Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bowsers rreġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bowsers li huma reġistrati mal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi biex iġorru diversi tipi ta' ilma, inkluż dak maħmuġ? F'liema lokalita' huma reġistrati dawn il-bowers li huma reġistrati mal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' sigħat ta' overtime li sar matul is-sena 2008 f'kull dipartiment u entità fid-dekasteru tiegħu, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid ukoll x'allowances ingħataw fl-istess entitajiet matul l-istess perijodu maqsuma ukoll xaħar b'xahar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ma nħossx li għandi naħli r-riżorsi tal-Gvern b’dan il-mod sakemm l-Onor. Interpellant ma jagħtix raġuni valida għall-ħtieġa ta’ din l-informazzjoni.

Ċentru ta' l-Annimali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5671 u jgħid kemm intnefqu mill-Lm60,000 allokati fil-budget tal-2006 sabiex isir ċentru għall-annimali? Fiex intnefqu dawn il-flus u f'liema stadju wasal dan iċ-ċentru? Meta hu stmat li dan iċ-ċentru se jkun fully operational? Kif se jkun qed jitħaddem u minn min? Jista' jgħid kemm intnefqu mill-flus allokati fl-2007 għall-animal welfare u fiex intnefqu? Kemm ġew imsewwija klieb u qtates? Min kienu l-veterenarji li sewwew dawn l-annimali u x'kienet ir-rata li ġew imħallsin biha? Jista' jgħid fejn ġew imsewwija dawn l-annimali u jagħti dettalji ta' kemm kien hemm klieb u qtates u minn liema post?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li fil-Baġit tal-2006 ma jirriżultax li kien hemm fondi vvutati biex isir ċentru għall-annimali. Dan sar fil-baġit tal-2007 għall-2008. Jien infurmat li l-ispiża fuq l-Animal Welfare Centre fl-2007 u fl-2008 kienet ta’ €62,515.86 li jinkludu fost l-oħrajn spejjeż professjonali, permessi u ħlas lill-kuntrattur. Hu ttamat li dan iċ-Ċentru, li ser ikun amministrat mill-gvern, jibda jopera s-sena d-dieħla. Fl-2008 intefqu €174,821.49 f’kampanja fejn ġew imsewwija 694-il qattus u 798-il kelb u ngħataw 10,301-il jum ta' after care . Il-klieb u l-qtates irġiel kienu ntitolati sa massimu ta' 5 ġranet aftercare filwaqt li l-klieb u l-qtates nisa kienu ntitolati sa massimu ta' 10 ġranet aftercare. Dawn l-annimali kienu minn postijiet varji, u l-informazzjoni minn fejn jinqabdu ma tinżammx. Ir-rati li tħallsu huma skond kif jidher fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-veterinarji li pparteċipaw f'din l-iskema kienu 12 pero minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ data isimhom ma jistax jingħata.

Belt Valletta — Pjazza San Ġorġ - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tax-xogħlijiet maħsuba għal pjazza San Ġorġ (Main Guard) il-Belt?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni hija diġà aċċessibli pubblikament.

Park tas-Simar — diskussjonijiet dwar it-tmexxija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu d-diskussjonijiet dwar it-tmexxija tal-park tas-Simar? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi dwar liema partijiet qed isiru d-diskussjonijiet biex ma jibqgħux amministrati mill-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Stormwater master plan

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istormwater master plan? Jista' jgħid jekk dan il-pjan hux ser jindirizza l-aspett tal-flood reliefu hux ser jipprovdi ammont sostanzjali ta’ storm water għal re-use fix-xhur tas-sajf meta l-aktar ikun meħtieġ? X’inhu l-istorage capacity ppjanat tal-istorm water infrastructure? Meta ser jigi ppubblikat il-pjan nazzjonali dwar l-ilma? Kemm implimentajna s’issa mill-European Union Water Framework Directive?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Ħażna ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kibret il-ħażna ta' l-ilma f'dawn l-aħħar snin kif wkoll il-produzzjoni tagħha? X'qed isir f'mod konkret biex dan l-ilma kollu ma jibqax imur il-baħar? X'miżuri ser ikollu jieħu l-Gvern fil-ġejjieni dwar dan ir-riżors importanti anke fir-rigward ta' dawk li huma utility rates?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Pjazza San Gorg — Underground car park

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li jiswa l-proġett ta' underground car park fi Pjazza San Gorġ, il-Belt Valletta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li fl-eventwalità li jsir il-proġett ta’ underground car park u t-tisbiħ tal-Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, huwa stmat li jiġi jiswa madwar 2.2 miljun ewro. Sadanittant, wara li l-ġimgħa l-oħra nstabu xi tunnels , il-pożizzjoni qed tiġi ri-eżaminata flimkien mal-awtoritajiet kompetenti.

Chadwic Lakes — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija isir tindifa sew fl-inħawi taċ-Chadwic Lakes iżjed u iżjed meta jidher li hemm diversi rapporti li t-tniġġiż minħabba d-drenaġġ u l-ammont ta' żibel li hemm żdied b'mod esaġerat? X'esperti għandu l-Gvern biex jgħinuh f'tindifa ta' din ix-xorta li tirrikjedi approach professjonali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li flimkien mad-Direttorat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-MEPA, li huma esperti professjonali fuq dan ix-xogħol, tfassal program għal tindif estensiv, rijabilitazzjoni u ħolqien ta’ management plan għall-inħawi imsemmija. Xi tindif ser jibda fil-ġranet li ġejjin. Hu maħsub li dan il-program jieħu spinta aktar qawwija matul ix-xhur tas-sajf li ġej.

Bring-in-sites — CCTV cameras

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn bring-in-sites madwar Malta u Għawdex? Fejn jinsabu? Kemm minnhom għandhom CCTV camers stallati ħdejhom? Jista' jgħid jekk il-WasteServ hix beħsiebha twaħħal dawn is-CCTV cameras fejn hemm il-bring-in-sites?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li f’Malta u Għawdex hawn total ta’ 237 Bring-In-Site li huma mqassma skond kif jidher fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minnhom hemm 14-il sit li għandhom CCTV camera installata ħdejhom. Il- Bring-in-sites huma kontinwament moniterjati minħabba abbużi u fejn jinħass il-bżonn jittieħdu l-miżuri neċessarji.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — lista ta' konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħthom, għamlu użu minnhom matul is-sena 2008? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Awtorità Maltija għar-Riżorsi — refund fuq appliances energy saving

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi għadha ma ħallsitx refunds lil min xtara appliances energy saving taħt l-iskema li għalqet f'Ġunju, 2008?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Agricultural waste management plan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6089 u 5540 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport dwar l-Agricultural Waste Management Plan? Meta tlesta? Meta inkiteb l-ewwel abbozz tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ir-rapport finali diġà huwa pubbliku.

Oil Division — website

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5782 u jgħid x'inhi r-raġuni li l-Oil Division li sa ftit ilu kien jidher fuq il-website tal-ministeru tiegħu m'għadux jidher fuq dan is-site?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ma jirriżultax li l-Oil Division m’għadiex tidher fuq il-website tal-Ministeru. Kull ma jrid jagħmel l-Onor Membru hu li jidħol f’www.mrra.gov.mt u wara jidħol fil-Works and Services. Hemm isib is-sezzjoni ddedikata lill-Oil Division. Tajjeb wieħed ikun jaf li din is-sezzjoni effettivament għandha tiġi nkorporata fl-MRA.

Bowsers li jġorru l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb l-mistoqsija parlamentari 6010 u jinforma lill-Kamra: a) kemm hemm bowsers li jġorru ilma tax-xorb irreġistrati ma' xi awtorità li taqa' taħt ir-responsabiltà tiegħu? b) kemm hemm bowsers li jġorru ilma għat-tisqija irreġistrati ma' xi awtorità jew dipartiment li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu? ċ) x'inhuma l-kondizzjonijiet marbuta mal-permess biex dawn iġorru dawn it-tipi ta' ilma? d) x'monitoraġġ isir mill-Ministeru tiegħu biex jara li dawn il-kondizzjonjiet ikunu miżmuma? e) kemm inġarr ilma tax-xorb matul l-2007 u l-2008? f) kemm inġarr ilma għat-tisqija matul l-2007 u 2008? g) jekk it-teħid ta' dan l-ilma huwiex b'xejn jew inkella hemmx xi ħlas għal dan it-teħid? ġ) min jiddeċiedi l-limitu ta' dawn iż-żewġ tipi ta' ilma li jista' jittieħed?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi għanda 17-il bowser reġistrati għall-ġarr tal-ilma tax-xorb, 354 għall-ġarr tal-ilma “second class” u 40 għall-ġarr tad-drenaġġ. L-Avviz Legali 160/97 jobbliga li l-bowsers li jġorru l-ilma u d-drenaġġ ikunu reġistrati. Dan l-Avviz ma jimponi l-ebda kundizzjoni u għandu jitqies bħala permess temporanju skond ir-regolament 5 ta’ l-istess avviz. Ma tinżammx informazzjoni kemm inġarr ilma għax-xorb u għat-tisqija matul l-2007 u 2008 M’hemm l-ebda ħlas għall-irfieh tal-ilma minn ta’ taħt l-art. M’hemm l-ebda regolament li jpoġġi limitu ta’ kemm jista’ jinġarr ilma. Rigward il-monitoraġġ dwar il-ġarr tal-ilma tax-xorb nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat

Majjistral Nature u History Park

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6186 u jikkonferma rapporti li dehru f’ġurnal lokali (Malta Today Midweek) nhar l-Erbgha 11 ta' Frar, 2009 li membri tal-management board tal-Majjistral Nature and History Park huma tal-fehma u anke ilmentaw bil-pass kajman li bih miexi l-izvilupp tal-park, aktar u aktar billi ħafna karozzi privati għadhom jitħallew jidhlu fil-heritage area li hija ekoloġikament rikka? Skond l-istess ġurnal din hija wkoll il-fehma tas-Sur Martin Galea, President ta’ Din l-Art Ħelwa, waħda mill-managing Non-Government Organisations tal-park?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li bħalissa qed jiġi ffinalizzat il-Management Plan wara li saret konsultazzjoni mal-pubbliku fuq l-ewwel abbozz. Dan kien eżerċizzju li ħa ċertu żmien minħabba li mhux faċli ssib soluzzjoni li tissodisfa lil kulħadd. Infurmat ukoll li s’issa hemm aċċess għal-park bil-karozza fuq it-toroq eżistenti. Il-ħsieb hu li dan l-aċċess jiġi limitat meta l-pjan ikun approvat, iżda wieħed irid ikun ċert li jibqa aċċess għall-persuni anke mill-inħawi li għandhom ħtieġa jaċċedu. Il- manager jista’ jipproċedi u jimplimenta deċiżjonijiet li jkunu approvati mill-Bord ta’ Tmexxija.

Reklutaġġ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ġiet reklutata u assenjata s-Sinjura li isimha qed jintbagħat separatament sabiex tevalwa l-applikazzjonijiet fl-ERDF għal ħlas ta' €50 fis-siegħa? Jista' jispjega kif is-Sinjura tista' tassessja l-applikazzjonijiet ta' ħuha, li ismu qed jintbagħat separatament, li hu konsulent ta' ħafna individwi u entitajiet li japplikaw għal fondi meta dan hu każ ta' konflitt ta' interess?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Ċittadella

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistqosija parlamentari 5696 u jgħid x’inhuwa l-programm ta’ xogħlijiet ta’ restawr u riabilitazzjoni taċ-Ċittadella għall-2009?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-mistoqsija Nru 5859 li prinċipalment tinkludi l-programm ta’ xogħlijiet ta’ restawr u riabilitazzjoni taċ-Ċittadella għall-2009 li ser isir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet.

Żebbuġ — Produzzjoni taż-żejt

Question

Filwaqt li ninforma lill-Ministru li l-perijodu li qed nitlob it-tagħrif dwaru huwa bejn Diċembru 2007 u Diċembru 2008, jista' issa l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4687, 4197, 3430 u 2637 u jgħid kemm-il kilo ta' żebbuġ huwa stmat li jiġi prodott f'Malta? Kemm-il litru ta' żejt jiġi maħdum minn dan? Hemmx xi pjanijiet sabiex din l-industrija tiżviluppa iktar? X'targets irid jilħaq il-gvern f'dan s-settur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Pjazza San Gwann

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa flus il-pavimentar fi Pjazza San Gwann kif wkoll dak li sar quddiem il-Kon Katidral ta' San Gwann?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-pavimentar li sar fl-2007 quddiem il-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann sewa madwar 257,000Euros filwaqt li l-pavimentar tal-pjazza sewa madwar 54,000Euros.