Legislature:
Category:
Reset
Active:

Spiżeriji miftuħa l-Ħadd

Question

Jista' l-Ministru jara li fil-lokalitajiet bħall-Mellieħa, San Pawl, Wied il-Għajn u l-Qawra fejn hemm konċentrazzjoni ta' turisti jkun hemm spiżerija miftuħa nhar ta' Ħadd u fil-festi biex it-turisti jkunu jistgħu jinqdew aħjar u mhux, per eżempju, turisti minn San Pawl ikunu mibgħuta jixtru l-mediċina mill-Mellieħa jew viċi versa?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-ftuħ ta' l-ispiżeriji fid-diversi lokalitajiet fil-Ħdud u l-festi pubbliċi huwa bbażat fuq roster ta' spiżeriji maħdum fuq bażi ġejografika. Dan ir-roster li ilu jitħaddem għal diversi snin jassigura firxa ugwali ta' ftuħ mal-ispiżeriji kollha u huwa riżultat ta' ftehim mal-partijiet involuti. Fid-dawl ta' dan, il-proposta tal-Onorevoli Interpellant ser tiġi kkunsidrata.

Iċ-Ċumnija ta' l-Isptar San Luqa

Question

Jista' l-Ministru jivverifika jekk tul dawn l-aħħar xahrejn ċ-ċumnija ta' St Lukes kellhiex xi ġranet fejn bdiet titfa' in-nugrufun? Din kienet okkażjoni waħda jew se tibda ssir kull tant żmien?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Kuntratt fuq art

Question

Jista' l-Ministru jara li titmexxa t-talba ġusta biex isir il-kuntratt fuq iċ-ċens ta' art, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li s-sinjur kien ħadha mingħand il-gvern 27 sena ilu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ma’ tistax tiffirma l-kuntratti ta’ l-enfitewsi u tal-fidi taċ-ċens tal-plot indikat mill-Onor. Interpellant għax l-Awtorita’ għad ma għandiex titolu fuq l-art. Infurmat ukoll li dawn il-kuntratti jkunu finalizzati malajr kemm jista’ jkun wara li d-Dipartiment ta’ l-Artijiet jitrasferixxi l-art in kwistjoni lill-Awtorita’ tad-Djar.

Operazzjonijiet — Waiting list

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-waiting list sew fin-numru ta' pazjenti kif ukoll bħala data għall-operazzjonijiet: i) strument fil-marrara; ii) strument fl-irkoppa; iii) kataretti?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-waiting list fl-MDH sa l-ewwel ġimgħa ta' April, 2008 hija hekk :- - strument fil-marrara : 327 (Laparoscopic Cholecystectomy) - strument fl-irkoppa : 3,144 (Arthroscopy Knee) - kataretti : 5,351 (Cataract Surgery) Informat ukoll li l-appuntament li jmiss jiddependi skond l-urġenza tal-kas. Din il-pożizjoni hi għal kollox inaċċettabbli u se jittieħdu l-passi meħtiega biex dawn il-waiting lists u l-oħrajn li jeżistu jitnaqqsu drastikament fl-inqas żmien possibbli.

Ċentri tas-Saħħa — Waiting list

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-waiting list sew f'numru ta' pazjenti kif ukoll bħala data fid-diversi ċentri tas-saħħa għal: i) Skeda Ħamsa? ii) Anticoagulant clinic?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Korporazzjoni ta' l-Impjiegi u Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jitneħħew l-ġiżi fl-inħawi tal-bini tal-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ f'Hal Far peress li qed jikkawżaw allerġiji f'diversi ħaddiema/klijenti tal-korporazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-inkonvenjent ser jitneħħa.

Ħlas ta' bolol

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kienet taħdem mal-BOV u li ħallset għaxar snin bolol, nies li ħadmu bħalha ħadu s-somma ta' Lm9,000 somma u din ħadet biss Lm1,482?

Response (DALLI, JOHN)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi tip ta’ gratuity, mħallsa meta persuna tirtira mix-xogħol, ninsab infurmat li ma titħallas ebda gratuity ta’ dan it-tip taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali. Għalhekk nitolbu jivverifika s-sors minn fejn tħallsu s-somom indikati.

Sigħat ta' xogħol part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siegħa part-time tista' taħdem il-mara ta' persuna li għandha mard kroniku u tinsab fuq assistenza soċjali mingħajr ma jintilef dan l-istess benefiċċju mill-familja? Jista' jiġi kkunsidrat li jiżdiedu dawn is-sigħat ta' xogħol part-time?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-għoti ta' l-Għajnuna Soċjali hu suġġett għal test tal-mezzi, li jinkludi fih id-dħul kollu tal-familja, u mhux marbut mas-siegħat li xi membru tal-familja jista' jaħdem.

Trade Unions

Question

Jista' l-Ministru jindika lista sħiħa tat-Trade Unions kollha li hawn f'pajjiżna, bl-uffiċċju reġistrat tagħhom inkluż?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Uffiċċju tad-dipartiment

Question

Jista' l-Ministru jagħti ndikazzjoni dwar meta hu mistenni li l-uffiċċju li d-dipartiment għandu fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar jiġi trasferit għall-Qawra, fejn hemm numru ta' faċilitajiet oħra u aħjar mill-imsemmi uffiċċju?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li għad fadal xogħol xi jsir fl-uffiċċju l-ġdid indikat mill-Onor. Interpellant u għalhekk mhux mistenni jibda jopera ta’ l-anqas qabel xahrejn.

Riżenji ta' tobba/speċjalisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm tobba u/jew speċjalisti li rriżenjaw mis-Servizz Pubbliku bejn Ottubru 2007 u April 2008?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Invalidity pension

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma t-tobba li qed jevalwaw t-talbiet għall-invalidity pension?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li t-tobba li qed jevalwaw it-talbiet tal-pensjoni ta’ l-Invalidita’ huma Dr. Maria Concetta Ali, Dr. Denis Soler u Dr. Philip Sciortino.

Interventi kirurġiċi posposti

Question

Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar kemm ġew posposti interventi kirurġiċi fl-Isptar Mater Dei bejn Diċembru 2007 u l-aħħar ta' Marzu 2008?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Tiġdid tal-kartuna r-roża

Question

Jista' l-Ministru jelenka x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern rigward il-ħruġ u/jew t-tiġdid tal-kartuna r-roża? Kemm hawn persuni f'Malta u Għawdex li huma preżentement intitolati għal din il-kartuna r-roża?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ familji li lilhom inħarġet u/jew ġiet imġedda l-Karta Roża fl-2007 kien ta’ 8030. Fl-iskeda mehmuża jidhru n-numru ta’ Karti Roża li ġew maħruġa jew imġedda fid-diversi lokalitajiet. Il-Karta r-Roża ma’ toħroġx lil persuna izda lill-familja, id-dipartiment ma’ jzommx statistika tal-persuni izda tal-familji li huma intitolati għall-Karta r-Roża. Informat ukoll li informazzjoni dwar l-ewwel Mistoqsija għada qed tinġabar.

Pensjoni ta' l-invalidita'

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jirċievu l-pensjoni ta’ l-invalidita’? Minn liema lokalitajiet huma?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra

Benefiċċju tal-Mard

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jirċievu l-benefiċċju tal-mard? Minn liema lokalitajiet ġejjin?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub qed jinġabar u Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Għajnuna supplimentari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jirċievu għajnuna supplimentari? Minn liema lokalitajiet ġejjin?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Benefiċċju ta' single parent

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li huma single parentsu qed jieħdu l-benefiċċju? Minn liema lokalitajiet ġejjin?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li qegħdin jirċievu l-benefiċċju għas-single parents taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali hu ta’ 2,250. Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tat-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.