Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Staff

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fis-Segretarjat Ministerjali tiegħu (l-ismijiet mhumiex meħtieġa)? X’inhuma s-salarji u allowances li għandha kull persuna f’kull kariga u designation mill-Head of Secretariat sal-messenger/drivers? Kemm hemm membri tal-istaff ministerjali li qegħdin b’kuntratt definit u li mhumiex civil servants jew public officers? Liema karigi jinsabu jokkupaw? Il-kuntratti tagħhom kull meta jiskadu? Jekk hemm, kemm hemm membri tal-istaff ministerjali tiegħu li jservu wkoll fuq boards li fihom hemm rappreżentanza tal-Gvern Malti anke bħala minority shareholder? Liema huma dawn il-membri tal-istaff, x’karigi għandhom, fuq liema boards iservu u kemm jitħallsu ta’ dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għad-dokument Employment of Staff in private Secretariat li kien tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Nifhem li fit-tieni parti tal-mistoqsija tiegħu, l-Onor. Interpellant għadu qed isaqsi dwar membri tal-i staff tas-segretarjat tiegħi. Minn dawn, dawn li ġejjin huma b’kuntratt definit li jiskadi kull sena: · Head of Secretariat · Assistant Private Secretary · Office Co Ordinator · Communications Coordinator · Security Driver Minn dawn il-Head of Secretariat tiegħi iservi wkoll bħala: · Deputy Chairman, Grand Harbour Regeneration Corporation · Direttur, Malta Government Investment Co.Ltd · Direttur, Smart City (Malta) Ltd · Direttur, Smart City (Malta) Infrastructure Ltd Għal dawn il-pożizzjonijiet il-Head of Secretariat ma jitħallas xejn.

Ċirkewwa — Terminal - proġett

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11414 li saret f'Ottubru 2009 u jagħti rendikont dettaljat ta' fiex wasal il-proġett tat-Terminal taċ-Ċirkewwa? Kemm kienet in-nefqa proġettata lura għas-snin 2002/2003? Kemm intnefaq sal-lum, maqsumin fuq kull sena u għaliex dan il-proġett dam daqstant? Fl-istess waqt, nitlob li jiġi ppubblikat kemm kien ser jiswa oriġinarjament il-proġett tat-Terminal tal-Imġarr, kemm dam għaddej ix-xogħol fuqu, kemm ġiet tiswa d-differenza fl-ispiża għal kull terminal, għaliex u fid-dettall?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi l-proġett tat-Terminal taċ-Ċirkewwa wasal fil-fażi tat-tendering u aġġudikazzjoni relattiva; L-istima oriġinali tat-terminal taċ-Ċirkewwa kienet ta’ €17.3 miljun iżda l-iskala issa tnaqqset u l-ispiża kuntrattata mistennija tonqos; S’issa fuq il-breakwater u mollijiet fiċ-Ċirkewwa ntefqu €18.6 miljun u ma jidhirlix li kien hemm xi dewmien partikolari; L-istima għall-proġett tat-terminal tal-Imġarr kienet €13-il miljun waqt li ntefqu €11.8 miljun.

Manuel Dimech Bridge — budget għall-bridge

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14378 li saret f'Jannar li għadda u jgħid x'kienet ir-raġuni għala Manuel Dimech Bridge dam aktar mill-previst sabiex jitlesta? B'kemm ġie mtawwal dan il-proċess u kemm ġie jiswa aktar dan il-bridge mill-budget previst sabiex tlesta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qed iżżomm ammont ta’ pagamenti ekwivalenti għall-ammont ta’ penali skont il-kuntratt tax-xogħlijiet in kwistjoni minħabba li qed tisħaq illi d-dewmien fit-tlestija tal-proġett kien minħabba numru ta’ nuqqasijiet min-naħa tal-kuntrattur. Il-proġett dam 267 jum iktar mill-perjodu stipulat fil-kuntratt. L-ammont tal-kuntratt huwa ta’ EUR 4,649,562.08. Il-pagamenti li tħallsu għal xogħol fuq dan il-proġett ma jeċċedux dan l-ammont.

Għawdex — zebra/pedestrain crossings

Question

Peress li f'Għawdex għandna ħafna zebra crossings li mhumiex konformi mar-regolamenti u allura qed ikunu kaġun ukoll ta' diversi inċidenti, speċjalment da parti ta' sewwieqa barranin għaliex m'hemmx konformità mar-regoli u allura ma jindunawx bihom, jista' l-Ministru jara li kull zebra /pedestrain crossing f'Għawdex issir kif suppost?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li kull zebra crossing li saret f'Ghawdex fl-aħħar snin saret bil-permess u l-approvazzjoni tat-TM u skont l-ispecifications kollha applikabbli. Wara li jinħareg il-permess ix-xogħol isir jew mid-Dipartiment tal-Proġetti fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex jew mill-kunsill lokali konċernat. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli interpellant jikkjarifika ruħu dwar liema zebra crossings qiegħed jirreferi.

Żurrieq — Bubaqra - roundabout

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir roundabout fil-wesgħa bejn Triq Santa Marija, San Martin u Sant Andrija Bubaqra, Żurrieq għall-aħjar maniġġ tat-traffiku f'din l-inkursjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq diġà ressaq talba simili lil Transport Malta li mistennija tagħti d-deċiżjoni tagħha lil kunsill fil-ġranet li ġejjin.

Area ta' Smart City

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-area ta' Smart City hijiex kunsidrata mill-gvern bħala special designated area jew hijiex parti mill-villaġġi tal-Kalkara u/jew ix-Xgħajra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Smart City (Malta) skont LN 109 ta' 2007 hija Designated Special Area.

Furjana — Triq Sant' Anna - xogħlijiet fuq subways

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex x-xogħlijiet fis-subways fi Triq Sant' Anna l-Furjana qed jieħdu daqshekk fit-tul? Kemm ġew ivvutati flus għal dan ix-xogħol? Kemm intnefqu? Jista' jagħti l-breakdown tagħhom? Meta hu maħsub li jitlestew dawn ix-xogħlijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fuq is-subways ta’ Triq Sant’Anna l-Furjana tlestew fil-ġimgħat li għaddew. B’kollox ġew ivvutati €55,460 u qed isiru snag lists sabiex ikunu jistgħu jitlestew il-kontijiet finali tax-xogħol li sar.

ammont ta' cruiseliners li daħlu f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu cruiseliners f'Malta mill-1 ta' Jannar 2010 sal-lum? Jista' jagħti l-isem tal-vapuri u f'liema xhur daħlu Malta, kull xahar separatament? Kemm daħlu cruiseliners f'Malta għall-istess perjodu matul is-sena li għaddiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li in-numru ta’cruiseliners li daħlu f’Malta fl-2009 kien ta’ 143 waqt li mill-ewwel ta’ Jannar sa l-aħħar t’Awwissu 2010 daħlu b’kollox 161 cruiseliners. It-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra turi liema kienu il-cruiseliners li daħlu f’Malta fl-2010 xahar b’xahar.

Paceville — dħul u ħruġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala hemm erba' daħliet għal ġo Paceville, waqt li hemm post wieħed biss ta' ħruġ? F'każ ta' emerġenza jew traffiku kbir, jaħseb li dan l-arranġament huwa tajjeb? Hemm xi soluzzjoni għar-residenti li tant isofru?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan l-arranġament ta’ traffiku ġie attwat wara talba li saret mill-Awtorità tat-Turiżmu bħala parti minn proġett ta’ tisbieħ u tkabbir tal- promenade mill-Bajja ta’ San Ġorġ sa Triq il-Knisja, liema proġett kien jinkludi twessiegħ tal-bankini b’konsegwenza li kienet ser tidjieq it-triq tant li ma tippermettiex traffiku fiż-żewġ direzzjonijiet. Qabel l-approvazzjoni ġew analizzati t- traffic flows u wara li ġew analizzati r-riżultati, ġiet implimentata s-sistema ta’ one way , l-ewwel bi prova imbagħad b’mod permanenti. Dwar il-kwistjoni ta’ każi ta’ emerġenza, dawn jiġu indirizzati mill-awtoritajiet kompetenti skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.

Ħal Għaxaq — Servizzi fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol fuq Triq Giovanni Scicluna, Triq l-Ispavier, Triq in-Narċis u l-inħawi magħrufa bħala ż-żona ta' Landar f'Ħal Għaxaq biex jiġu mgħoddija s-servizzi fihom b'mod permanenti u jsir il-wiċċ ta' dawn it-toroq li s'issa qatt ma saru u li r-residenti ħallsu r-road contributions tagħhom madwar 16-il sena ilu?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 19277.

Awtorità dwar it-Trasport — Azzjoni neċessarja

Question

B'referenza għall-ittra mibgħuta separatament, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 3467 u 2624 u jgħid x'wieġbet l-Awtorità dwar it-Trasport peress li għaddew tmien xhur mindu ntalbet il-veduti tagħha u azzjoni neċessarja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li saru r-riċerki meħtiega u ġie stabbilit li dik il- parti ta’ triq imsemmija kienet iffurmata direttament mill-Gvern jew mill-kunsill lokali respettivament bejn is-sena 2000 u 2002. F’dan il-proċess ma ttieħdux il-miżuri kontemplati fil- ‘Code of Police Laws’ Parti II, ‘Fuq toroq’ Kapitlu 20 klawsola 14 u għalhekk ma tibqax applikabli Klawsola 5 tal-istess kodiċi. Dan iffisser li l-gvern fil-preżent ma jistax idur fuq terzi persuni biex ikun jista jikkumpensa lil dak li ttieħditlu l-art biex tkun iffurmata triq. Għalhekk inbeda proċess ta’ esproprazzjoni biex kumpens ikun jista' jingħata lil min ittieħditlu l-art għal formazzjoni ta’ triq.

Eureka Services Limited

Question

Jista' l-Minstru jgħid kemm kien il-ħruġ ta' flus li l-Gvern ħallas lill-Eureka Services Ltd għar-riċerki li saru matul is-sena 2009 mid-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 8842.

liċenzja tas-sewqan bil-kategorija miżjudin — nies li ma qagħdux għall-eżami

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies li għandhom il-liċenzja tas-sewqan bil-kategorija miżjuda mingħajr ma qagħdu għall-eżami, mill-2006 sa 2009? F' kull każ x'kienet ir-raġuni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn analizi li saret mis-sistema tal-liċenzji tas-sewqan, kien hemm total ta' 670 nies li għandhom kategoriji ta’ liċenzji li setgħu ġew miżjuda mingħajr ma qagħdu għal-eżami bejn is-sena 2006 u 2009. Dawn qed jiġu nvestigati kemm mill-Pulizija kif ukoll Transport Malta mqassma f’żewg gruppi; Grupp 1 - fih 127 każ. Minnhom 85 każ qed jiġu investigati mill-Pulizija. It-42 li jifdal għandhom ġustifikazzjoni valida u b’hekk m’hemmx bżonn aktar azzjoni fuqhom. Il-validita’ ta’ dawn ir-raġunijiet jinkludu: - (a) tibdil ta’ liċenzji maħruġa minn pajjiżi mill-Unjoni Ewropeja, jew mill-Awstralja, fejn klijent jagħżel li jaqleb il-liċenzja barranija għal dik Maltija (b) fejn id-dettalji tal-liċenzja ta’ persuna ma jkunux jidru fis-sistema kompjuteriżżata wara konferma fiżika tal-liċenzja l-antika, jew verifika mas-sistema l-antika tal-liċenzji (minn qabel 2001). Grupp 2 – fih 543 każ li qed jiġu nvestigati mill-Pulizija bl-għajnuna ta’ Trasport Malta. Hemm grupp ieħor għall-perjodu 2001-2005 li fih 921 każ li għadhom qed jiġu nvestigati minn Trasport Malta. Wara li jitlesta dan l-eżercizzju intern, dawn jiġu nvestigati wkoll mill-Pulizija.

Reserved parking for residents

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-lokalitajiet li għandhom reserved parking for residents? Liema huma t-toroq li huma parti minn dawk ir-reserved for residents? Jista' jgħid jekk kellux talbiet għal residents parking li ġew rifjutati? X'inhi r-raġuni wara kull rifjut?

Response (GATT, AUSTIN)

Nifhem illi l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-iskemi ta' " Reserved parking for Residents Only". Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ lokalitajiet bit-toroq li huma riservati għar-residenti. Jien infurmat li ma kien hemm l-ebda każ fejn talba għal-parkeġġ riservat għar-residenti li saret skont il-kriterji stabbiliti kienet rifjutata. Li jiġri normalment huwa li jekk kunsill lokali jagħmel talba simili imma għal triq waħda biss l-kunsill jintalab jissottometti talba ġdida skont il-kriterji stabbiliti u li jirrikjedu li talba trid tkun tinkwadra żona sħiħa. Barra minn dan jien infurmat li minħabba kawża li hemm għaddejja quddiem il-qrati superjuri dwar din il-materja Transport Malta ingħatat parir legali li sakemm tinqata’ l-kawża ma tkomplix tipproċessa talbiet bħal dawn. Irrid ngħid ukoll li, fi kwalunkwe każ, Transport Malta ma tipproċessax applikazzjonijiet minn kunsill lokali li jkunu għamlu xogħlijiet illegali fit-toroq u baqgħu ma rregolarizzawx il-posizzjoni tagħhom u dan skont id-direttiva Ministerjali li kont tajt jien.

xogħol ta' konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar erba' snin kemm għamel xogħol ta' konsulenza, l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għall-Ministeru tiegħu u/jew xi entità li taqa' taħtu? X'kien dan ix-xogħol ta' konsulenza u kemm tħallas hu jew id-ditta tiegħu ta' konsulenza għal dan ix-xogħol? Jekk kien, fuq liema bordijiet ta' aġġudikazzjoni serva flimkien ma' bordijiet u ad hoc committees oħrajn tul dan l-istess perjodu ta' żmien u kemm tħallas ta' dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-persuna msemmija m'għamlet l-ebda xogħol ta' konsulenza f'dawn l-aħħar erba' snin.

Żwieġ bejn Maltin u Barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn Maltin li huma miżżewġa lill-barranin u x'nazzjonalità huma dawn il-barranin li żżewġu? Jista' jgħid kemm kien hemm Maltin li żżewġu barranin fl-aħħar ħames snin u liema kien il-pajjiż oriġinali ta' dawn il-barranin li żżewġu Maltin?

Response (GATT, AUSTIN)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant li jkun iżjed speċifiku dwar il-perjodu li qed jirreferi għalih. L-informazzjoni mitluba dwar kemm Maltin iżżewġu barranin fl-aħħar ħames snin hija kif ġej: fl-2005 252 fl-2006 224 fl-2007 255 fl-2008 203 fl-2009 233 Dwar liema kien il-pajjiż oriġinali tal-barranin li żżewġu Maltin, nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi dawn il-pajjiiżi jammontaw għal madwar 92 pajjiż. Ta’ min wieħed jiġbed l-attenzjoni illi kien hemm istanzi ta’ żweġijiet b’rit mhux Kattoliku fejn dawn ma’ jiġux rreġistrati u allura mhumiex inklużi fl-istatistika li ngħatat aktar ‘il fuq, li tkopri biss dawk iż-żweġijiet li jkunu reġistrati.

tiswija ta' toroq arterjali

Question

Peress li xi snin ilu l-gvern kien ħabbar li se jsir xogħol ta’ tiswija fuq aktar minn 400 triq arterjali madwar il-pajjiż, u peress li jidher li numru minnhom għadu ma sar xejn fuqhom, jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawk it-toroq inklużi f’dan il-pjan li għad ma sar l-ebda xogħol fuqhom u jgħid f’liema lokalitajiet jinsabu? Jista’ jagħti indikazzjoni ta’ meta x-xogħol fuq dawn it-toroq jista’ jsir u x’żamm milli dawn it-toroq isiru kif kien imwiegħed?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 19277.

Ministeri għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — kuntratti b'direct order jew tender

Question

Jista’ l-Ministru jghid kemm-il kuntratt ingħata mis-segwenti entitajiet kemm b’diret order u kemm permezz ta’ tender Governattiv: Grand Harbour Regeneration Corporation p.l.c., Malta Freeport Corporation Limited, Malta Electronics Services Limited, Malta Government, Technology Investments Limited, Malta Information Technology Agency, Malta Communications Authority, Authority for Transport in Malta, Airport Charges Regulatory Board, Communications Appeals Board, CVA Board, Mouring Services Board, Port Workers Board, Port Workers Appeals Board, Printed Matters Appeals Board , Public Transport Appeals Board, Stamp Design Advisory Board? Lil min ingħata u kemm kien jiswa kull kuntratt fil-perjodu 2008, 2009 u 2010?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi din l-istatistika tinġabar u tiġi pubblikata mill-Kumitat tal-Kuntratti.

Request for Proposals għall-Management and Operations of Organised Mooring Areas — sejħiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18403 u jgħid kemm saru sejħiet s’issa bħala "Request for Proposals għall-Management and Operations of Organised Mooring Areas” mal-kosta ta’ Malta u Għawdex, fejn wasal il-proċess ta’ kull sejħa, minn min ġew evalwati l-offerti riċevuti u f’kull każ jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-evalwazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li saru tliet sejħiet bħala "Request for Proposals ghall-Management and Operation of Organised Mooring Areas” mal-kosta ta’ Malta u Għawdex. Il-proċess ta’ kull sejħa wasal s’hekk: · Xemxija - ġie aġġudikat favur Harbour Management Ltd imma il-proċess tal-għoti ġie appellat minn wieħed mill- bidders u għaldaqstant id-deċisjoni dwar l-appell għada mistennija; · Salina – ġie identifikat preferred bidder liema kundizzjonijiet tal-kuntratt għadhom qed jiġu negozjati mal-istess preferred bidder · Ta’ Xbiex - ġie identifikat preferred bidder liema kundizzjonijiet tal-kuntratt għadhom qed jiġu negozjati mal-istess preferred bidder L-offerti riċevuti ġew evalwati permezz ta’ kumitati iffurmati minn uffiċjali tal-awtorità. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti ta' evalwazzjoni.