Jista' l-Ministru jgħid il-Gvern Ċentrali x'nefqa se jagħmel fuq it-toroq fil-Mosta, Attard u Balzan fis-snin 2010 u 2011?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Gvern Ċentrali qed jippjana li jintefqu madwar €260,000 fis-snin 2010 u 2011 għall-bini ta' toroq residenzjali fil-lokalitajiet imsemmija. Il-programm ta' major patching għadu qed jiġi ppreparat.
Vetturi ta' kull ministeru u kull segretarju parlamentari
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi/vetturi oħra ma' kull ministeru u kull segretarju parlamentari? Jista' jgħid jekk dawn il-vetturi humiex mikrija jew inkella humiex tal-gvern ministeru b'ministeru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-Ministeru tiegħi jintużaw total ta' sbagħtax-il karozza li huma kollha tal-Gvern. Fir-rigward tal-ministeri l-oħra nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-ministeri konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid kif isir ix-xiri ta' fuel ta' kull ministeru, jekk huwiex minn pompa tal-petrol waħda jew jekk kull ministeru jistax jagħmel l-arranġamenti tiegħu? Jista' jgħid allura kemm intuża fuel matul is-sena 2009 minn kull ministeru u segretarju parlamentari?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hija fid-diskrezzjoni tal-Ministeru minn fejn jixtri l-petrol. Matul l-2009, il-Ministeru tiegħi uża 19,374 litru ta' fuel. Fir-rigward ta' ministeri oħra, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-ministeri konċernati.
Manutenzjoni fil-karozzi tal-ministeri u segretarji parlamentari
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'manutenzjoni fil-karozzi li jintużaw minn kull ministeru u kull segretarju parlamentari matul is-sena 2009?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2009, il-Ministeru tiegħi nefaq €13,829 f'manutenzjoni ta' karozzi. Fir-rigward ta' ministeri oħra, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi t-talba tiegħu lill-ministeri konċernati .
karozzi li jagħmlu użu minnhom il-ministri u s-segretarji parlamentari — VRT
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-karozzi li jagħmlu użu minnhom il-ministri u s-segretarji parlamentari ssirilhomx il-VRT jew inkella jsirilhomx xi test ieħor biex jaraw ir-road saftey ta' dawn il-karozzi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozza li nagħmel użu minnha jien, issirilha l-VRT meta jkun imissha. Fir-rigward ta' ministeri oħra, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-ministeri konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn koppji li sseparaw matul is-snin 1995 - 2009 kull sena separatament? Kemm kellhom età dawn il-koppji li sseparaw? Jista' jagħti statistika ta' figura globali ta' kemm hawn koppji li ufiċjalmet huma separati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-Reġistru Pubbliku għandu biss informazzjoni dwar dawk is-separazzjonijiet li attwalment ikunu reġistrati u li din l-informazzjoni ma tinkludix l-età tal-partijiet. Infurmat ukoll li l-informazzjoni li għandu l-imsemmi Reġistru hija mill-2003 'il quddiem biss u għalhekk l-aħħar parti tal-mistoqsija ma tistax tkun risposta.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li huma miżżewġa biċ-ċivil biss?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ żwiġijiet reġistrati fir-Reġistru Pubbliku biċ-Ċivil biss mill-1975 , li hija s-sena minn meta bdew jiġu reġistrati ż-żwiġijiet , huwa ta’ 11,127.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex beħsiebu jirriabilita Wied Blandun fil-Fgura li bħalissa jinsab fi stat mitluq, bil-ħmieġ u l-ġrieden, partikolarment il-parti li tagħti fuq Triq A.M. Valperga Bormla?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-tabellli tat-traffiku li xi nies irresponsabbli għawġu u vvandalizzaw bejn Burmarrad u l-Mosta, fl-inħawi ta' Tarġa Gap, jiġu rranġati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dawn it-tabelli msemmija ġew irranġati jew mibdula immedjatament wara li ġew irrapurtati.
Mellieħa — Santa Maria Estate - toroq li ma ġewx irranġati
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq fl-inħawi ta' Santa Marija Estate, fil-Mellieħa li għadhom ma ġewx irranġati? Liema minn dawn it-toroq kienu parti mill-ftehim li għamlet l-Awtorità dwar it-Trasport (dak iż-żmien) u s-sidien tal-art ta' Santa Marija Estate?
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-triq li tagħti minn ħdejn Kennedy Grove għall-Imdawra tiġi asfaltata sewwa billi din it-triq hi waħda frekwentata ħafna minn bosta Maltin u turisti u tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-triq minn ħdejn Kennedy Grove għall-Imdawra ma taqax taħt kategorija ta’ triq distributorja jew arterjali u għalhekk il-manutenzjoni ta’ din it-triq mhijiex responsabiltà tal-Gvern Ċentrali. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' pelican lights li ġew stallati matul l-2009 u l-2010 s'issa? Fejn jinsabu dawn il-lights? Kemm hu n-numru ta' pelican lights li għad hemm talba pendenti għalihom u kemm hemm approvati biex jiġu stallati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-numru ta' pelican lights li gew stallati matul l-2009 u l-2010 huwa kif jidher fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Approvati biex jiġu stallati jew mixgħula huma tnejn ġewwa Burmarrad, ta’ l-Ajruport ta’ Hal-Luqa, tal-Belt Valletta, tax-Xemxija u ta’ l-iMrieħel.
Il-pelican lights li huma approvati u se jigu installati fix-xhur li gejjin huma 5:
Mill Street, Qormi
Triq it-Torri, Sliema
Triq il-Ferrovija, St Venera
Triq Notabile, B'Kara
Triq Għar Dalam, B'Bugia
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta kkunsidratx alternattivi oħra minbarra dak propost għall-proġett ta’ Triq Diċembru 13? Jekk fin-negattiv, jista’ jgħid għalfejn dan ma sarx u min-naħa l-oħra jekk diġa' ġew studjati alternattivi oħra, jista’ jagħti d-dettalji tagħhom u jgħid għalfejn ġew skartati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-każ tal-proġett ta’ Triq Diċembru 13, Transport Malta m’identifikatx alternattivi oħra minn dak li ġie propost għall-istess proġett. Skont din il-proposta, x-xogħlijiet li jridu jsiru huma fuq road footprint eżistenti mingħajr il-bżonn ta’ kostruzzjoni ta’ toroq ġodda. Dan kollu għandu joħloq l-inqas inkonvenjent għat-traffiku eżistenti fuq rotta arterjali bħalma hi dik bejn il-Marsa u l-Belt Valletta. Diffiċli tiddentifika alternattivi għal dan il-proġett, peress li l-underpass propost hija triq diretta u ma ttellifx it-traffiku eżistenti li jgħaddi mit-triq arterjali bejn il-Marsa u l-Belt.
Peress ili t-triq ġdida fi Triq tas-Silġ ġewwa Marsaxlokk tinsab fi stat ħażin u hija ta' inkonvenjent kbir għar-residenti, jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħlijiet neċessarji għadhom ma sarux?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jispeċifika eżatt għal liema triq qed jirreferi.
Kalkara: Triq Patri M. Sultana, Triq il-Kappuċċini — xogħlijiet
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 18324 u ċioe: Jista' l-Minsitru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17940 u jgħid meta se ssir Triq Patri Mattew Sultana l-parti ta’ fejn inbena l-Housing Estate mill-Awtorità tad-Djar? Meta se ssir it-triq fil-parti tal-Kapuċċini fejn inbena l-Housing Estate mill-Awtorità tad-Djar? Meta se tinfetaħ it-triq li minn Patri Mattew Sultana tagħti għal triq il-Kapuċċini fejn inbena l-Housing Estate mill-Awtorità tad-djar? Nixtieq ninforma lill-Ministru li kont qed nirreferi għall-Kalkara.
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.19277.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18402 u jgħid fejn wasal l-impenn tal-Ministeru biex jipprovdi kenn mix-xemx u x-xita għaż-żwiemel tal-karozzini mogħti f’email tas-27 ta’ Awwissu 2009 bl-isem ta’ ‘Karozzini horses’ fejn il-Ministru kiteb: “I can assure you that the Malta Transport Authority is all for the creation of shelters for horses and is willing to pay for them itself provided that there is space where to erect them and that they are used by the cab owners.”? Mindu nkitbet din l-email kemm saru minn dawn ix-shelters għaż-żwiemel, fejn saru u kemm intnefqu flus minn Trasport Malta fuqhom? Jekk ma sarux għal liema raġuni dawn ma sarux u jekk hemm il-ħsieb li se jsiru, meta se jkun dan, filwaqt li tingħata breakdown dettaljata tal-infiq previst?
Response (GATT, AUSTIN)
Waqt li nerġa nikkonferma l-impenn tal-Gvern għall-bini tax-xelters imsemmija u d-disponibilità ta’ Transport Malta li ssib metodoloġija kif isir il-finanzjament tagħhom, naħseb l-Onor Interpellant jaf li dan hu negozju li minnu jsir qligħ ta’ flus kunsidrat li dawra ta’ nofs siegħa l-Belt tiswa bejn €60 u €70.
Konsegwentement jidhirli illi negozju bħal dan m’għandux igawdi minn sussidju li hu għad-dannu ukoll ta’ oqsma oħra ta’ trasport li jikkompetu mal-karozzini. Jidher illi s-sidien tal-karozzini ma jaqblux ma' dan il-prinċipju kif jidher ukoll illi jippretendu li darba x-xelters jinbnew, il-manteniment tagħhom isir ukoll mill-Gvern.
Qed isiru diskussjonijiet bejn Transport Malta u l-GWU (li tirrapresenta s-sidien) biex possibilment jintlaħaq ftehim.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18404 u jgħid kemm ġew magħżula operaturi għall-Organized Mooring Areas fl-ibħra ta’ Malta u Għawdex? F’kull każ min huma dawn l-operaturi? B’liema kundizzjonijiet ingħataw dawn l-Organized Mooring Areas f’dak li għandu x’jaqsam ma’ finanzi, tul ta’ żmien u obbligi lejn l-istat u lejn dawk li jużaw il-faċilitajiet f’dawn l-areas filwaqt li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull kuntratt iffirmat għal tali operat rispettivament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li sal-lum ma ġie ffinalizzat l-ebda kuntratt għall-immaniġġjar ta’ rmiġġi organizzati. Fil-fatt, in-negozjati ma’ operaturi prospettivi għadhom għaddejjin u l-informazzjoni tkun tista’ tingħata meta l-kuntratti jiġu konlużi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18405 u jgħid min huma l-operaturi li ntgħażlu biex joperaw il-marinas li ġew privatizzati f’Malta u Għawdex? Kif intgħażlu? B’liema kriterji? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-ftehim milħuq ma’ kull wieħed minn dawn l-operaturi?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-proċessi ta' privatiżżazzjoni ma' humiex kompitu ta' dan il-Ministeru.