Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trade Malta – Missjoni kummerċjali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27921 dwar il-ħidma li saret matul is-sena li għaddiet mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna fil-Ġappun, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm kien hemm missjonijiet kummerċjali mmexxija minn Trade Malta u jagħti d-dettalji relattivi ta' dak li seħħ fihom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li TradeMalta organizzat delegazzjoni kummerċjali uffiċjali waħda lejn il-Ġappun matul il-perjodu msemmi. Din il-missjoni saret bejn l-10 u s-16 ta’ Novembru 2024 u kienet iffukata b’mod partikolari fuq is-settur tat-Taħriġ u l-Edukazzjoni. Id-delegazzjoni kienet tinkludi tliet kumpaniji privati u għaxar entitajiet governattivi, u żaret kemm Tokyo kif ukoll Osaka. F’Tokyo, saru laqgħat ma’ diversi istituzzjonijiet ewlenin fosthom il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta’ Tokyo, l-International House of Japan, iċ-Ċentru UE-Ġappun għall-Kooperazzjoni Industrijali, JETRO (Japan External Trade Organisation), u MIPRO (Manufactured Imports and Investment Promotion Organisation). Saru wkoll laqgħat ta’ segwitu. F’Osaka, id-delegazzjoni kellha laqgħat mal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta’ Osaka, Quintbridge u l-Università Kindai, kif ukoll laqgħat oħra ta’ segwitu. Separatament, membri mit-tim ta’ TradeMalta, li jiffurmaw parti mill-Kumitat Tekniku għall-Expo 2025, żaru l-Ġappun f’Settembru 2023 u f’Ġunju 2024 bħala parti mill-preparamenti għal missjonijiet kummerċjali li ser isiru matul l-Expo 2025.

Consul-on-the-Move — Servizzi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27918, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm talbiet pendenti għas-servizz magħruf bħala Consul-on-the-Move u fejn?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum hemm 227 talba pendenti għas-servizz magħruf bħala Consul-on-the-Move (COTM) fil-pajjiżi tal-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Renju Unit, u New Zealand. L-Ambaxxati u l-Kummissjonijiet Għolja Maltin qed jagħmlu l-preparamenti meħtieġa sabiex iż-żjarat tal-COTM jitwettqu fix-xhur li ġejjin, biex dawn it-talbiet jiġu milqugħa.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Rigali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm qala rigali minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa u min tahulu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ħabsijiet barra minn Malta — Ċittadini Maltin

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26610 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jgħid kemm hawn ċittadini Maltin f'ħabsijiet barra minn Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ Maltin f’ħabsijiet barra minn Malta bħalissa jammonta għal sittax (16) -il persuna. Tajjeb wieħed iżid li l-lista tinkludi biss dawk iċ-ċittadini Maltin li talbu l-għajnuna mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu. Dan jinkludi kuntatt mal-Ministeru f'Malta u mal-Ambaxxati u l-Konsulati ta' Malta f'artijiet barranin. Tajjeb li wieħed jinnota wkoll li skont il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari, jekk priġunier ma jitlobx għajnuna mir-rappreżentanza diplomatika tiegħu, din tal-aħħar ma tistax tagħmel kuntatt miegħu jew magħha. Għaldaqstant iċ-ċifra tista’ ma tirriflettix l-ammont kollu tal-persuni ta’ nazzjonalità Maltija li jinsabu f’ħabsijiet barra minn Malta.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Kiri ta’ karozzi - Nefqa

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24397 u 24916 u jgħid kemm intefqu flus biex inkrew karozzi taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nkrew, minn liema kumpanija nkrew, id-data tal-bidu u t-tmiem ta’ kull kirja, jekk inkrewx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nkrew u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inkriet kull karozza? Jista' jagħti din l-informazzjoni fil-format li qed jingħata separatament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti, hemm 24 vettura mikrija.

Bajjiet — Reċipjenti meħtieġa għall-iskart

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid meta hu mistenni li jitpoġġew ir-reċipjenti meħtieġa għall-iskart, fuq il-bajjiet madwar Malta u Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex — Lukandi u guest houses - Tourist beds

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ tourist beds li hemm irreġistrati f’Għawdex, f’lukandi, guest houses u binjiet oħra li jintużaw bħala residenza turistika u f’kull każ jaqsam l-informazzjoni raħal b’raħal u skont il-kategorija tal-akkomodazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-tabella t’hawn taħt: Tourist Beds - Għawdex Hotels Guesthouses Hostels Holiday Furnished Premises Ir-Rabat 152 93 0 446 Il-Fontana 0 0 0 63 Għajnsielem 226 0 0 379 L-Għarb 0 75 0 897 L-Għasri 0 0 0 560 Ta' Kerċem 0 56 0 448 Santa Luċija 0 0 0 0 Il-Munxar 42 18 0 129 Xlendi 258 41 0 384 In-Nadur 22 0 0 445 Il-Qala 20 50 0 522 San Lawrenz 276 0 0 284 Ta' Sannat 183 0 14 292 Ix-Xagħra 110 184 0 1295 Ix-Xewkija 17 34 0 235 Iz-Żebbuġ 0 0 0 618 Marsalforn 220 164 20 684

Ambaxxata ta’ Malta fiċ-Ċina — Rapport ta’ ħidma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-ħidma li saret matul is-sena li għaddiet mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna fiċ-Ċina inkluż il-ħidma tal-konsolati relatati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-ħidma li saret matul is-sena li għaddiet mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna fiċ-Ċina inkluż il-ħidma tal-konsolati relatati.

MCC — CEO

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27488 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tas-CEO tad-Dar tal-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll kemm hu s-salarju tiegħu u x'inhuma l-perkaċċi u kemm jammontaw f'termini ta’ flus fis-sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tas-CEO tad-Dar tal-Mediterran għall-Konferenzi (MCC).

Memorandum of Understanding bejn il-Gvern u l-Iżrael

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm ntbagħtu pazjenti l-Iżrael għal kura, bis-saħħa tal-Memorandum of Understanding li kien iffirmat f’Ottubru tal-2013?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Swimming zones

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid meta hu mistenni li jiġu mmarkati s-swimming zones differenti li għandna madwar Malta u Għawdex, kif ukoll meta hu mistenni li s-slielem li jagħtu aċċess għall-baħar jitpoġġew f’posthom, b’mod partikulari fl-inħawi fejn hu magħruf li jkun hemm anzjani li jiffrekwentaw l-inħawi għall-għawm?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Consul-on-the-Move — Xiri ta’ apparat aktar modern

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk huwiex previst li matul din is-sena jkun hemm xiri ta’ apparat aktar modern relatat mas-servizz tal-Consul-on-the-Move?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu xtara sitt tablets bijometriċi biex jintużaw waqt il-programm Consul on the Move. Dan l-apparat inxtara relattivament riċentement, u bħalissa hemm biżżejjed tablets biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-Ambaxxati u l-Kummissjonijiet Għolja Maltin li jwettqu dan ix-xogħol. Barra minn hekk, il-Ministeru jżomm kuntatt kontinwu mal-kumpanija li tipprovdi dan is-servizz sabiex jiġi żgurat li l-apparat jibqa’ aġġornat skont il-ħtiġijiet tal-programm. Għaldaqstant, bħalissa m’hemmx il-ħtieġa li jinxtara apparat ġdid.

Consul-on-the-Move — Servizzi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’servizzi ngħataw u utilizzaw relatati mal-Consul-on-the-Move matul is-sena li għaddiet u f’liema pajjiżi sar dan?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2024 seħħew ħdax (11) -il żjara tal- Consul-on-the-Move. Is-servizzi li ngħataw waqt dawn iż-żjarat kienu dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ applikazzjonijiet għall-passaporti jew tiġdid tagħhom, applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza, reġistrazzjoni ta’ avvenimenti tal-ħajja bħal twelid, żwieġ, u mwiet u servizzi konsulari oħra bħal prokuri u xhieda tal-ġuramenti. Dawn iż-żjariet saru ġewwa l-Awstralja, New Zealand, l-Istati Uniti, l-Kanada u r-Renju Unit.

Ambaxxata ta’ Malta fil-Ġappun — Rapport ta’ ħidma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-ħidma li saret matul is-sena li għaddiet mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna fil-Ġappun?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena li għaddiet, l-Ambaxxata ta’ Malta fil-Ġappun kompliet tagħti spinta lill-interessi politiċi, ekonomiċi u kulturali ta’ Malta f’dan il-pajjiż. Fir-raba’ sena mit-twaqqif tagħha, l-Ambaxxata kompliet isservi bħala pont ewlieni għall-kooperazzjoni bilaterali f’diversi oqsma fosthom il-kummerċ, it-turiżmu, l-edukazzjoni u l-wirt kulturali. Il-kisbiet ewlenin jinkludu: Preparazzjonijiet għall-EXPO 2025 f’Osaka: L-Ambaxxata kkoordinat il-proċess ta’ kostruzzjoni tal-ewwel paviljun nazzjonali ta’ Malta fi spazju dedikat, kif ukoll kisbet sħubijiet strateġiċi għall-parteċipazzjoni ta’ Malta. Diplomazija Ekonomika: L-Ambaxxata ffaċilitat diversi laqgħat ta’ livell għoli ma’ entitajiet Ġappuniżi, inkluż missjoni kummerċjali mmexxija minn Trade Malta. L-irwol tal-Ambaxxata kien instrumentali fl-organizzazzjoni u loġistika hekk kif ġew organizzati żewġ avvenimenti f’Tokjo u Osaka rispettivament. Is-setturi kkonċernati huma dawk ta’ innovazzjoni diġitali, edukazzjoni u wirt kulturali. L-Ambaxxata baqgħet f’kuntatt mal-entitajiet u kumpaniji kkonċernati biex dak li inkiseb fiż-żjara jkompli jiġi żviluppat. Skambji Akkademiċi: L-Ambaxxata, bl-appoġġ tal-Konslu Onorarju ta’ Malta f’Osaka, kkoordinat u qarrbet l-Università ta’ Malta u l-MCAST mal-Università ta’ Kindai f’Osaka. F’Novembru 2024, waqt ż-żjara ta’ dawn l-istituzzjonijiet akkademiċi fil-Ġappun, Memorandum ta’ Ftehim (MoU) ġie iffirmat. Fl-2024 ġie ffirmat ukoll ftehim importanti bejn l-Università f’Kobe u l-ITS. Dan kien possibbli grazzi għaż-żjarat kontinwi tal-ITS lejn il-Ġappun tul dawn l-aħħar snin, dejjem assistiti mill-Ambaxxata. Wirt Kulturali: L-Ambaxxata kompliet tassisti lil Heritage Malta fil-Ġappun bil-proċess ta’ restawr ta’ tlett armaturi tas-samuraj li kienu instabu Malta u li twasslu l-Ġappun bl-għajnuna tal-Ambaxxatur u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Grazzi għal kuntatti li għamlet l-Ambaxxata, ġie identifikat workshop fil-belt ta’ Kyoto li aċċetta li jirrestawra l-armaturi. Impenn Politiku: Fl-2024 kien hemm attendenza u parteċipazzjoni tal-Ambaxxatur u d-Deputat tiegħu f’avvenimenti importanti organizzati mill-Familja Imperjali Ġappuniża, Gvern Ġappuniż u Ambaxxati oħrajn akkreditati fil-Ġappun. Seħħet ukoll laqgħa bejn l-Ambaxxata u l-Grupp Parlamentari ta’ Ħbiberija bejn Malta u l-Ġappun magħmul minn parlamentari Ġappuniżi. Ix-xogħol tal-Ambaxxata matul l-2024 ikkontribwixxa biex tiżdied il-viżibilità ta’ Malta, biex jiżdiedu u jissaħħu l-kuntatti, u biex jitkomplu proġetti bilaterali u nazzjonali.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul April 2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – Sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati — Nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm intefqu flus mill-baġit tal-Ministeru tiegħu fi sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kif mitluba taqbeż l-advisory cost limit.

Kunsilli lokali — Spejjeż addizzjonali għat-tindif mis-siti ta’ ġbir ta’ skart

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27012 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid jekk il-kunsilli lokali humiex mistennija jġorru (kif qed jagħmlu), spejjeż addizzjonali minn fondi pubbliċi biex inaddfu wara l-Iskemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs) li mis-siti ta’ ġbir ta’ skart għandhom benefiċċji pekunjarji?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Żviluppi kummerċjali — Skart iġġenerat

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27013 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid min hu responsabbli u kif, tal-entità responsabbli biex tiżgura li l-iskart iġġenerat minn żvilupp kummerċjali ma jiġix miġbur mill-kuntrattur li jopera s-servizz ta’ ġbir bieb bieb, f’kull waħda mis-sitt reġjuni ta’ pajjiżna?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Nefqa fuq reklamar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27131 u 27695 u jgħid kemm intefqu flus f’reklamar fil-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament matul is-sena 2024 u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ġinevra — Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid għaliex Malta ma kinitx preżenti mat-43 stat ieħor meta fit-3 ta’ April 2025, l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Ġinevra adottaw riżoluzzjoni storika biex joħolqu grupp ġdid ta’ ħidma intergovernattiva inkarigat mill-abbozzar ta’ strument internazzjonali legalment dwar id-drittijiet tal-persuni anzjani?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għal ħafna snin, il-pożizzjoni ta’ Malta kienet konsistentement favur it-tisħiħ tad-drittijiet tal-anzjani u dan mhux biss għaliex Malta tospita l-Istitut Internazzjonali dwar l-Anzjanità, imma għaliex temmen bis-sħiħ dwar l-importanza li nkomplu nsaħħu l-qafas tad-drittijiet tal-anzjani tagħna. Malta dejjem kienet madwar il-Mejda ta’ diskussjoni u dejjem rat li tagħti l-kontribut tagħha. Wara bosta snin ta’ dibattitu, il-Grupp ta’ Ħidma Miftuħ dwar l-Anzjanità wasal għal konklużjoni b’suċċess fi New York bl-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-UNGA 78/324 fit-13 ta’ Awwissu 2024, li fost punti oħra pproponiet konsiderazzjoni ta’ strument legalment vinkolanti dwar persuni anzjani. Ir-riżoluzzjoni li tistabbilixxi Grupp ta’ Ħidma Inter-Governattiv ġiet addottata b’kunsens f’Ġinevra, u Malta ikkosponsorjat din ir-riżoluzzjoni fil-jiem li għaddew. Intant, f'Ġinevra, Malta hija parti wkoll mill-Grupp ta' Ħbieb dwar id-Drittijiet tal-Anzjani, li l-funzjoni ewlenija tiegħu kienet li timbotta 'l quddiem l-idea ta' strument legalment vinkolanti li jwassal għal Konvenzjoni ġdida 'l quddiem.