Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ambaxxati Maltin — attivitajiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'kienu b’mod separat, l-attivitajiet ewlenin tal-Ambaxxati Maltin matul is-sena 2010? Kemm hemm Ambaxxati li jinħtieġu tradutturi biex jikkomunikaw mal-awtoritajiet tal-pajjiż fejn jinsabu ?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari qiegħed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra. Kien hemm sitt ambaxxati Maltin flimkien ma' konsulat Malti li kienu jeħtieġu s-servizzi ta' traduttur.

Persuni li mhumiex Maltin imma joqogħdu Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li mhumiex Maltin, iżda li joqogħdu f'Malta? Minn liema pajjiżi ġejjin dawn il-persuni li qed joqogħdu Malta, pajjiż pajjiż? X'tip ta' kontroll isir fuq dawk li huma barranin u joqogħdu hawnhekk?

Response (BORG, TONIO)

Permess ta' residenza tingħata lil dawk il-barranin li huma legalment residenti f'pajjiżna. Dawn jinkludu, fost oħrajn: (a) barranin miżżewġin ċittadini Maltin u li għandhom "exempt" status; dawn jammontaw għal: 1276; (b) persuni li jaqgħu taħt l-Iskema ta' Residenti Permanenti kif approvati mill-Ministeru tal-Finanzi; dawn jammontaw għal: 718; (c) persuni li jinħarġilhom permess tax-xogħol mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ: 1422; (d) ċittadini ta' l-Unjoni Ewropeja u familjari tagħhom li skond il-liġi Ewropeja għandhom dritt li joqogħdu Malta; (e) familjari ta' persuni hawn fuq elenkati: 416; (f) persuni li qed jistennew deċiżjoni dwar residence permit: 1036. Dawn il-persuni, uħud joqogħdu Malta u oħrajn le, iżda kollha għandhom dritt li jirrisjedu f'pajjiżna sakemm il-permess ta' residenza tibqa valida. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra Tabella A li turi n-numru u n-nazzjonalita' tal-persuni ġejjin minn pajjiżi terzi li għandhom permes ta' residenza, li turi wkoll l-iskop għalfejn ħareġ il-permess, kif ukoll Tabella B li turi dawk il-persuni li huma ċittadini tal-Ewropa u l-membri tal-familji tagħhom, li qed jgħixu Malta u li huma rreġistrati mad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal-Expatriates. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li Tabella A ma tinkludix dawk il-persuni li jgawdu minn Protezzjoni Internazzjonali jew li applikaw għall-ażil jew li t-talba tagħhom għall-ażil ġiet miċħuda - f'dan ir-rigward nitolbu li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qabel jinħarġu d-dokumenti meħtieġa lill-persuni hawn fuq imsemmija, isiru l-verifiki meħtieġa kollha u, jekk wara jinstab li nkisru xi kundizzjonijiet marbuta mar-residenza, jittieħdu l-passi meħtieġa

Persuna — status ta' refuġjat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, wara li daħlet fi żwieġ ta' konvenjenza u issa, kontra kull regola, biex tibqa' Malta applikat għal status ta' refuġjat?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant, li minħabba li din l-applikazzjoni tikkonċerna talba għall-asil, jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Status ta' refuġjati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid min huma l-membri tal-bord li jikkordinaw petizzjonijiet ta' barranin sabiex dawn jingħataw status ta' refuġjat hawn Malta? Kemm-il darba jiltaqgħu u jekk il-pubbliku għandux dritt li jkun infurmat u jingħata dettalji dwar xi applikazzjoni li tkun saret?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — food entitlement

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hemm impjegati fi ħdan il-ministeru u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu li għandhom food entitlement? Jista’ jgħid kemm hu l-budget allokat kull sena u kemm kienet in-nefqa f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm 25 ħaddiem li jaħdmu bħala Locally Engaged Personnel ġewwa l-Ambaxxati ta' Malta li ħadu xi food entitlement matul dawn l-aħħar tliet snin. M'hemm l-ebda budget allokat għal dan l-entitlement. In-nefqa matul dawn l-aħħar tliet snin kienet tammonta għal €68,184.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — self ta' flus

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti rendikont ta' kemm hu l-ammont ta' self li kull kumpanija/entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu kien fl-aħħar tas-sena 2010? Ma' min huwa dan is-self? Meta huwa maħsub li jitħallas dan is-self? Kemm huwa l-imgħax dovut u x'inhi r-rata ta' imgħax fuq dan is-self? Dan is-self huwa garantit mill-gvern?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma sar l-ebda self mill-kumpaniji/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi matul l-2010.

Ministru tal-Affarijiet Barranin — trasferiment ta' ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm intalbu trasferimenti minn ħaddiema fid-dipartiment/uffiċini li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f’dawn l-aħħar sitt xhur u kemm minnhom intlaqgħu? Jista' jgħid minn liema dipartiment intalab it-trasferiment u għal fejn sar it-trasferiment?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ntalbu erba' (4) trasferimenti minn ħaddiema li jaqghu taħt id-dekasteru tiegħi f'dawn l-aħħar sitt xhur u s'issa l-ebda talba ma ġiet milqugħa. Tlieta (3) minn dawn it-talbiet ġew mid-Dipartiment Financial Management u t-talba l-oħra saret mid-Direttorat Political.

nies li żaru lil Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li żaru Malta matul l-2010 minn dawn il-pajjiżi: Pakistan, Indonesia, Filippini, Kosta' ta' Ivorju u l-Ghana rispettivament?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' persuni mill-Pakistan, l-Indonesia, il-Filippini, il-Kosta ta' Ivorju u l-Ghana li ngħataw viżi biex jżuru Malta matul l-2010 kien kif ser jingħad: Pajjiżi Numru Pakistan 249 Indonesia 26 Filippini 429 Kosta' ta' Ivorju 2 Ghana 30

ċittadini Maltin li talbu l-għajnuna tal-Ambaxxata Maltija jew tal-Konslu

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien in-numru ta' ċittadini Maltin li talbu l-għajnuna tal-Ambaxxata Maltija jew tal-Konslu li jirrappreżentaw lil pajjiżna sabiex ikunu mħarsa d-drittijiet jew ċirkostanzi partikolari tagħhom li jikkonċernaw il-pajjiżi fejn jgħixu fil-preżent? Kemm minnhom kienu jirrigwardaw id-drittijiet tal-kura medika partikolarment pajjiż, pajjiż?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-2010 kien hemm dawn talbiet għall-għajnuna minn cittadini Maltin li kienu jinsabu imsiefra barra minn Malta: · arrest konessjoni ma' droga: 7 każi · mwiet li kien jirrikjedu li jiġu ripatrijati lura Malta: 4 każi · bżonn kura medika fi sptar fil-Greċja: 2 każi .

Salarju u onorarja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid xahar b'xahar mill-1 ta' Jannar 2008 sal-lum kemm tħallas, jiġifieri xi dħul daħħal hu, mill-istat Malti: a) bħala salarju tiegħu fil-kariga ta' Ministru tal-Kabinett; u b) bħala l-onorarja tiegħu qua Membru tal-Kamra tar-Rappreżentati? Jista' jiddikjara minn liema vot saru l-ħlasijiet rispettivi? Jista' jiddikjara xi dħul ieħor għandu, okkorrendo, bħala allowances?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant l-informażżjoni mitluba hija segwenti: 2008 Dħul nett ta' € 49,298 Derivanti minn slarju bażiku ta' € 37,625 (gross), onorarju € 19,487 (gross) u € 11,190 (gross) allowances u bonus 2009 Dħul nett ta' € 53,016 Derivanti minn slarju bażiku ta' € 39,999 (gross) onorarju € 25,453 (gross) u € 10,000 (gross) allowances u bonus 2010 Dħul nett ta' € 55,382 Derivanti minn salrju bażiku ta € 42,000 (gross), onorarju € 26,728 (gross) u €10,412 (gross) allowances u bonus Il-ħlas tas-salarju sar minn vot 1110, allowance u onorarju minn vot 1610 u bonus minn vot 1310.

Salarji u Onorarji ta' Ministru u Membri Parlamentari

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jinforma lill-Kamra b'liema strument legali ddaħħlet fis-seħħ id-deċiżjoni tal-Kabinett meħuda fil-5 ta’ Mejju 2008 fejn fiha, skont ma ingħad fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21691, ġie deċiż li l-Prim Ministru, il-Ministri, is-Segretarji Parlamentari, l-Ispeaker u l-Kap tal-Oppożizzjoni jitħallsu - kif ilhom jitħallsu sa mit-12 ta' Marzu 2008 - apparti s-salarju ta' Ministru, l-Onorarja li titħallas lill-membri parlamentari?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li deċiżżjonijiet ta' dan it-tip jittieħdu mill-Kabinett u jiġu implimentati mill-Ministeru tal-Finanzi.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — proprjetà immobiljari

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti rendikont xi proprjetà immobiljari għandu l-Ministeru tiegħu jew entità/kumpanija li jaqgħu taħtu mikrija mill-privat u kemm hu l-ammont ta' kera li tħallset lill-privat mill-Ministeru tiegħu u kull kumpanija/entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu fis-sena 2010? Jista' jikkonferma jekk matul is-sena 2011 din il-kera hijiex se togħla?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Business Councils

Question

Billi illum ħafna pajjiżi għandhom business councils ma' pajjiżi u reġjuni oħra b’riżultat dirett jew indirett ta’ ħidma diplomatika, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jindika kemm hemm business councils bejn Malta u pajjiżi terzi, liema huma, meta ġew stabbiliti u kemm-il darba ltaqgħu fis-snin 2008-2010?

Response (BORG, TONIO)

Fil-ħidma diplomatika tiegħu l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jaħdem mal-Għaqdiet Kostitwiti sabiex jitwaqqfu Kunsilli Kummerċjali bejn Malta u pajjiżi opħra. Dawn il-Kunsilli jgħinu fit-tisdiq ta' kuntatti ġodda, jippromwovu aktar kummerċ u investiment, filwaqt li jservu wkoll ta' bażi għal informazzjoni ta' natura kummerċjali. Il-Ministeru huwa nfurmat illi fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriza u l-Industrija hemm imwaqqfa numru ta' Kunsilli Kummerċjali (business councils) kif ġej: Pajjiż Stabbilit Laqgħat It-Tuneżija 2010 2 (2010) L-iSkandinavja 2009 8 (2010) L-Eġittu 2009 3 (2009) Il-Ġermanja 2010 3 (2010)

Rappreżentanza Diplomatika tal-Palestina f'Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar l-istatus tar-Rappreżentanza Diplomatika tal-Palestina f'Malta fil-ġejjieni?

Response (BORG, TONIO)

B'rikonoxximent kemm tar-rabtiet storiċi ta' ħbiberija mal-poplu Palestinjan kif ukoll tad-dritt għal stat, Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi Ewropej li tat lir-Rappreżentanza Dipkomatika Palestinjana l-istatus ta' Ambaxxata. Għaldaqstant l-Ambaxxata, l-Ambaxxatur Palestinjan u d-diplomatiċi Palestinjani oħra akkreditati għal Malta huma mogħtija l-privileġġi li huma mogħtija lill-Ambaxxati l-oħra f'Malta.

Zjara tal-Ministru fl-Iżreal u l-Palestina

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk għandux xi ħsieb li jagħmel stqarrija fil-Parlament u/jew jagħti rendikont dettaljat taż-żjara riċenti tiegħu f’Iżrael u fil-Palestina quddiem il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament Malti? Iż-żjara prospettiva tal-Prim Ministru Malti f’Izrael u l-każ BWSC ġew diskussi f’xi livell jew ieħor? X’inhuma l-oqsma ta’ koperazzjoni ekonomika u kummerċjali li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi bħalissa? Meta mistenni jidħol fis-seħħ id-double taxation agreement bejn iż-żewġ pajjiżi u x’oqsma ġodda ta’ koperazzjoni ġew identifkati mill-Gvern Malti bħala oqsma li joffru potenzjal għal pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li beħsiebni nirraporta fuq din iż-żjara fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat ta' Affarijiet Barranin u Ewropej; dwar "Double Taxation Agreement" sar progress sostanzjali; fil-laqgħat li kelli ġiet diskussa ko-operazzjoni fil-qasam tas-saħħa u kultura. Fit-Territorji Palestinjani ġie ffirmat ftehim dwar l-IT u l-Gvern ta' donazzjoni ta 30,000 euro lill-UNWRA f'Gaża.

Delegazzjonijiet governattivi jżuru pajjizi terzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid meta delegazzjonijiet governattivi u/jew dawk immexxija mill-ET il-President tar-Repubblika jżuru pajjiżi terzi u jkollhom fosthom rappreżentanti mis-settur kummerċjali u intraprenditorjali Malti, kemm bħala ditti individwali u/jew bħala organizazzjonijiet u għaqdiet kostitwiti, min-naħa tal-Gvern liema entita’ tassumi r-responsabbilta’ biex tiżgura li jsiru l-follow ups mistennija mal-pajjizi u mal-entitajiet tal-pajjizi li jkunu għadhom kif żaru, primarjament il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin innifsu, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment jew il-Malta Enterprise innifisha?

Response (BORG, TONIO)

Il-ħidma sabiex jitkattar il-kummerċ u l-investiment Malti tagħmel parti integrali mill-ħidma tal-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment kif ukoll mill-ħidma wiesa' tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. F'okkażjonijiet meta rappreżentanti mis-settur kummerċjali u intraprenditorjali Maltin jissieħbu biex jiffurmaw parti minn delegazzjonijiet Presidenzjali, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jikkoordina mal-Uffiċċju tal-President, mal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, mal-Malta Enterprise kif ukoll mal-Għaqdiet Kostitwiti bil-għan li jsiru l-preparamenti meħtieġa b'mod partikolari fejn jidħlu kuntatti ma' entitajiet barranin fejn id-delegazzjoni tkun sejra. Fil-każ ta' follow ups wara żjajjar li jkun saru, dan ġeneralment isir kemm mill-Malta Enterprise kif ukoll mill-intraprendituri nfushom. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kif ukoll il-Malta Enterprise dejjem jibqgħu lesti biex jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-intraprendituri f'dan il-qasam kull fejn u meta jkun hemm il-ħtieġa.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — inkjesti/investigazzjonijiet u stħarriġ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm saru inkjesti/investigazzjonijiet/stħarriġ interni f’kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f’dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid kemm minnhom għadhom pendenti u kemm ġew konklużi? Jista' jgħid in-natura tal-każ? Jista' jgħid id-dipartiment konċernat u l-kariga tal-persuni involuti, jekk itteħdux passi dixxiplinarji/legali u jekk ġew sospiżi xi nies?

Response (BORG, TONIO)

Fis-snin imsemmija kien hemm sitt każijiet li kollha ġew konklużi u li kienu kontra impjegati pubbliċi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u ċioe Head Office u l-fergħat tiegħu, rappreżentanzi diplomatiċi, u d-dipartiment taċ-ċittadinanza. Ittieħdu passi dixxiplinarji wara investigazzjoni kontra żewġ "first secretaries", office- in-charge minor staff, assistent head, impjegat tal-IPSL, visa officer ta' nazzjonalità barranija, u skrivana. L-akkużi kienu jvarjaw abbuż minn sistema ta' telekommunikazzjoni, skartar; abbuż ta' sick leave; assenza mhux awtoriżżata; nuqqas ta' osservanza ta' proċeduri interni; ksur ta' regoli fil-ħruġ ta' visas u serq ta' laptop.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — voti approvati li ma ġewx utilizzati

Question

B'referenza għall-Estimi 2010 approvati mill-Parlament, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti d-dettalji item item, kemm mill-voti approvati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx utilizzati (minfuqa) inkluż il-Voti taħt Contributions to Government Entities, Programmes and Initiatives u Kapitali?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-informazzjoni li tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Union of the Mediterranean — informazzjoni rigward id-Deputat Segretarju Ġenerali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid, in konnessjoni mar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 22357, fiex jikkonsisti l-emolumenti globali f'termini ta' Euro, allowances u perks li qiegħed jirċievi d-Deputat Segretarju Ġenerali nominat minn Malta għall-Union of the Mediterranean? Kif ġie kkalkulat dan il-emolumenti globali? Pajjiżi oħra qed iħallsu l-istess emolumenti lil dawk nominati minnhom bħala Deputat Segretarju Ġenerali?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Emolumenti Globali tal-persuna li qed tokkupa din il-kariga, huma ta' €86,275 fis-sena, li minn dan l-ammont €3,261.12 huma representation allowance. Dawn l-Emolumenti Globali ġew ikkalkulati fuq Salarju Skala 2. L-Emolumenti Globali jiġu stabbiliti minn Nazzjonijiet Uniti u approvati mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment. Waqt laqgħa għall-Uffiċjali Għolja tal-Unjoni għall-Mediterran, il-Pajjiżi Membri, iddeċidew li dawk il-pajjiżi li jinnominaw Deputat Segretarju Ġenerali, jiġifieri l-Italja, il-Greċja, Malta, l-Iżrael u t-Turkija għandhom iħallsu l-Emolumenti Globali tal-uffiċjali kkonċernati. Ġie però miftiehem ukoll li għall-ewwel tlett snin ta' ħidma tas-Segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran, li l-Emolumenti Globali tas-Segretarju Ġenerali u tad-Deputat Segretarju Ġenerali nnominat mill-Awtorita' Palestinjana jitħallsu mill-fondi tas-Segretarjat.

resident permits għall-persuni barranin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk twaqqfux milli joħorġu resident permits u permessi oħra għal dawk il-persuni barranin li jkunu se jixtru proprjetà f'Malta? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni wara din id-deċiżjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b'mod ġenerali permessi ta' residenza jinħarġu sabiex persuni barranin jirrisjedu Malta. Dwar permessi li persuni barranin jeħtieġu biex jixtru proprjetà nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.