Jista’ l-Prim Ministru jindika għal kull waħda mill-persuni li isimha u kunjomha jidhru fil-lista li ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern ta' nhar it-2 ta' Awwissu 2016 (Ħarġa Numru 19,616) u li kopja tagħha qed tingħata separatament, jekk kull persuna ngħatatx iċ-Ċittadinanza Maltija b'reġistrazzjoni, b'naturalizzazzjoni jew inkella taħt il-Programm ta’ Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta?
Jista’ l-Prim Ministru jindika għal kull waħda mill-persuni li isimha u kunjomha jidhru fil-lista li ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern ta' nhar it-2 ta' Awwissu 2016 (Ħarġa Numru 19,616) u li kopja tagħha qed tingħata separatament, x'nazzjonalità jew nazzjonalitajiet kellha kull persuna meta applikat biex tingħata ċ-Ċittadinanza Maltija b'reġistrazzjoni, b'naturalizzazzjoni jew inkella taħt il-Programm ta’ Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta?
Jista’ l-Prim Ministru jindika għal kull waħda mill-persuni li isimha u kunjomha jidhru fil-lista li ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern ta' nhar it-2 ta' Awwissu 2016 (Ħarġa Numru 19,616) u li kopja tagħha qed tingħata separatament, x'nazzjonalità oħra jew nazzjonalitajiet oħrajn għandha kull persuna wara li ngħatat iċ-Ċittadinanza Maltija b'reġistrazzjoni, b'naturalizzazzjoni jew inkella taħt il-Programm ta’ Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta?
IIP Account – kontribuzzjonijiet lil għaqdiet filantropiċi/NGOs
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30084 tat-12-il Leġiżlatura, peress li l-għotja li jagħti applikant tal-IIP lil xi għaqda filantropika/NGO titqies bħala parti mill-evalwazzjoni tal-istess applikant, jista’ l-Ministru jgħid kif Identity Malta tista’ tagħmel tali evalwazzjoni meta ma jkollhiex rekord ta’ kemm kull applikant ikkontribwixxa?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab informat li b’referenza għat-twegiba tal-Mistoqsija Parlamentari 30084 tat-12-il leġislatura, tajjeb li jkun preċiżat li kull applikant tal-IIP llum huwa mitlub jindika l-għotjiet li jkun għamel lil kull NGO, kif ukoll jippreżenta rċevuta biex jikkonferma l-għotjiet, sabiex Identity Malta tkun tista’ tagħmel l-evalwazzjoni neċessarji.
Xiri ta’ passaporti taħt l-iskema ta’ investiment – persuni identifikati bl-ittra ‘A’
Question
Nirreferi għal dawk il-persuni li jixtru l-passaport taħt l-iskema ta’ investiment, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk meta tingħatalhom l-Karta tal-Identità dawn il-persuni jiġux identifikati bl-ittra (A) wara n-numru ta’ identifikazzjoni?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-ebda Karta tal-Identità Maltija ma tinħareġ bl-ittra ‘A’
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Spiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Prim Ministru/Seg Parlamentari konċernat fl-2014, fl-2015 u fl-2016?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-informazzjoni mitluba dwar il-karozza użata mill-Prim Ministru hija kif ġej :
2014 € 4,155
2015 € 3,571
2016 € 2,766
L-informazzjoni mitluba għall-karozza użata mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru hija kif ġej:
2016 € 2,108 (mill-10 ta’ Mejju)
L-informazzjoni mitluba għall-karozza użata mis-Segretarju Parlamentari ghall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi hija kif ġej :
2014 € 3,085
2015 € 2,410
2016 € 2,512
Infakkar lill-Onor Interpellant li l-ispiża fuq fuel għall-vettura uffiċjali tal-Prim Ministru bejn Jannar 2008 u Marzu 2013 kienet ta’ €26,000.
Fl-istess hin l-ispiża fuq fuel għall-vetturi uffiċjali li kienu jużaw iż-żewġ Segretarji Parlamentari fi hdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru bejn Marzu 2008 u Jannar 2012 kienet ta’ €26,600.
Nixtieq infakkar ukoll lill-istess Onor Interpellant li meta huwa innifsu kien Segretarju Parlamentari, l-ispiża fuq il-fuel għall-vettura ufficjali tiegħu fuq medda ta’ 3 snin u 4 xhur, kienet ta’ €14,100.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Simplifikazzjoni - Spiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali
Question
Jista’ l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni jgħid kemm kienet l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlamentari konċernat fl-2014, fl-2015 u fl-2016?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill Onor Interpellant li fis-snin 2014,2015 u 2016, is- Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni ma kienx jeżisti.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi - Spiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali
Question
Jista’ l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi jgħid kemm kienet l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlametari konċernat fl-2014, fl-2015 u fl-2016?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill Onor Interpellant li fis-snin 2014,2015 u 2016, is- Segretarjat Parlamentari għar- Riforma, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ma kienx jezisti.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni — talbiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1747 u ċjoè: Jista' l-Prim Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew irrifjutati?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Għall-perjodu minn meta l-liġi daħlet fis-seħħ sa’ Gunju 2015, nirreferi lill Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 16,583 tat-12 il-Leġiżlatura
Għall-perjodu Lulju 2015 sal-lum, jien informat illi l-Uffiċċju tal-Prim Ministru rċieva 38 talba. Minn dawn 23 intlaqgħu, 13 ma intlaqgħux waqt li 2 talbiet għadhom qed ikunu evalwati. It-talbiet saru mill-mezzi tax-xandir jew minn individwi privati. It-talbiet ikopru aspetti varji tat-tmexxija pubblika. Fejn it-talbiet kienu rifjutati dan sar jew għaliex l-informazzjoni kienet diġa pubblika, jew għaliex l-informazzjoni mitluba kienet ta’ natura sensittiva jew għaliex l-informazzjoni mitluba jew hija eskluza mill-iskop tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni jew ma tistax tingħata skont il-provedimenti tal-istess Att.
Peress li ċ-ċittadinanza b’investiment ma tirrikonoxxiex il-Bitcoins bħala mezz legali biex tagħmel transazzjonijiet fuq bejgħ tal-passaporti, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk din il-proċedura hux se tinbidel la din il-prassi dieħla fis-seħħ?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hawn barranin li jgħixu f’Malta bħala residenti reġistrati? Liema huma dawk il-pajjiżi li dawn ir-residenti barranin joriġinaw minnhom? Kemm hu n-numru ta’ barranin residenti għal kull pajjiż minn fejn joriġinaw?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iktar lista aġġornata bl-informazzjoni mitluba, kif mogħtija lili minn Identity Malta.
Ninsab informat minn Identity Malta wkoll illi l-5 cittadini mill-Korea ta’ Fuq li fl-2016 kellhom permess ta’ residenza, telqu minn Malta matul din is-sena, wara li l-permess tagħhom ma ġġeddidx.
Jista' l-Prim Ministru jgħid ma' min qiegħed iservi ta' konsulent l-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? X'inhuma t-terms of reference għall-konsulenza tiegħu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab informat li l-individwu li d-dettalji tiegħu inghataw b’mod separat, ma ingħata l-ebda konsulenza mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1796 u ċjoè: Jista' l-Prim Ministru jgħid sal-aħħar ta’ Frar 2013, kemm kien hemm nies impjegati mas-Settur Pubbliku (inklużi intrapriżi pubbliċi)? Kemm minn dawn kienu impjegati full-time? Kemm minn dawn kienu impjegati fuq bażi part-time? Kemm minn dawn kienu impjegati f’position of trust? U kemm minn dawn kienu impjegati b’kuntratt definit?
Skema ta' għotja lill-persuni li daħlu fis-servizz pubbliku f'Jannar 1979
Question
B'referenza għall-iskema ta' għotja ta' darba għal dawk li daħlu fis-servizz pubbliku f'Jannar 1979 u għamlu żmien jaħdmu f'Dipartiment tal-Gvern qabel l-1979, u ġew rrifjutati din l-għotja, u ġaladarba hemm nies li qed jidhru li kienu mad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili kif muri fid-dettalji li qed jingħataw separatament, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawn baqgħu b'xejn? (Dan il-każ imsemmi lanqas qed jieħu pensjoni tat-teżor)
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2248 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Fid-dawl tal-artiklu ntitolat “MFSA chief linked to BVI-Russia investment” li deher f’The Times of Malta tas-6 ta’ Novembru 2017, fejn qed jingħad li ċ-Chairman tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) għandu interessi kummerċjali f’entitajiet reġistrati fil-BVI u li jinvolvu kumpanija Russa tal-mining, jista’ jgħid jekk hux komdu li ċ-Chairperson tal-MFSA, li huwa l-wiċċ tas-settur tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta, settur daqstant importanti, ikollu tali interessi u jekk iħossx li l-aġir tal-imsemmi Chairperson hux etiku, leġittimu u regolari f’għajnejn il-Ministru? Jista’ jgħid jekk iħossx li, in vista ta’ dan, l-imsemmi Chairperson m’għadx għandu lok li jmexxi l-MFSA?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna li qed jagħmel riferenza għaliha fil-mistoqsija tiegħu ilu jmexxi l-Awtorita għas-Servizzi Finanżjarji għal dawn l-ahhar 18 - il sena, taħt 4 amministrazzjonijiet differenti mmexija mill-Prim Ministri Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u minni.
Ngħarraf ukoll lill-Onor Interpellant li kif stqarr pubblikament il-predeċessur tieghi, u l-predeċessur tiegħu bħala Kap tal-PN, il-persuna li qed jagħmel riferenza għaliha fil-mistoqsija tiegħu tkellem mal-Prim Ministri kollha f'dawn l-amministrazzjonijiet u instab li ma kienx hemm fatturi li jxekkluh fit-tmexxija tal-Awtorita għas-Servizzi Finanżjarji.
Fl-istess hin il-persuna li qed jagħmel riferenza għaliha fil-mistoqsija tiegħu, għamel spjegazzjoni fil-pubbliku tal-punti li l-Onor Interpellant qed iqajjem fil-mistoqsija tiegħu.
L-appell tiegħi huwa li s-settur tas-servizzi finanżjarji, li fl-ahhar 25 sena mexa 'l quddiem u kiber b'kunsens nazzjonali, jibqa jinżamm 'il bogħod mill-politika partiġġjana, fl-interess nazzjonali, tal-izvilupp ekonomiku u tal-eluf ta' impjiegi li hemm marbuta miegħu.
Konferenzi dwar l-IIP organizzati minn kumpanija – attendenza
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2250 dwar l-obbligu kuntrattwali ta’ attendenza għall-konferenzi dwar l-IIP organizzati mill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, il-Prim Ministru wieġeb li skont il-kuntratt dan jgħid “minn żmien għal żmien il-gvern jibgħat rappreżentant tal-għażla tiegħu għal konferenzi organizzati mill-kumpanija”. In vista ta’ dan, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk qatt marx xi Ministru ieħor minfloku għal dawn il-konferenzi u f’dak il-każ min kien il-Ministru u meta?
Uffiċċju tal-Prim Ministru — sistema tal-informatika mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk l-entitajiet/dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li għad għandhom l-użu tas-sistema tal-informatika tagħhom mhux kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ jista’ jgħid liema huma d-dipartimenti/entitajiet u x’qed isir biex din issir aċċessibbli?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ilu jsegwi l-linji gwida tal-FITA minn meta twaqqfet fl-2000.
Konferenza tal-IIP organizzati minn kumpanija – attedenza taċ-Chief of Staff
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1791, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ċ-Chief of Staff tiegħu attenda miegħu jew waħdu jew ma' xi ħaddieħor għal konferenzi tal-IIP organizzati mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament barra minn Malta, u f’dak il-każ, meta u fejn?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li d-dettalji mitluba minn naha tiegħu ingħataw fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29670 tal-legizlatura XII.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1633, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk it-tweġiba tiegħu “Iva” tirreferix għall-ewwel parti tal-mistoqsija “Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk jaqbilx li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li kienet waqqfet Awtorità għandhiex tinħatar avukat għall-istess Awtorità li kienet waqqfet, ftit biss wara li tkun tilfet postha fil-Parlament?” jew għat-tieni parti tal-mistoqsija “jista’ jgħid jekk hux se jagħti ordni sabiex din il-ħatra tal-persuna tiġi revokata”? Fi kliem ieħor, il-Prim Ministru se jagħti ordni biex din il-ħatra tiġi revokata jew le?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li kif diga stqarrejt pubblikament, wara l-kontribut ċentrali li tat fit-tħejjija tal-liġi tal-ippjanar, il-persuna li qed jagħmel riferenza għaliha fil-mistoqsja tieghu, kienet l-ahjar persuna għall-impjieg imsemmi.
Għaldaqstant, il-loġika titlob li t-tweġiba kienet ghall-ewwel parti tal-mistoqsija 1633 u t-tieni parti mhux rilevanti.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1791, jista’ l-Prim Ministru jgħid liema premessa fil-mistoqsija hija żbaljata u għaliex? Fi kwalunkwe każ, jista’ l-Prim Ministru jgħid iħossx jekk huwiex xieraq li ċ-Chief of Staff tiegħu jsiefer miegħu fuq konferenzi tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar l-IIP ġaladarba dan l-istess jinsab investigat mill-Maġistrat Inkwerenti dwar flus li allegatament irċieva fuq akkwist ta’ passporti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nifhem li l-Onor Interpellant bħala avukat jaf x’inhu l-għan ta' inkjesta Magisterjali u huwa fuq din il-bażi li l-premessa tal-mistoqsija parlamentari 1791 u ta’ din il-mistoqsija, huma zbaljati.