Jista' l-Ministru jgħid min huma l-periti, l-avukati u l-accountants li jaħdmu f'xi wieħed mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhi r-responsabbilità tagħhom? X'kariga għandhom? Huma full-timers jew part-timers?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25254, jista' l-Ministru jgħid jekk jibqax relevanti l-fatt li l-Ministeru jrid isegwi l-obbligi ta' investiment u obbligi oħra naxxenti mill-istess kuntratt u jkunu osservati diliġentement? Peress li l-Ministeru jsegwi l-adaptment tal-obbligi li joħorġu mill-kuntratti msemmija fil-mistoqsija parlamentari 25254, jista' jgħid jekk l-obbligi ġewx esegwiti kif mitluba?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onor Interpellant sabiex jgħamel id-domanda lill-Ministri responsabbli mill-Awtoritajiet responsabli minn dawn is-siti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25252 u ċioe: Peress li skont mistoqsija parlamentari 21300, fis-sena 2004 il-Gvern kien daħħal is-somma ta' €18.6 miljun, u peress li issa t-tender tal-lotterija nazzjonali waslet biex toħroġ, jista' l-Ministru jgħid meta huwa l-ħsieb tal-Gvern li jerġa' joħroġ tender mill-ġdid jew inkella għandux il-ħsieb li jġedded lill-operatur preżenti jekk huwa każ ta' tiġdid? Jista' jgħid xi ħlas sar mill-operatur għal tali tiġdid?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 25252.
Self-employed jew kumpaniji privati li ttellgħu l-qorti
Question
Jista' l-Ministru jgħid:
a) kemm kien hemm każijiet ta'
income tax
li ttellgħu l-qorti din is-sena? Jista' jagħti
breakdown
ta' kemm minn dawn kienu
self-employed
, kumpaniji privati;
b) kemm kien hemm każijiet ta' VAT li ttellgħu l-qorti din is-sena? Jista' jagħti breakdown ta' kemm minn dawn kienu self-employed, kumpaniji privati;
ċ) kemm kien hemm każijiet ta' Eco Contributions li ttellgħu l-qorti din is-sena? Jista' jagħti breakdown ta' kemm minn dawn kienu self-emloyed, kumpaniji privati;
d) kemm kien l-ammont kumuluttiv li l-gvern kien qed jitlob mingħand dawn l-intrapriżi;
e) kemm ittellgħu individwi l-qorti li abbużaw minn benefiċċji soċjali jew inkella nqabdu jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-każijiet marbuta ma’ Taxxi Interni li ttellgħu l-Qorti din is-sena, s’issa kienu 366, li minnhom 103 huma self-employed u 263 kumpaniji.
Fl-istess perjodu kien hemm 1,390 każ marbuta ma’ VAT li ttellgħu l-Qorti. Fil-każ tal-VAT mhux possibbli li dawn jinqassmu skont it-tip ta’ negozju peress li huma persuni, u mhux kumpaniji, li jittellgħu l-Qorti.
Fil-każ ta’ l-eko-kontribuzzjoni, tressqu 40 persuna l-Qorti.
Fir-rigward ta’ individwi li abbużaw minn benefiċċji soċjali jew li nqabdu jaħdmu waqt li kienu jirreġistraw, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Politika Soċjali.
MFSA — deċiżjonijiet fuq La Vallette Multi Manager Property Fund
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport/rapporti u deċiżjoni/deċiżjonijiet magħmula mill-Awtortà ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji konċernanti La Vallette Multi Manager Property Fund?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19536.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ilment ġie ntavolat kontra La Vallette Multi Manager Property Fund u kemm-il ilment ġie ntavolat kontra l-Bank of Valletta f'dawn l-aħħar tliet snin?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi sa l-aħħar ta’ April 2011, ġew reġistrati mal-MFSA b’kollox 27 ilment fir-rigward tal-investiment fil-La Vallette Multi Manager Property Fund.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija in-numru ta’ ilmenti li waslu għand l-MFSA skont it-termini tad-domanda parlamentari huwa kif ġej:
2008 - 46
2009 - 42
2010 - 33
Dawn jikkonsistu f’ilmenti fir-rigward ta’ servizzi bankarji u ta’ investiment offruti mill-bank.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il economical impact assessment sar tul-dawn l-aħħar 23 sena? Kemm ġew jiswew? Min ikkummissjonahom u għal liema raġuni kienu ġew kummissjonati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
persuni li minkejja li laħqu l-età tal-irtirar baqgħu jaħdmu
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li minkejja li laħqu l-età tal-irtirar baqgħu jaħdmu fl-uffiċini u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid meta ġie mġedded l-impjieg u sa meta, kif ukoll jagħti l-grad tal-persuni konċernati?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24835.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — calls for application
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu calls for application fl-aħħar sena mill-Ministeru u mid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru? Kemm kien hemm applikazzjonijiet? Kemm kienu l-persuni li għaddew? Kemm ġew magħżula/ingaġġati? Jekk il-bqija ta' dawn li għaddew hux se jiġu ingaġġati fiż-żmien li ġej? Għalkemm tul ta' żmien jibqa' jgħodd ir-riżultat tal-eżami f'kull każ?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24940.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta' fabbriki li huma amministrati mill-Ministeru? Fejn jinsabu dawn il-fabbriki? Kemm minnhom mhux qed jiġu użati (mhumiex mikrija) u fejn jinsabu? Kemm hu l-area ta' dawn il-fabbriki?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi in-numru ta' fabbriki amministrati mill-MIP huwa ta' 637. Dawn il-fabbriki huma mqassmin f'diversi oqsma industrijali kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Preżentement mhux mikrija hemm 45 fabbrika mxerrdin fl-oqsma industrijali ta’ Bulebel, Ħal Far, Kordin, Luqa, Marsa, Mosta Technopark, Mrieħel, San Ġwann, kif ukoll fix-Xewkija Għawdex. Fosthom hemm fabbriki fejn qed isiru diversi xogħolijiet qabel ma jkunu jistgħu jinkrew u oħrajn li għadhom ma jistgħux jiġu mikrija minħabba li għad hemm każi pendenti mal-qorti u għalhekk iċ-ċwievet għadhom mhumiex fil-kustodja tal-MIP. Madankollu, 23 fabbrika huma
earmarked
għal proġetti ġodda. Il-qies ta dawn il-fabbriki ivarja bejn 120m2 u 8000m2.
Jista' l-Ministru jispjega ż-żieda enormi fid-dħul tal-VAT fi Frar 2011? Din hija marbuta ma' bidla fil-proċeduri? Jekk iva, x'se jkun l-impatt fuq iċ-ċifri meta nqabblu d-dħul ma' dak tal-2010 u 2012?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ż-żieda qawwija fid-dħul tal-VAT fi Frar 2011 seħħet peress li d-Dipartiment tal-VAT mexxa l-perjodu ta’ taxxa ta’ madwar 3,000 persuna reġistrata biex dan il-perjodu jkun jikkorrispondi mal-perjodu Calendar Quarter.
Dan iċ-ċaqliq fil-perjodi ta’ taxxa sar bl-iskop li jsaħħaħ l-inforzar fuq persuni li jagħmlu akkwisti intra-komunitarji.
Dan ser ifisser li dan id-dħul qawwi se jibda jkun rapportat fi Frar, Mejju, Awwissu u Novembru.
Jista' l-Ministru jgħid:
a) jekk l-art, li l-pjanta tagħha qed tingħata separatament, u li għandha l-kulur blu, hijiex proprjetà tal-gvern;
b) jekk iva, jekk hemmx terzi persuni li għandhom xi titolu possessorju jew ta' detenzjoni fuq xi parti mill-proprjetà u jekk iva fuq liema parti;
ċ) x'inhuma l-kmamar indikati bil-blu fil-pjanta annessa u ta' min huma;
d) jekk il-kmamar indikati bil-blu fil-pjanta għandhomx xi valur storiku jew patrimonjali; u
e) jekk il-gvern ikunx lest li jiddevolvi, suġġett għall-kundizzjonijiet kollha li l-gvern jidhirlu li huma xierqa, favur il-Gvern Lokali ta' Wied il-Għajn jew favur Marsascala FC biex jinbena ground sportiv fiż-żona de quo u l-kmamar jintużaw mill-istess Gvern Lokali ta' Wied il-Għajn jew Marsascala FC għal raġunijiet sportivi?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-art immarkata b’kulur blu fuq il-pjanta indikata hija proprjetà tal-Gvern. Din l-art hija parti minn art akbar li hija mikrija bi qbiela lil terzi persuni.
Il-kmamar li hemm indikati bil-blu fil-pjanta, waħda hija
pillbox
ta’ żmien il-gwerra filwaqt li l-oħra hija dwejra ġewwa għalqa. Jekk dawn il-kmamar għandhomx xi valur storiku jew patrimonjali, nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi d-domanda tiegħu lill-ministru kkonċernat.
Dwar l-aħħar parti tad-domanda, d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, ikun lest li jikkonsidra d-devoluzzjoni tal-art in kwistjoni favur il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn jew favur il-Kunsill Malti għall-Isport, jekk ikollu r-rakomandazzjoni tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali jew talba mill-Kunsill Malti għall-Isport. Niġbed l-attenzjoni wkoll li f’kull każ ta’ din id-devoluzzjoni, trid tiġi tterminata l-qbiela u jrid ikun hemm minn qabel il-permessi meħtieġa mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u Ippjanar.
Cohesion Funds — Immodernizzar tal-Impjant tar-Riċiklaġġ ta' Sant' Antnin
Question
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 14923 u 24814 dwar il-fondi Ewropej (Cohesion funds) li ġew allokati għall-immodernizzar tal-Impjant tar-Riċiklaġġ ta' Sant' Antnin, jista' l-Ministru jgħid kemm attwalment ġew mogħtija flus mill-Cohesion Fund għal dan il-proġett? Għalfejn fiż-żewġ risposti hemm differenza ta' madwar €5 miljuni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammonti indikati fiż-żewġ tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 14923 u 24814 dwar il-fondi Ewropej (Cohesion Funds) huma konfermati u m’hemm l-ebda diskrepanza bejniethom.
Ta’ min jinnota li l-mistoqsija numru 14923 saret fi Frar tal-2010 u l-ammont totali li ġie kkreditat sa dik id-data fil-Fond Konsolidat tal-Gvern abbinat mal-Proġett kien jammonta għall- €8,184,085.73.
Il-Mistoqsija numru 24814 saret f’Marzu 2011 u l-ammont totali li ġie kkreditat sa llum fil-Fond Konsolidat tal-Gvern abbinat mal-Proġett jammonta għall- €9,378,600, jiġifieri żieda ta’ €1,194,514.27 mis-sena ta’ qabel.
Dan ifisser li mill-€11,723,250 li l-Unjoni Ewropea allokat għall-dan il-proġett, sa issa Malta irċeviet €9,378,600.
Enemalta — investigazzjoni interna fuq Chief Officer
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx xi bord ta' inkjesta jew hux qed issir xi investigazzjoni interna ta' xi tip fuq xi Chief Officer fil-Korporazzjoni Enemalta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni qabdet organizzazzjoni indipendenti biex tevalwa allegazzjonijiet li tressqu minn grupp ta’ ħaddiema fil-konfront ta’ Chief Officer.
Jista’ l-Ministru jgħid fl-2009 u fl-2010 kemm kien hemm ħaddiema f’Għawdex jaħdmu ma’ intrapriżi li jħaddmu aktar minn 250 persuna?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li peress li fl-2009 u fl-2010 f’Għawdex kien hemm intrapriża waħda li tħaddem aktar minn 250 persuna, l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika huwa prekluż milli jagħti din l-informazzjoni.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24639, jista’l-Ministru jpoġġi kopja ta’ kull kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra kif mitlub fl-istess interpellanza?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn naħa tal-Gvern m’hemm l-ebda oġġezzjoni li titqiegħed kopja sakemm ma’ jkunx hemm oġġezzjonijiet mil-kuntratturi involuti. Bħal ma’ diġà ġie spjegat f’ risposta għal mistoqsija Parlamentari oħra, dik Nru 25140, id-Direttur tal-Kuntratti qiegħed f’ komunikazzjoni mal-Awditur Ġenerali biex jara jekk il-Gvern jistax iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopji ta’ kuntratti mingħajr il-kunsens tal-kuntratturi.
Jista' l-Ministru jgħid, skont il-Labour Force Survey, f’Malta u f’Għawdex separatament kemm kien fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 ‘l hawn:
a) Il-labour supply; nisa għalihom u rġiel għalihom;
b) In-numru ta’ nies jaħdmu
full-time
, nisa għalihom u rġiel għalihom skont l-attivia’ ekonomika;
ċ) In-numru ta’ nies, nisa għalihom u rġiel għalihom, jaħdmu iżda li kellhom xogħol
part-time
bħala x-xogħol ewlieni tagħhom skont l-attivita’ ekonomika;
d) in-numru ta’ nies jaħdmu
part-time
, nisa għalihom u rġiel għalihom skont l-attività ekonomika?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid, skont il-Labour Force Survey, f’Malta u f’Għawdex separatament kemm kien fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 ‘l hawn:
a) kemm kien hemm nies jirreġistraw għax-xogħol, dawk ta’ bejn il-15-il sena u l-24 għalihom u dawk ‘il fuq minn 25 sena għalihom kif ukoll nisa għalihom u rġiel għalihom;
b) kemm kienet il-popolazzjoni tal-età tax-xogħol, nisa għalihom u rġiel għalihom u skont l-età, jiġifieri dawk ta’ bejn il-15-il sena u l-24 għalihom u dawk ‘il fuq minn 25 sena;
ċ) ir-rata ta’ attività, il-forza lavorattiva totali (
labour force
) bħala persentaġġ tal-popolazzjoni totali tal-età tax-xogħol kif ukoll il-forza lavorattiva tal-irġiel bħal persentaġġ tal-irġiel tal-età tax-xogħol u l-forza lavorattiva tan-nisa bħal persentaġġ tan-nisa tal-età tax-xogħol, u
d) in-numru ta’ nies inattivi, nisa għalihom u rġiel għalihom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid, skont il-Labour Force Survey, f’Malta u f’Għawdex separatament, kemm kien fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 ‘l hawn il-paga medja gross annwali skont id-diversi setturi tal-attività ekonomika?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu introjtu l-gvern mill-barrieri li għandu u li huma mmaniġjati mill-privat?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-gvern idaħħal introjtu ta’ €36,037 fis-sena bħala kera fuq barrieri li huma proprjetà tal-gvern u qegħdin mikrija lill-privat. Din is-somma ma tinkludix il-kera ta’ barrieri li huma f’idejn id-Dipartimenti tal-Gvern u lanqas barrieri li huma mikrija lill-privat u qegħdin fuq art li qabel kienet tal-Knisja u li issa saret tal-gvern skont il-Ftehim tal-1991 bejn il-Gvern u s-Santa Sede. Dwar il-barrieri li jinsabu fuq art li qabel kienet tal-Knisja, il-Kurja kienet tikklassifikhom bħala qbiela u meta titħallas il-qbiela, m’hemm l-ebda distinzjoni jekk din hiex titħallas fuq art li qegħda tintuża għal skop agrikolu jew inkella għall-barriera. Preżentament, id-Dipartiment m’għandux ir-riżorsi meħtieġa biex jagħmel din id-distinzjoni, madanakollu, huwa ttamat li meta tkun implimentata s-sistema kompjuteriżżata tal-Lemis, ikun hemm il-fakultà li din id-distinzjoni tista’ ssir.