Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #494 Sitting 9 2008-05-27 Oral · Interim From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Kummisarju ta' l-Artijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jispjega għaliex l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ġiet żgumbrata mill-Kummissarju ta' l-Artijiet mill-fond li qed tgħix fih? Japprezza l-Ministru li dan kien ilu jgħix fih 'l fuq minn disa' snin man-nanniet tiegħu. Nanntu fil-fatt mietet fil-15 ta' April, 2000 u ilu għal dawn l-aħħar snin jikkomunika mad-dipartiment biex jiġi rikonoxxut. Japprezza l-Ministru li l-mod kif mexa l-Kummissarju ta' l-Artijiet kien wieħed diskriminatorju għall-aħħar?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar , jingħata f'xi Seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Parking għall-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju li l-inqas ħaddiema li għandhom paga fil-qasam tas-saħħa fl-iSptar Mater Dei huma l-uniċi ħaddiema li jħallsu għall-parking? Ma jaħsibx li wasal iż-żmien li lil dawn il-ħaddiema tinħarġilhom card speċjali jew permess biex jibdew jipparkjaw b'xejn bħall-ħaddiema l-oħrajn kollha li jaħdmu ġewwa l-iSptar Mater Dei?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li fl-isptar San Luqa il-parkeġġ b’xejn kien aċċessibbli għall-impjegati sa skala 9, il-parkeġġ b’xejn fl-isptar Mater Dei tela’ għall-impjegati fi skala 12. Fl-istess waqt, dejjem b’arranġamenti mal-operaturi tal-parkeġġi rispettivi, il-ħlas għall-parkeġġ għall-impjegati ta’ l-isptar Mater Dei naqas għal rata minima ta’ ta’ €0.50 (Lm0.215) kuljum mir-rata ta’ Lm0.32 (€0.744) li kienet titħallas fil-parkeġġ tal-Pieta ħdejn l-isptar San Luqa.

Installazzjoni ta' lift

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-politika tal-Gvern dwar twaħħil ta' lifts ma' flats li ilhom iktar minn 10 snin mibnija? U liema kriterji jintużaw rigward il-prijorita' li tingħata?

Response (DALLI, JOHN)

Il-politika tal-Gvern dwar is-suġġett tal-Mistoqsija hi riflessa fil-kundizzjonijiet li fuqhom hi mfassla l-iskema relevanti kif ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-15 ta' April 2005. Dwar il-kriterji għall-prijorita' ninsab informat li l-applikazzjonijiet jiġu proċessati fl-ordni li jkunu daħlu għand l-Awtorita' tad-Djar filwaqt li tingħata prijorita' lill-każijiet urġenti fuq bażi medika.

Każ fuq pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' sinjur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, biex jieħu l-pensjoni ta' 61 sena?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Ħlas dovut

Question

Jista' l-Ministru jara każ ta' sinjura li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li din qed tintalab tħallas is-somma ta' €969.34? Tista' tagħti spjegazzjoni ta' xhiex huma dawn il-flus peress li bid-dħul li għandha qiegħda tbati biex tgħix?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Angiogram

Question

Jista' l-Ministru jgħid: (i) jekk hemmx kriterji standard ta' kif nies li qed jistennew għal angiogram jintgħażlu biex isirilhom it-test? (ii) kemm saru angiograms fis-sena 2008 u kemm ilhom fuq il-waiting list dawn il-pazjenti? (iii) jista' jassigura li kulħadd qed jinqeda bil-fair u mhux skond lil min jaf? (iv) kemm mill-angiograms li saru fis-sena 2008 kienu pazjenti fuq il-waiting list u tahom attakk tal-qalb biex sarilhom l-angiogram? (v) kemm kien ilu fuq il-waiting list kull pazjent u minn liema raħal jew villaġġ kienu? Jista' l-Ministru jirrispondi għal kull domanda individwali?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-kriterji biex pazjenti minn Malta u Għawdex issirilhom angiogram huma bbażati fuq raġunijiet klinici u dan huwa rifless fiż-żmien li pazjent idum jistenna, li jvarja skond kull każ individwali. Bejn Jannar u April 2008 saru 624 Coronary Angiograms fl-isptar Mater Dei. Ninsab informat li kulħadd qiegħed jinqeda bil- fair kif spjegat hawn fuq. L-informazzjoni mitluba dwar il-waiting lists tirrekjedi ħafna ricerka u għadha qegħda tinġabar. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li fl-isptar Mater Dei isiru aktar minn 95% tal- angiograms li jsiru f’Malta u dawn isiru bl-aktar effiċjenza u sigurta' bħal ma jsiru f’kull pajjiż ieħor fid-dinja.

Equity sharing scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Equity Sharing Scheme tal-Housing ġiet sospiża? Hemm ħsieb li din l-iskema terġa' tiġi introdotta? Jaf il-Ministru li din is-sospensjoni ta' l-iskema ħolqot inċertezza fl-industrija tal-kostruzzjoni u hardship fuq first time buyers?

Response (DALLI, JOHN)

Kif kelli l-opportunita' li ngħid pubblikament, inkluż permezz ta' stqarrija għall-istampa ppublikata fl-20 ta' Mejju 2008, l-Awtorita' tad-Djar mistennija timmodifika/tirristruttura l-iskema li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant propju biex ikun assigurat li dawn it-tipi ta' skemi jkunu sostenibbli fil-futur u aktar koppji żgħażagħ ikunu jistgħu jgawdu minnhom.

Impjegar ta' persuni disabled

Question

Billi fl-imgħoddi kien hemm il-prassi li kumpanniji ta' ċertu daqs kienu jimpjegaw numru ta' persuni li huma registered disabled sabiex jgħinu lil dawn il-persuni bi bżonnijiet speċjali jintegraw ruħhom aktar fil-qasam tax-xogħol, jista' l-gvern jikkunsidra li tiġi riattivata din il-miżura?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li fis-snin riċenti, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ħadmet biex jiżdied in-numru ta' persuna b'diżabilita' fl-impjieg permezz ta' inċentivi u kampanji li jenfasizzaw l-abilita' ta' l-individwi, finanzjati taħt programmi ta' l-Unjoni Ewropea.

Impjegati tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm hemm nies fl-impjieg tal-Gvern bla job description allavolja ilhom hemm bosta snin? Hemm xi żmien stipulat fejn dawn in-nies se jirċievu dan il-job description?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru bħala l-Ministru responsabbli għas-Servizz Pubbliku.

Children's Allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-proċess biex tingħata ċ-Children's Allowance lil koppji li dan l-aħħar kellhom it-tieni tarbija jinsab on hold? Ta' min ifakkar li din kienet miżura li tħabbret aktar kmieni din is-sena (u kkonfermata bħala wegħda elettorali tal-Gvern) biex kull koppja tingħata dan il-benefiċċju irrispettivament minn numru ta' ulied li għandhom taħt is-16-il sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-allegazzjoni li qed jagħmel fl-Ewwel Parti tal-Mistoqsija hi assolutament infondata.
Leg 11 PQ #379 Sitting 8 2008-05-26 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Bord ta' l-Elettriku — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' dawk l-impjegati li kienu ġew trasferiti mid-dipartiment tal-gvern għall-Bord ta' l-Elettriku ta' Malta u mbagħad għall-Korporazzjoni Enemalta, li ħadu l-pensjoni (preferibbilment sena sena) skond it-termini ta' l-Ordinanza tal-Pensjoni XVII ta' l-1937 u l-emendi sussegwenti tagħha?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Membru jirreferi l-Mistoqija lill-Ministeru konċernat.

Mediċini out of Stock

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 203 u jara li tingħata priorita' lill-fatt li dawn iż-żewġ prodotti jinsabu out of stock, i) Atrovent inhaler - ilu nieqes għal diversi xhur ii) Avonex injections? Niġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawn ta' l-aħħar ma jistgħux jinxtraw mis-settur privat.

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-'Atrovent inhaler' huwa in stock fid-Dipartiment tal-Procurement tal-Gvern (Taqsima tas-Saħħa). L-aħħar konsenja waslet fit-30 ta' April, 2008. Informat ukoll li l-Kuntrattur tad-Dipartiment tas-Saħħa għall-'Avonex injections' ma ġabx l-ordni skond iż-żmien indikat fil-kuntratt, id-dipartiment xorta waħda qed jixtri stock minn band'oħra. Il-Kuntrattur għandu jirċievi l-istock minn barra minn Malta tul din il-ġimgħa u minnufih jgħaddih lid-Dipartiment. Nhar is-Sibt 17 ta' Mejju 2008 waslet konsenja limitata ta' din il-mediċina li ġiet imqassma lil pazjenti matul tmiem il-ġimgħa.

Floriana — Bini ta' appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbeda x-xogħol ta' l-Awtorita' tad-Djar fuq i) it-tkomplija tal-bini ta' l-appartamenti fi Triq l-Iljun kantuniera ma' Triq l-Argotti, l-Floriana; ii) l-istallazzjoni ta' lift fl-appartamenti, f'13 Triq Sant'Anna, Floriana?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-Awtorita' tad-Djar bi ħsiebha tkompli l-proġett tal-bini ta' appartamenti u garaxxijiet fi Triq l-Argotti/Triq l-Iljin, Furjana, fil-futur qarib tant li l-abbozz tas-sejħa għal-offerti għax-xogħolijiet pendenti qiegħed jiġi verifikat mid-Dipartiment tal-Kuntratt qabel jiġi ppublikat. Dwar l-installazzjoni tal-lift fil-blokk indikat ninsab informat li t-tqegħid ta' lift fit-tromba ta' dan il-blokk kien problematiku peress li m'hemmx pjan adekwat li fuqu jiftaħ il-bieb tal-lift. Madankollu , bħalissa, l-Awtorita' qed tistudja soluzzjoni oħra li mistennija tiġi konkluża f'qasir żmien u f'dan il-każ, l-applikant jiġu informat bid-deċiżjoni.

Flats tal-gvern — Kontrabejt

Question

Jista' l-Ministru jara li permezz tad-dipartiment konċernat jittieħdu l-passi neċessarji biex dawk il-flats tal-gvern li minflok kontrabejt għandhom madum, jiġu rranġati, għaliex qed joħolqu bosta nkonvenjenti lir-residenti tagħhom? Jista' b'mod partikolari jara li l-bejt fi Block A4, Qasam ta' Pennellu Mellieħa jiġi rranġat għaliex b'riżultat ta' dan il-madum hemm ħafna umdita fil-flats?

Response (DALLI, JOHN)

Għaddejt it-talba ta’ l-Onorevoli Interpellant lid-Direttorat tal-Bini u Tiswija ta’ Djar fi ħdan l-Awtorita’ tad-Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtiega.

Ħaddiema — Kuntratt tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi nvestigat jekk hemmx employers li lill-impjegati tagħhom fil-kuntratt tax-xogħol qed jorbtuhom biex ma jidħlux fi trade union? Jekk iva, jirriżulta li dan hu ksur ta' drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u x'passi se jittieħdu biex dawn id-drittijiet jiġu mħarsa?

Response (DALLI, JOHN)

Id-dritt li persuna liberament tappartjeni f'trade union huwa dritt sanċit fil-Kostituzzjoni ta' Malta. Huwa parti normali tax-xogħol ta' kuljum tal-ispetturi tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg li jeżaminaw kuntratti ta' l-impjieg biex jiġi aċċertat li l-kundizzjonijiet tax-xogħol imniżżlin hemmhekk huma konformi mal-liġi. Ninsab informat li qatt ma ġie nnutat jew rreġistrat ilment tat-tip indikat mill-Onor. Interpellant. Anki li kieku kellu jkun hemm xi klawsola f'xi kuntratt ta' dan it-tip, din tkun awtomatikament nulla. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi informazzjoni fuq xi każ partikolari, nistiednu jgħaddili d-dokumenti relattivi, anke b'mod kunfidenzjali, biex ikunu jistgħu isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.

Tobba

Question

Dan l-aħħar kien rappurtat li numru konsiderevoli ta' tobba li se jilħqu houseman se jmorru barra minn Malta. Jista' l-Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel il-Gvern biex jagħti lill-poplu s-servizz u t-training meħtieġ kif ukoll jipprovdi career structures għat-tobba tagħna biex titnaqqas il-brain drain?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li kien hemm 46 applikazzjoni għall-post ta' houseman minn fost it-52 student li ser joqgħodu għall-eżami sabiex jiggradwaw bħala tobba ix-xahar id-dieħel. Kien hemm ukoll 8 tobba barranin li applikaw għall-post ta' houseman, għal total ta' 54 applikazzjoni. Informat ukoll li fil-ġranet li ġejjin jitħabbru u jinħatru il-konsulenti li ser ikunu training co-ordinators tal-programmi lokali ta' taħriġ post-graduate skond il-kriterji stabbiliti mill-iSpecialist Accreditation Committee. Bħala parti mill-job plans tal-konsulenti kollha ġew identifikati ħinijiet speċifiċi li kull konsulent ser jiddedika għal taħriġ post-graduate. Qed jiġu proċessati l-applikazzjonijiet għal Basic Specialist Trainee f'iktar minn 12-il speċjalita'. Mistenni wkoll li nkomplu bil-proċess tal-ħatra tal-Higher Specialist Trainees. Konvint li dan kollu joffri possibilitajiet konkreti ta' programmi ta' taħriġ post-graduate ta' l-ogħla livell għat-tobba Maltin li jixtiequ jispeċjalizzaw f'Malta.

Politika Soċjali — Nies impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fid-dipartimenti, kumpanniji u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2008?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti sabiex persuni anzjani jidħlu fid-Djar ta' l-Anzjani f'Malta u Għawdex separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li n-numru ta' l-applikazzjonijiet pendenti sabiex persuni anzjani jidħlu fid-Djar ta' l-Anzjani f'Malta huwa ta' 1,096. Din l-informazzjoni hija eżatta sa 31 ta' Marzu, 2008. Informat ukoll li f'Għawdex m'hemmx Djar għall-Anzjani tal-Gvern.

Investigazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjoni mitluba f'mistoqsija parlamentari 26455 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 535 tlestitx? Jekk fl-affermattiv, tista' titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li għalkemm l-investigazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant għadha m’hix lesta, l-Kummissarju għat-Tfal bi ħsiebha tikkonkludiha fil-futur qarib.

Għaqdiet non-governattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għaqdiet non-governattivi li għandhom impjegati taċ-Ċivil sekondati magħhom? Liema huma dawn l-għaqdiet non-governattivi?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru bħala l-Ministru responsabbli mis-Servizz Ċivili.