Jekk iva, meta huwa ppjanat li ssir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din it-triq la hija arterjali u lanqas distributorja u għaldaqstant nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.