Legislature:
Category:
Reset
Active:

sistema ta' pannelli fotovoltaiċi — meter tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri minn dawk il-familji li investew eluf ta' euros f'sistema tal-pannelli fotovoltaiċi u ilhom minn Diċembru li għadda bil-meter l-antik idur lura minflok il-quddiem? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-units humiex se jkunu kkalkulati mill-meter readers u jekk hux se jingħata rifużjoni kif suppost dovuta lilhom għal dan il-perjodu sakemm jitwaħħal il-meter tad-dawl il-ġdid, inkella se jkunu taw l-enerġija b'xejn lill-Korporazzjoni Enemalta għal aktar minn erba' xhur minħabba d-dewmien fit-twaħħil tal-meters? Ma jaħsibx li jekk dawn il-units ma jkunux ikkalkulati, dawn il-familji se jkunu misruqa l-flus mill-Korporazzjoni Enemalta?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numru 23172 u 25185.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — rapport ta' ħidma

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' ħidma tat-tielet sena ta' din il-leġislatura?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kopja tar-rapport ta’ ħidma tat-tielet sena ta’ din il-leġislatura qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Enemalta — meters tal-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il katergorija differenti hi addottata mill-Korporazzjoni Enemalta fil-kirjiet differenti tal-meters tal-elettriku? Jista' jgħid kemm tiswa l-krija ta' kull kategorija differenti u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kriterji li tuża l-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiddeċiedi kirja partikolari taħt liema kategorija taqa'?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hemm żewġ kategoriji li jintużaw mill-Enemalta fil-kirjiet differenti tal-meters tal-elettriku. Il-kirjiet ta’ dawn il-kategoriji għal kull sena huma hekk kif ġej: Residenzjali Single Phase - €65 Three Phase - €195 Mhux Residenzjali Single Phase - €120 Three Phase - €360 Dawn il-kirjiet jiġu stabbiliti skont kif inhu indikat fl-ewwel u t-tieni skeda tal- legal notice 330/08 tal-Enemalta.

Kirja tal-meter tal-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għandu jagħmel individwu (jew entità) meta dan iħoss li l-kirja tal-meter tal-elettriku tiegħu ma tirriflettix il-kategorija li suppost jappartjeni għaliha?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jekk kemm-il darba konsumatur jikkontesta l-kategorija li jkun jappartjeni għaliha, dan għandu jitlob lil ARMS Ltd sabiex isirlu tariff survey. Din sussegwentament tibgħat notifika lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tivverifika dan, u tirrapporta lura lill-istess ARMS Ltd. biex tagħmel ir-revizjonijiet neċessarji jekk ikun hemm il-bżonn.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — vakanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'vakanzi hemm fid-Dipartimenti, uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru u x'sejħiet jew applikazzjonijiet huma maħsuba li joħorġu fix-xahrejn li ġejjin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Kiri ta' fond fl-Imdina

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jinsab fi Triq l-Imħażen fl-Imdina, hux proprjetà tal-gvern? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid lil min ġiet mikrija din il-proprjetà u għal liema skop ta' użu ġiet mikrija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-fond li dettalji tiegħu ntbagħtu separatament huwa proprjetà tal-gvern u ġie mikri lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament, wara li nħarget sejħa għall-offerti. Fis-sejħa għall-offerti dan il-fond kien deskritt bħala store. Il-kerrej li ġie rikonoxxut ġab permess tal-MEPA biex ibiddel l-użu ta’ dan l-istore f’użu ta’ bar, kif ukoll ġab liċenzja kummerċjali. Għaldaqstant wara talba li għamel lill-Kumissarju tal-Artijiet biex ibiddel l-użu, id-Dipartiment tal-Artijiet tah l-permess lill-kerrej biex isir il-bdil tal-użu iżda b’kera ogħla, skont kif stipulat f’kundizzjoni 6 tal-ftehim tal-kirja.

Fond ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux possibbli li l-inkwilina tal-fond, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, jinxtara minnha? Jista' jindika jekk il-fond indikat hux meħud b'possession and use ? Jekk fl-affermattiv meta beħsiebu l-Gvern jirregola l-pożizzjoni tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-post li d-dettalji tiegħu ntbgħatu separatament huwa meħud b’titlu ta’ pussess u użu. Hija l-intenzjoni tal-gvern li l-postijiet kollha meħuda taħt titlu ta’ pussess u użu jew dominju pubbliku jiġu akkwistati u għalhekk l-inkwilini jkunu jistgħu jixtru r-residenza tagħhom. Għal dan il-għan, fis-sena 2010, id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern beda eżerċizzju fejn dawn il-proprjetajiet bdew jiġu akkwistati billi tiġi kkapitalizzata l-kera’ ta’ akkwist jew għarfien skont it-termini tal-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet (Kap 88). Dan il-proċess jirrikjedi ħafna xogħol u għalhekk jista jieħu fit-tul biex ikun komplut.

Stallazzjoni tal-arloġġi tad-dawl

Question

Jista l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti għall-istallazzjoni tal-arloġġi tad-dawl f’kull waħda mil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikazzjonijiet għall-istallazzjoni tal-arloġġi tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għall-istallazzjoni tal-arloġġi tal-ilma f'kull waħda mil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Selmun — Fort Campbell - żviluppi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikolari dwar dawk li huma proposti fuq Forti Campbell f'Selmun, limiti tal-Mellieħa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

kuntratt għall-estensjoni tal-Power Station

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li l-Korporazzjoni Enemalta u/jew il-gvern għamlu mal-BWSC għall-estensjoni tal-power station flimkien ma' kull dokument u/jew ftehim ieħor li hemm anness mal-istess kuntratt? Jista' l-Ministru jagħti dan it-tagħrif peress li din ir-rikjesta qed issir fid-dawl li l-fondi għal dan il-kuntratt huma fondi pubbliċi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi estratti mill-Kuntratt riferut fil-Mistoqsija Parlamentari ġew impoġġija fuq il-Medja tal-Kamra fis-seduta numru 216 ta’ nhar is-6 ta’ Mejju, 2010.

Ħaddiema li jaħdmu bħala self-employed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema l-Gvern jaħdmu u joffru s-servizzi tagħhom lill-istess gvern u li dawn qed jaħdmu bħala self-employed? Jista' jgħid kemm għandu kategoriji minn dawn il-ħaddiema u liema huma dawn il-kategoriji?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Air Malta — titjira

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li fl-24 ta' Marzu, wara li kien hemm ħsarat li ma ppermettewx lill-Prim Ministru jmur Brussell għas-Summit tal-Unjoni Ewropea permezz ta' jet privat, intuża ajruplan kummerċjali tal-Air Malta biex iwassal lill-Prim Ministru u lil min kien qed jakkumpanjah? Min qed jassumi r-responsabbilità ta' din id-deċiżjoni? Kemm kien hemm passiġġieri abbord din it-titjira hi u sejra? Kemm kien hemm passiġġiera fuq it-titjira hi u ġejja? Kemm kien jesa' passiġġieri l-ajruplan li ntuża? Kemm swiet flus two-way din it-titjira? Kemm iċċargjat flus l-Air Malta għal din it-titjira? Min se jħallas għal din it-titjira? Fil-każ li parti minn dawn il-flus se jitħallsu mill-Unjoni Ewropea, kemm hi din il-parti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li l-Unjoni Ewropea se tħallas l-ispiża ta’ €30,000 ta’ din it-titjira lejn Brussel mitluba nhar il-Ħamis 24 ta’ Marzu 2011. Infurmat li l-Air Malta ċċarġjat it-tariffa li tintalab għat-titjiriet charter għal destinazzjonijiet simili għal din it-titjira li fiha kien hemm 4 persuni u ma kienx hemm passiġġieri fuq it-titjira ta’ ritorn.

Enemalta — rwol ta' erba' persuni partikolari

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol ta' dawn l-erba' persuni, li isimhom qed jintbagħat separatament, fil-Korporazzjoni Enemalta? Jista' jgħid kif iddaħħlu jaħdmu mal-korporazzjoni meta ma kien hemm l-ebda sejħa jew applikazzjoni riċentement għal managers u personal assistants minn barra? Jista' jgħid jekk il-paga ta' dawn in-nies hux qed toħroġ mill-Korporazzjoni Enemalta u kemm tammonta l-paga jew remunerazzjoni ta' dawn l-erba' persuni? X'inhu r-rwol tagħhom u x'awtorità għandhom fil-korporazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dawn il-persuni msemmija għandhom rwoli ta’: - Division Manager –Strategic Projects - Cost Consultant - Project Manager Consultant - Clerk Xogħolhom hu li jikkowordinaw il-proġett tal-estensjoni ta’ Delimara 144MW u ta’ l-interconnector. L-ewwel persuna ġiet mgħotija dan ir-rwol fuq position of trust . Iż-żewġ konsulenti ġew maħturin bħal esperti fuq direct order . Il- clerk ġiet impjegata fuq call approvata mill-ETC. Dettalji fuq il-kuntratti tagħhom huwa ta’ natura kunfidenzjali u ma tistax tingħata għax inkunu qegħdin niksru d-drittijiet ta’ privazija tal-impjegati tal-Enemalta taħt il-liġijiet applikabbli għad-divulazzjoni u ppublikar ta’ informazzjoni.

Kumpaniji li se jiġu privatizzati

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-kumpaniji u/jew entitajiet governattivi li huma mistennija jiġu privatizzati fil-ġejjieni qarib?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddej il-proċess għall-privatizzazzjoni tal-Petroleum Division tal-Korporazzjoni Enemalta, filwaqt li se jibda l-proċess ta’ negozjati dwar it-Tank Cleaning Facility ġewwa Ricasoli.

Impjant għat-tisfija tad-drenaġġ f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument tal-offerta li kienet ħarġet u li fuqha l-konsorzju li bena l-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ f’Għawdex ingħata ukoll it-tħaddim tiegħu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li sar bejn il-benefiċjarju u l-kuntrattur/i?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-dokument riferut qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bejgħ ta' assi tal-gvern

Question

Peress li skont mistoqsija parlamentari 21300, fis-sena 2004 il-Gvern kien daħħal is-somma ta' €18.6 miljun, u peress li issa t-tender tal-lotterija nazzjonali waslet biex toħroġ, jista' l-Ministru jgħid meta huwa l-ħsieb tal-Gvern li jerġa' joħroġ tender mill-ġdid jew inkella għandux il-ħsieb li jġedded lill-operatur preżenti jekk huwa każ ta' tiġdid? Jista' jgħid xi ħlas sar mill-operatur għal tali tiġdid?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-gvern iddeċieda li joħroġ b’tender il-konċessjoni tal-Lotterija Nazzjonali. Il-konċessjoni preżenti tintemm f’Lulju 2012 u bħalissa l-gvern qiegħed jaħdem fuq dokument li għandu jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. L-operatur li jirbaħ it-tender ikun irid ukoll jikkwalifika għal liċenzja mingħand l-Awtorità Għall-Lotteriji u Logħob.

Labour Force Survey — nies li jirreġistraw

Question

Jista' l-Ministru jgħid, skont il-Labour Force Survey, f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 ‘l hawn: a) kemm kien hemm nies jirreġistraw għax-xogħol, dawk ta’ bejn il-15-il sena u l-24 għalihom u dawk ‘il fuq minn 25 sena għalihom kif ukoll nisa għalihom u rġiel għalihom; b) kemm kienet il-popolazzjoni tal-età tax-xogħol, nisa għalihom u rġiel għalihom u skont l-età, jiġifieri dawk ta’ bejn il-15-il sena u l-24 għalihom u dawk ‘il fuq minn 25 sena; ċ) ir-rata ta’ attività, il-forza lavorattiva totali ( labour force ) bħala persentaġġ tal-popolazzjoni totali tal-età tax-xogħol kif ukoll il-forza lavorattiva tal-irġiel bħala persentaġġ tal-irġiel tal-età tax-xogħol u l-forza lavorattiva tan-nisa bħala persentaġġ tan-nisa tal-età tax-xogħol, u d) in-numru ta’ nies inattivi, nisa għalihom u rġiel għalihom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni maħruġa hi bbażata fuq il-Medja ta' kull sena billi mhux possibli li nipprovdu informazzjoni skond l-aħħar ta' kull sena mil-Labour Force Survey. L-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tad-domanda mhijiex disponibbli minn dan l-istħarriġ peress illi l-Labour Force Survey jipprovdi kejl ta’ nies qegħda skont id-definizzjoni tal-ILO u mhux skont definizzjonijiet marbutin mar-reġistru nazzjonali tal-qgħad. Għan-numru ta’ persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol, wieħed jista’ jirreferi għall-informazzjoni li toħroġ mill-ETC.

Labour Force Survey — paga medja gross annwali

Question

Jista' l-Ministru jgħid, skont il-Labour Force Survey, f’Malta u f’Għawdex separatament, kemm kien fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 ‘l hawn il-paga medja gross annwali skont id-diversi setturi tal-attività ekonomika?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni hija bbażata fuq il-medja ta’ kull sena billi mhux possibli li nipprovdu informazzjoni skont l-aħħar ta’ kull sena mil-Labour Force Survey.

Marsa — Albert Town - problema ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-gvern biex il-problemi li hemm fis-sistema tad-drenaġġ ġewwa Albert Town, il-Marsa li kull darba jfur mill-fabbrika li hemm fil-qrib jiġu solvuti? Hemm il-ħsieb li l-gvern ineħħi l-biċċerija? Hemm il-ħsieb li jibdel is-sistema tad-drenaġġ? X'tip ta' laqgħat saru fuq din il-problema? Ma' min u meta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma għaddejja b’taħdidiet u laqgħat ma’ uffiċjali tal-Ministeru tar-Riżorsi u affarijiet Rurali kif ukoll ma' uffiċjali tal-Wasteserv biex isaħħu u jtejbu s-sistemi tad-drenaġġ interni. Rigward il-parti tal-mistoqsija relatata mal-Biċċerija nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.